Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0062/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Marina Albiol Guzmán, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat, Miloslav Ransdorf, Marisa Matias, Sofia Sakorafa, Dimitrios Papadimoulis, Lola Sánchez Caldentey, Pablo Iglesias, Pablo Echenique Robba, Carlos Jiménez Villarejo

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8‑0062/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq[1],

–       wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Iraq li saret fl-20 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Marzu 2014 dwar "L-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turkomeni Iraqini"[2], tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq[3], u tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[4],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-SEAE dwar l-elezzjonijiet fl-Iraq tal-5 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Ġunju 2014 tat-tielet Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija (UE-LAS) dwar is-Sitwazzjoni tas-Sigurtà fl-Iraq,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Reazzjoni għall-Kriżijiet tal-UE, Kristalina Georgieva, tat-12 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI), u b'mod partikolari ċ-ċifri tal-vittmi għall-Ġunju, ippubblikata fl-1 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Iraq, Nickolay Mladenov,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, ratifikata mill-Iraq fl-2008,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-popolazzjoni kollha tal-Iraq ġarrbet gwerra li kkawżat aktar minn 1 400 000 vittma u qerdet partijiet kbar tal-infrastruttura tal-Iraq, waqt li sofriet ukoll iż-żieda konsegwenti tal-vjolenza fil-pajjiż, b'għadd allarmanti ta' attakki terroristiċi u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-proċess politiku impost minħabba l-okkupazzjoni wassal biex il-pajjiż jinqasam fuq bażi settarja u etnika;

B.     billi skont iċ-ċifri tal-vittmi mogħtija f'Ġunju 2014 mill-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI), il-vjolenza għadha kwistjoni li toħloq tħassib kbir fl-Iraq, għax il-vjolenza indiskriminata hija element kostanti; billi mill-inqas 2 417 persuna Iraqina mietu u 2 287 indarbu f'Ġunju, apparti l-vittmi minn Anbar;

C.     billi fl-Iraq teżisti kriżi umanitarja maġġuri bħala riżultati tal-ġlied bejn il-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq u l-gruppi tal-oppożizzjoni armata, inkluż l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Levant;

D.     billi fid-29 ta' Ġunju l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Levant ħabbar it-twaqqif ta' kalifat fit-territorji li jikkontrolla fl-Iraq u s-Sirja, li jestendi minn Aleppo fin-Nofsinhar tas-Sirja sal-provinċja ta' Diyala fil-Lvant tal-Iraq.

E.     billi l-President tar-reġjun tat-Tramuntana awtonomu Kurd tal-Iraq, Massoud Barzani, talab lill-parlament reġjonali biex iwitti triq għal referendum dwar l-indipendenza;

F.     billi l-Arabja Sawdija skjerat 30 000 suldat fil-fruntiera tagħha mal-Iraq wara li l-forzi tal-Iraq abbandunaw iż-żona; billi l-President Obama ħabbar li l-Istati Uniti se tibgħat 300 konsulent militari (Forzi Speċjali) l-Iraq;

G.     billi l-popolazzjoni tal-Iraq ilha ħafna snin tbati minn stat ta' vjolenza ġeneralizzata; billi ż-żieda sinifikanti riċenti fil-vjolenza fil-pajjiż irriżultat f'għadd ta' vittmi li ilu ma jidher mill-2008; billi l-iżviluppi fil-provinċja ta' Anbar rriżultaw f'għadd kbir ta' persuni spustati internament li qed jaħarbu miż-żoni ta' kunflitt; billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Iraq issa għandu waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta' persuni spustati internament fid-dinja; billi aktar minn 1.2 miljun persuna ġew spustati sa minn Jannar ta' din is-sena, u 560 000 minnhom huma minn Anbar; billi wara l-waqgħa ta' Mosul, hu stmat li madwar 650 000 persuna oħra ġew spustati;

H.     billi għaxar snin ta' okkupazzjoni tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha ħallew il-pajjiż ifqar; billi l-illiteriżmu kiber u aktar nies qed imutu bil-ġuħ; billi l-faqar jolqot 88 % tal-popolazzjoni tal-Iraq u madwar sitt miljun Iraqi jgħixu taħt il-livell tal-faqar; billi anke minkejja li l-Iraq irnexxielu jerġa' jilħaq livelli ta' produttività taż-żejt sa kapaċità kważi sħiħa, l-inugwaljanza soċjali qed tikber għax l-istat tal-Iraq għadu mhux qed jirnexxielu jipprovdi servizzi bażiċi bħal elettriku regolari fis-sajf, ilma nadif u kura tas-saħħa pubblikalill-popolazzjoni Iraqina;

