Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0061/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Victor Boştinaru, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Ana Gomes, Kati Piri, Eugen Freund, Demetris Papadakis

f'isem il-Grupp S&D

 

B8‑0061/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b’mod partikolari dik tas-27 ta’ Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[1],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq[2],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.     billi l-Istat Iżlamiku (IS), is-sottogrupp dissidenti jihadist tal-al-Qaeda – dak li qabel kien l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL) – ħakem partijiet mill-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-ikbar belt fl-Iraq, Mosul, u kompla bl-eżekuzzjoni sommarja ta' ċittadini Iraqini, bl-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, il-qerda ta' postijiet ta' qima u ta' santwarji tax-Xiiti, is-Sufi u s-Sunni, il-profanazzjoni ta' knejjes, u atroċitajiet oħra kontra l-popolazzjoni ċivili; billi l-IS iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jeħles lill-Iraq mix-Xiiti u li jeqred postijiet sagri tagħhom fl-ibliet ta' Karbala u Najaf;

B.     billi hemm rabta diretta bejn is-sitwazzjoni fl-Iraq u dik fis-Sirja, li kienet kruċjali għaż-żieda tal-IS; billi l-libertà ta' moviment li l-IS għandu bejn is-Sirja u l-Iraq ipprovdietu bl-opportunitajiet biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi u jasserixxi ruħu aktar fir-reġjun, u ppermettietu jipproklama "kalifat" f'territorju minqux mis-Sirja u l-Iraq;

C.     billi l-IS irnexxielu jikseb sorsi ta' dħul sinifikanti minn sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, mill-bejgħ ta' żejt fir-reġjuni tat-Tramuntana tas-Sirja li huma taħt l-okkupazzjoni tal-IS u permezz ta' fondi minn donaturi għonja, b'mod partikolari mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda;

D.     billi din iż-żieda qawwija tal-IS uriet il-fraġilità tal-armata u tal-istituzzjonijiet Iraqini, li huma kkaratterizzati mill-korruzzjoni, is-settarjaniżmu u l-politiki ta' esklużjoni tal-gvern tal-Prim Ministru, Nuri al-Maliki, li wasslu għall-aljenazzjoni sostanzjali tal-minoranza Sunni fl-Iraq;

E.     billi l-president tal-Gvern Reġjonali Kurd (KRG), Massoud Barzani, talab lill-parlament reġjonali biex jifforma kummissjoni elettorali indipendenti biex tibda torganizza referendum dwar l-indipendenza ta' dan ir-reġjun parzjalment awtonomu;

F.     billi l-elezzjonijiet parlamentari li saru fit-30 ta' April 2014 fl-Iraq taw il-maġġoranza lill-blokk tal-"Istat tad-Dritt" tal-Prim Ministru Nuri al-Maliki; billi, fid-dawl tal-isfidi kritiċi li l-Iraq se jaffaċċja, fosthom attakki mill-IS u l-votazzjoni imminenti dwar l-indipendenza Kurda, u minħabba li l-gvern ta' al-Maliki falla milli jmexxi b'mod inklużiv u tolleranti, qed jiżdiedu dejjem aktar it-talbiet biex al-Maliki ma joħroġx għal prim ministru għat-tielet darba u biex minflok jiġi ffurmat gvern li huwa ġenwinament inklużiv; billi l-mexxej reliġjuż tax-Xiiti, Ayatollah Sistani, talab lill-partijiet Iraqini kollha biex b'mod urġenti jilħqu kunsens dwar tali gvern, iżda l-parlament ġdid Iraqi s'issa naqas milli jagħmel dan;

G.     billi kemm l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika Iżlamika tal-Iran wegħdu l-appoġġ tagħhom lill-gvern tal-Iraq, bl-Istati Uniti li bagħtet konsulenti militari u l-Iran li wiegħed li se jipproteġi l-ibliet Xiiti qaddisa ta' Karbala u Najaf; billi l-President, Hassan Rouhani, indika li lest jikkoopera mal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-theddida tal-IS fl-Iraq u jikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tal-pajjiż; billi, madankollu, il-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika, Ayatollah Khamenei, eskluda tali kooperazjoni;

H.     billi d-diżintegrazzjoni tal-istati reġjonali jista' jkollha effetti devastanti fuq l-istabilità tar-reġjun kollu, inkluża s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija;

I.      billi madwar 3 000 ċittadin tal-Istati Membri ġew irrappurtati li vjaġġaw lejn l-Iraq u s-Sirja biex jingħaqdu ma' gruppi jihadisti bħall-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri; billi wieħed minn dawn iċ-ċittadini wettaq att terroristiku fuq il-Mużew Lhudi fi Brussell mal-wasla tiegħu mis-Sirja, fejn ingħaqad mal-IS;

