Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0060/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Mariya Gabriel, Andrey Kovatchev, Esther de Lange, Michèle Alliot-Marie, Tunne Kelam, Lars Adaktusson, Davor Ivo Stier, Philippe Juvin

f'isem il-Grupp PPE

 

B8‑0060/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-23 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Iraq għadu jħabbat wiċċu ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tiegħu hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni ġenwina lejn id-demokrazija; billi l-Iraq qiegħed jaffronta l-aktar mewġa gravi ta' vjolenza mill-2008;

B.     billi skont iċ-ċifri tal-mortalità ppubblikati mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) fl-1 ta' Lulju 2014, total ta' 2,417-il Iraqin ġew maqtula u 2,287 oħra ndarbu (bl-esklużjoni tal-provinċja ta' Anbar) f'atti ta' terroriżmu u vjolenza f'Ġunju 2014;

C.     billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) hemm madwar 1.2 miljun persuna spustata internament (IDPs) fl-Iraq ċentrali u tat-tramuntana u madwar 1.5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja;

D.     billi l-gwerra ċivili li għaddejja bħalissa fis-Sirja ffaċilitat l-aċċess għall-militanti – b'mod partikolari dawk tal-Istat Iżlamiku, li qabel kien magħruf bħala l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Levant (ISIL) – u l-ġellieda barranin; billi fl-10 ta' Ġunju 2014 l-ISIL okkupa u kkontrolla Mosul, it-tieni l-akbar belt fl-Iraq;

E.     billi sa 10 000 persuna mill-komunitajiet predominantament Insara ta' Qaraqosh (magħrufa ukoll bħala Al-Hamdaniya), belt Assirjana storika, ħarbu minn djarhom fil-25 ta' Ġunju 2014 wara li ġie sparat nar (mortars) li niżel ħdejn il-belt; billi hu mifhum li mill-2003 mill-inqas nofs l-Insara tal-Iraq ħallew il-pajjiż; billi skont l-Open Doors International, in-numru ta' Insara fl-Iraq naqas b'mod sinifikanti minn 1.2 miljuni fil-bidu tal-1990 għal bejn 330 000 u 350 000 fil-preżent; billi l-protezzjoni tal-Insara tal-Iraq tiddependi prinċipalment fuq il-forzi armati tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan (Peshmergas), mingħajr appoġġ adegwat mill-Gvern Iraqin;

F.     billi l-Istat Iżlamiku ddikjara t-twaqqif ta' kalifat, stat Iżlamiku ġdid, fid-29 ta' Ġunju 2014 fit-territorji li jikkontrolla fl-Iraq u s-Sirja, u l-mexxej tagħha, Abdu Bakr al-Baghdadi, iddikjara lilu nnifsu bħala l-kaliff;

G.     billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (SRSG), is-Sur Nickolay Mladenov, esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar id-dimensjoni dejjem aktar settarja tal-ġlied fl-Iraq u r-rapporti kontinwi li l-Istat Iżlamiku u gruppi tal-oppożizzjoni armati/terroristi oħrajn qed jippersegwitaw il-membri tal-komunitajiet reliġjużi u etniċi tal-Iraq;

H.     billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li tqiegħed fuq ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' IDPs;

1.      Jikkundanna bis-saħħa l-attakki tal-Istat Iżlamiku u ta' gruppi armati/terroristi oħrajn kontra ċ-ċittadini u l-istat tal-Iraq; jinsab imħasseb sew dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fl-Iraq u l-atti kontinwi ta' vjolenza magħmula kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gruppi vulnerabbli u l-komunitajiet reliġjużi; jenfasizza l-fatt li l-Istat Iżlamiku mhuwiex biss theddida għall-istabilità tal-Iraq, imma theddida għar-reġjun sħiħ; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi mejtin u midruba;

2.      Jikkundanna bis-saħħa l-attakki mmirati lejn iċ-ċivili, inklużi l-isptarijiet, l-iskejjel u postijiet ta' talb, u l-użu tal-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali fil-kunflitt; jenfasizza l-fatt li m'għandu jkun hemm l-ebda impunità għan-nies li jagħmlu dawn l-atti; jinsab imħasseb sew dwar il-kriżi umanitarja u ċ-ċaqliq fuq skala kbira ta' ċivili;

3.      Jistieden lill-Gvern Iraqin u lill-mexxejja politiċi kollha biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni liċ-ċittadini Iraqini kollha, b'mod partikolari lil membri ta' gruppi vulnerabbli u komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara; jistieden lill-Gvern Iraqin biex jiżgura rispons għall-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet affettwati, jipprovdi servizzi essenzjali, jiffaċilita l-passaġġ sikur u mingħajr xkiel taċ-ċivili li jkunu qed jaħarbu mill-vjolenza, u jiżgura l-aċċess sikur tal-atturi umanitarji għall-popolazzjonijiet affettwati kollha;

4.      Jenfasizza l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali għall-istabilità u l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun; jenfasizza li l-UE tenniet l-appoġġ tagħha għall-awtoritajiet Iraqini fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u enfasizzat li r-rispons tas-sigurtà għandu bżonn jintrabat ma' soluzzjoni politika sostenibbli mill-Gvern tal-Iraq, li jinvolvu lill-mexxejja Iraqini kollha u l-komunitajiet fi spirtu ta' unità nazzjonali; ifakkar li s'issa kien hemm nuqqas ta' djalogu politiku reali u inklużiv li jikkontribwixxi għar-rigress tal-kuntest tas-sigurtà; jistieden lill-Gvern tal-Iraq u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan biex jaqblu dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha;

5.      Jinnota bi tħassib li l-kunflitt fis-Sirja rriżulta fi fluss imġedded ta' ġellieda barranin fir-reġjun; jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jikkontribwixxu għall-isforzi tal-promozzjoni tal-istabilità fl-Iraq u r-reġjun;

6.      Jenfasizza li l-ISIL huwa suġġett għall-embargo fuq l-armi u l-iffriżar tal-assi imposti bir-riżoluzzjonijiet Nri 1267 (1999) u 1989 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawk il-miżuri;

7.      Jilqa' kif saru t-tielet elezzjonijiet għall-Kunsill tar-Rappreżentanti li saru fil-ħin u bi qbil mal-Kostituzzjoni Iraqina; jirrikonoxxi l-kuraġġ ta' ħafna ċittadini Iraqini li ħarġu biex jivvutaw; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha, speċjalment il-Prim Ministru Nouri al-Maliki, biex jiżguraw li jifforma gvern inklużiv bħala kwistjoni ta’ urġenza; jiddisjaċih li l-Parlament Iraqin ikkanċella s-sessjoni tiegħu fit-8 ta' Lulju 2014, minkejja s-sejħiet mill-SRSG biex jinħatar speaker matul din is-sessjoni;

8.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE tad-19 ta' Ġunju 2014 li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b' EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spustati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 12-il miljun;

9.      Jappoġġja l-isforzi tal-UE biex tgħin lill-Iraq jippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u l-istat tad-dritt, fost l-oħrajn billi jibni fuq l-esperjenzi u l-kisbiet tal-missjoni EUJUST LEX-Iraq, li – sfortunatament – temmet il-mandat tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013; jappoġġja wkoll l-isforzi tal-UNAMI u dawk tal-SRSG biex jassistu lill-Gvern tal-Iraq fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tiegħu, billi jiħeġġeġ l-istat tad-dritt, jiġi ffaċilitat id-djalogu reġjonali, jitjieb l-għoti ta' servizzi bażiċi u tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.