I.      billi, aktar milli jgħinu lill-Iraq jimxi 'l quddiem, l-Istati Uniti u l-alleati tagħha f'dawn l-aħħar snin ħallew lill-pajjiż jirrigressa għal soċjetà profondament frammentata, filwaqt li l-identità nazzjonali tal-Iraq wara l-2003 nqerdet u ħadulha postha l-identitajiet settarji u etniċi; billi tul dawn l-aħħar ftit snin is-sitwazzjoni fl-Iraq iddeterjorat b'mod sinifikanti, filwaqt li żdiedu l-konfronti etniċi li jinvolvu x-Xiiti u s-Sunniti; billi 20 % tar-riżorsi taż-żejt tal-Iraq jinsab fir-reġjun ta' Kirkuk;

J.      billi sa mill-invażjoni u l-okkupazzjoni tal-Iraq mit-truppi tal-koalizzjoni, is-sitwazzjoni fil-pajjiż ħżienet drammatikament, filwaqt li l-vjolenza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, it-tortura u l-konfronti etniċi saru prattika komuni fil-pajjiż; billi r-ritmu attwali ta' bumbardamenti u sparar ta' kuljum iħalli l-parti l-kbira tal-poplu tal-Iraq inċert dwar il-futur u jagħmilha impossibbli li tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-popolazzjoni Iraqina kollha kemm hi;

K.     billi f'Diċembru 2012 bdew il-protesti paċifiċi, b'mod partikolari fis-sitt provinċji fit-Tramuntana u l-Punent ta' Bagdad, u ġew okkupati l-pjazez; billi l-Gvern rażżan il-protesta u t-tensjonijiet eskalaw b'mod li sitwazzjoni saret konfrontazzjoni armata f'Diċembru 2013, fosthom l-użu ta' forza sproprzjonata li wasslet għall-qtil ta' persuni ċivili f'Anbar;

L.     billi l-kunflitt tas-Sirja qed ikollu riperkussjonijiet negattivi multipli fir-reġjun, u ħoloq fluss ġdid sostanzjali ta' rifuġjati u persuni rimpatrijati lejn l-Iraq, aktar minn 224 000 persuna, li qed jgħixu f'kundizzjonijiet ta' vulnerabilità estrema fl-Iraq;

M.    billi hu mifhum li aktar minn 1 300 persuna ġew ikkundannati għall-mewt fl-Iraq sa mill-2004; billi l-liġi Iraqina tawtorizza l-piena tal-mewt għal kważi 50 delitt, inkluż it-terroriżmu, il-ħtif u l-qtil, iżda wkoll għal reati bħal dannu lill-proprjetà pubblika; billi, kuntrarjament għax-xejra dinjija lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, l-għadd ta' eżekuzzjonijiet fl-Iraq qed jiżdied; billi skont ir-rapporti tal-istampa internazzjonali, kien hemm mill-inqas 150 eżekuzzjoni fl-Iraq fl-2013;

N.     billi skont l-organizzazzjoni Transparency International, l-Iraq għandu l-aktar gvern korrott fil-Lvant Nofsani; billi l-korruzzjoni hi problema strutturali fil-pajjiż, għax ma jeżisti l-ebda kontroll parlamentari effettiv u s-sistema ġudizzjarja hija inattiva. Dawn huma sintomi ta' stat fallut; billi skont l-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Iraq, USD 800 miljun jiġu trasferiti 'l barra mill-Iraq illegalment kull ġimgħa;

O.     billi t-tilwima li ilha għaddejja fir-reġjun ta' Kirkuk dwar l-esportazzjonijiet taż-żejt tar-reġjun permezz ta' pipeline ġdid għadha ma ġietx riżolta;

P.     billi mill-inqas 10 ġurnalisti inqatlu fl-2013; billi ma kien hemm lanqas kundanna waħda għall-400 każ ta' qtil ta' professjonisti tal-midja fid-deċennju li għada, u għaldaqstant l-Iraq jibqa' l-agħar pajjiż tad-dinja fir-rigward tal-impunità fir-rigward ta' każijiet mhux solvuti ta' qtil ta' ġurnalisti; billi l-ġurnalista Spanjol José Couso flimkien mal-ġurnalisti Taras Protsyuk u Tareq Ayub inqatlu f'attakk tal-armata tal-Istati Uniti f'April 2003; billi qorti Spanjola fittxet li tarresta lil żewġ uffiċjali tal-Istati Uniti u uffiċjal wieħed mhux ikkummissjonat li huma mixlija b'involviment fil-każ; billi għadha ma saritx ġustizzja; billi l-Istati Uniti ostakolat il-mandati ta' arrest u l-Interpol naqset milli tipproċessahom;