J.      billi ż-żieda qawwija tal-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment l-ispustament massiv taċ-ċivili; billi l-UE ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b'EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spustati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 12-il miljun;

1.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà fl-Iraq li qed tiddeterjora b'mod rapidu; jikkundanna bil-qawwi l-attakki mwettqa mill-IS kontra ċ-ċittadini Iraqini, li wasslu għal eżekuzzjonijiet sommarji, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, il-qerda ta' postijiet ta' qima u ta' wirt storiku, kulturali u artistiku fir-reġjun, u atroċitajiet oħra; iwissi li, jekk l-IS jitħalla jżomm it-territorji li ħakem u jkompli jespandi, l-opinjonijiet estremi anti-Shia tal-IS iżidu r-riskju ta' qtil settarju fuq skala massiva;

2.      Jappoġġja l-awtoritajiet Iraqini fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda jenfasizza li r-rispons ta' sigurtà jeħtieġ li jkun ikkombinat ma' soluzzjoni politika sostenibbli li tinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqina u li tindirizza l-ilmenti leġittimi tagħhom; ikompli jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

3.      Jilqa' ċ-ċelebrazzjonijiet għall-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' April 2014, li matulhom il-poplu tal-Iraq eżerċita d-dritt demokratiku tiegħu li jeleġġi rappreżentanti f'sitwazzjoni ta' sigurtà volatili; jappella għall-formazzjoni urġenti ta' gvern ġenwin li jġib għaqda nazzjonali, abbażi tar-riżultati tal-elezzjonijiet, u jifforma l-bażi għal rikonċiljazzjoni nazzjonali; jenfasizza l-importanza ta' inklużjoni sinifikanti ta' rappreżentanti Sunni f'tali gvern;

4.      Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jikkontribwixxu għall-isforzi tal-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabilità fl-Iraq u r-reġjun; jitlob, b'mod partikolari, biex l-Iran juża l-influwenza tiegħu mal-gvern ta' al-Maliki biex dan idaħħal riformi reali, u partikolarment biex javviċina lill-minoranza tas-Sunni u jġedded l-armata b'mod inklużiv, mhux settarju u mhux partiġġjan;

5.      Jistieden lill-Istati Uniti u l-Iran biex jaġixxu fuq il-bażi tal-interess komuni tagħhom li l-Iraq ikun stabbli u sikur u f'oppożizzjoni mal-IS; jinnota, madankollu, rabta mill-qrib bejn is-sitwazzjoni fl-Iraq u dik fis-Sirja; għaldaqstant, jenfasizza li sabiex il-kooperazzjoni potenzjali bejn l-Istati Uniti u l-Iran fl-Iraq tikseb riżultati tanġibbli, is-sitwazzjoni fis-Sirja teħtieġ li tiġi indirizzata simultanjament, fejn għandha tiġi adottata b'urġenza tranżizzjoni politika ġenwina;

6.      Jistieden lill-gvernijiet tal-Arabja Sawdija, il-Kuwajt, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jagħmlu kull sforz biex iwaqqfu l-fluss ta' fondi privati minn dawn il-pajjiżi lejn diversi gruppi jihadisti fl-Iraq u s-Sirja, li kkontribwew b'mod sinifikanti għaż-żieda tal-IS u li finalment jirrappreżentaw theddida serja għas-sigurtà ta' dawn il-pajjiżi wkoll;

7.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għaqda fl-Iraq u l-integrità territorjali; jistieden lill-Gvern tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali Kurd biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz tad-djalogu, inter alia dwar l-istruttura tal-istat tal-Iraq u tan-natura tal-governanza awtonoma Kurda, l-esportazzjoni tal-enerġija u l-kondiviżjoni tal-introjtu miż-żejt;

8.      Jitlob kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri għall-identifikazzjoni, l-intraċċar, il-monitoraġġ u l-arrest ta' dawk iċ-ċittadini u residenti tal-UE li jivvjaġġaw lejn il-Lvant Nofsani bl-intenzjoni li jissieħbu ma' gruppi jihadisti vjolenti bħall-IS jew imorru lura lejn l-UE wara li jkunu ġġieldu għal gruppi bħal dawn;

9.      Jilqa' ż-żieda fl-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Iraq; jitlob lill-Gvern Iraqi jagħmel kull sforz biex iħares liċ-ċivili kollha u jipprovdi s-servizzi essenzjali u s-sikurezza għall-popolazzjonijiet kollha affettwati miż-żieda tal-IS;

10.    Itenni l-impenn tal-UE li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Iraq, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq (FSK); jistieden lill-Kunsill ikompli jgħin lill-Iraq jippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u l-istat tad-dritt, fost l-oħrajn billi jibni fuq l-esperjenzi u l-kisbiet tal-missjoni EUJUST LEX-Iraq;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

[1] Testi Adottati, P7_TA(2014)0171
[2] Testi Adottati, P7_TA(2013)0023