Q.     billi kwantitajiet sinifikanti ta' munizzjon ta' uranju mfaqqar intużaw fl-Iraq mill-Istati Uniti u r-Renju Unit, u dan wassal għal żieda traġika fil-każijiet ta' kanċer fit-tfulija u difetti konġeniti; billi n-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-użu ta' residwi ta' uranju mfaqqar mill-Istati Uniti qed jostakola serjament l-isforzi ta' dekontaminazzjoni, monitoraġġ u sensibilizzazzjoni bl-għan li jitnaqqas l-esponiment taċ-ċivili għal dan it-tip ta' residwi;

R.     billi f'April 2014 il-gvern tal-Iraq adotta bidla fil-leġiżlazzjoni li tillegalizza ż-żwieġ fit-tfulija u l-istupru fiż-żwieġ; billi skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA), 250 000 bejn nisa u bniet, fosthom 60 000 mara tqila, jeħtieġu kura urġenti, waqt li kważi 20 000 minnhom jista' jkun li jħabbtu wiċċhom ma' riskju akbar ta' vjolenza sesswali; billi qed jiġi espress tħassib serju minn, fost l-oħrajn, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar il-fatt li l-proċessi li jwasslu għall-piena tal-mewt jonqsu milli josservaw is-salvagwardji internazzjonali għal proċessi ġusti, fosthom b'nuqqas ta' trasparenza fil-proċedimenti tal-qrati u każijiet li fihom "konfessjonijiet ta' ħtija" nkisbu bit-tortura jew b'forom oħra ta' trattament ħażin tal-imputati; billi l-piena kapitali hi forma ta' trattament krudili u inuman li jeħtieġ tiġi abolita;

S.     billi fit-30 ta' April 2014 saru l-elezzjonijiet parlamentari fl-Iraq, f'atmosfera ta' vjolenza u biża';

1.      Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-intervent militari tal-forzi tal-koalizzjoni fl-Iraq; itenni li din l-invażjoni kisret id-dritt internazzjonli u jenfasizza l-karattru illegali tagħha; jenfasizza l-fatt li r-riżultati ewlenin tal-invażjoni tal-Iraq mill-Istati Uniti kienu l-kollass kważi totali tal-istat tad-dritt u l-qawmien tal-estremiżmu reliġjuż fil-pajjiż; isemmi r-responsabilità tal-kapijiet tal-istat tal-Istati Membri tal-UE li pparteċipaw fis-samit tal-Azores, u b'mod partikolari tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li wasal biex jispiċċa, Durăo Barroso; itenni l-kundanna tiegħu għal dan il-ksur tad-dritt internazzjonali; iqis li dawk li huma responsabbli għal din il-gwerra illegali u delitti kontra l-umanità għandhom jitressqu quddiem qrati internazzjonali;

2.      Jitlob li titlaqqa' konferenza internazzjonali li tippromwovi d-djalogu bejn il-partijiet biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli, u jiċħad l-interess illeġittimu ta' atturi barranin li l-pajjiż jinqasam biex jiżguraw għalihom infushom kontroll aqwa fuq iż-żejt tal-Iraq;

3.      Jikkundanna kwalunkwe indħil barrani tal-passat, il-preżent jew il-ġejjieni fl-affarijiet interni tal-Iraq; jenfasizza l-fatt li, biex jikseb indipendenza ġenwina, l-Iraq għandu jkollu kontroll sħiħ tal-ekonomija tiegħu stess, inklużi r-riżorsi naturali tiegħu; jisħaq li d-dħul miż-żejt għandu jintuża bħala għodda u opportunità għal rikostruzzjoni soċjali u ekonomika sostenibbli għall-benefiċċju tas-soċjetà Iraqina kollha kemm hi; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiżgura li r-riżorsi tal-pajjiż jintużaw b'mod trasparenti u responsabbli, għall-benefiċċju tal-poplu Iraqi kollu kemm hu;

4.      Iqis li l-pajjiżi li pparteċipaw fl-invażjoni tal-Iraq, fosthom diversi Stati Membri, huma responsabbli għal gwerra miġġielda abbażi tal-gideb u għandhom l-obbligu li jippromwovu l-verità u l-ġustizzja u li jirrimedjaw il-ħsara kkawżata lill-poplu tal-Iraq; jirrikonoxxi li din il-gwerra illegali kissret il-pajjiż u żiedet il-vjolenza fir-reġjun kollu; jikkundanna s-serq tar-riżorsi naturali tal-Iraq minn korporazzjonijiet taż-żejt bħar-Royal Dutch Shell Oil Company, BP u ExxonMobil;

5.      Jikkundanna kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra gruppi soċjali, politiċi jew reliġjużi; jiddeplora l-għadd kbir ta' persuni maqtula jew midruba; jikkundanna kull qtil u eżekuzzjoni; jesprimi tħassib qawwi dwar l-attakki vjolenti li kulma jmur qed jiżdiedu; jesprimi s-sogħba u s-simpatija tiegħu mal-familji tal-persuni maqtula u midruba; jitlob li l-vjolenza tintemm minnufih; iqis li l-awturi ta' dawn id-delitti għandhom jitressqu quddiem il-qrati;

6.      Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li jiġu riżolti l-problemi umanitarji li qed iħabbat wiċċu magħhom il-poplu Iraqi; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li tittieħed azzjoni koordinata bejn l-awtoritajiet tal-Iraq u l-organizzazzjonijiet tal-għajnuna internazzjonali li qed jaħdmu fil-post bil-għan li jgħinu l-gruppi vulnerabbli, inklużi r-rifuġjati u l-persuni spostati, u li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom u li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati għas-sigurtà u d-dinjità tagħhom;

7.      Jinnota li skont il-UNHCR, aktar minn 224 000 rifuġjat Sirjan fittxew kenn fil-parti Kurda tal-Iraq sa mill-bidu tal-gwerra; iħeġġeġ lill-UE twiegħed assistenza lil dawn in-nies; ifakkar kemm hu importanti li jiġi rispettat għalkollox id-dritt umanitarju internazzjonali, u li ċ-ċivili jiġu mħarsa; jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq jiżguraw il-provvediment ta' servizzi essenzjali, kif ukoll l-aċċess minn aġenziji umanitarji għal żoni milquta mill-ġlied; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-appoġġ insuffiċjenti offrut lir-rifuġjati Sirjani;

8.      Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-korruzzjoni hi endemika fil-pajjiż, b'mod partikolari fi ħdan l-armata u l-pulizija, u b'hekk toħloq problemi serji fi ħdan is-sistema tas-sigurtà tal-Iraq; jiddispjaċih dwar li l-fatt li din il-kultura ta' korruzzjoni tasal sal-ogħla livell tal-gvern;

9.      Jiddeplora ż-żieda drammatika fl-għadd ta' eżekuzzjonijiet imwettqa mill-armata tal-Iraq u mill-forzi tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant, kif ukoll l-użu ta' "konfessjonijiet ta' ħtija" miksuba permezz tat-tortura jew trattament ħażin ieħor bħala evidenza kontra l-priġunieri;

10.    Jikkundanna l-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanza; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiddikjara u jimplimenta immedjatament moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass, u li fil-ġejjieni jabolixxi l-piena tal-mewt;

11.    Jitlob li tinfetaħ inkjesta internazzjonali taħt il-patroċinju tan-NU biex jiġi kkonfermat l-użu mifrux tat-tortura u l-preżenza ta' ħabsijiet sigrieti jew ċentri tat-tortura oħra fl-Iraq, sabiex tiġi stabbilita r-responsabilità ta' kull parti involuta fil-kwistjoni u jiġu kkastigati dawk responsabbli;

12.    Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra gruppi soċjali, politiċi jew reliġjużi, jikkundanna l-qtil u l-eżekuzzjonijiet kollha li seħħew sa mill-bidu tal-gwerra fl-2003, u jiddeplora l-aħħar mewġa ta' attakki terroristiċi u l-użu ta' skwadri tal-mewt;

13.    Ifakkar l-importanza tal-prinċipji tal-ġustizzja, verità u riparazzjoni; iqis li l-awturi kollha ta' din il-gwerra illegali u d-delitti kontra l-umanità li rriżultaw minnha jridu jitressqu quddiem il-qrati; jinsisti, wara li għaddew 10 snin mill-qtil tagħhom, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li ssir ġustizzja fil-każ tal-ġurnalisti José Couso, Taras Protsyuk u Tarek Ayub biex dawn il-każijiet ta' qtil ma jibqgħux impuniti;

14.    Jiċħad il-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq; hu tal-fehma li l-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Iraq għandhom ikunu t-tmiem tal-vjolenza, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u r-restituzzjoni tal-benessri tal-poplu tal-Iraq, u mhux l-introduzzjoni u l-espansjoni tal-industriji taż-żejt tal-UE fil-pajjiż;

15.    Jikkundanna l-użu tal-uranju mfaqqar waqt il-gwerra, notevolment min-naħa tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit; jistieden lill-UE tiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE favur restrizzjoni jew projbizzjoni tal-użu tal-munizzjon ta' uranju mfaqqar u tfassal programmi ta' tindif fiż-żoni milquta;

16.    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq jadottaw miżuri biex jiżguraw li jiġu rispettati għalkollox l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-drittijiet tan-nisa;

17.    Iħeġġeġ lill-Parlament u l-Gvern tal-Iraq jiggarantixxu rispett għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jiġġieldu kontra l-impjieg, il-prostituzzjoni u t-traffikar tat-tfal;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Iraq, lill-Presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq.

 

[1] Testi Adottati, P7_TA(2013)0022
[2] Testi Adottati, P7_TA(2013)0101
[3] Testi Adottati, P7_TA(2013)0424
[4] Testi Adottati, P7_TA(2014)0171