Dokument ta' sessjoni
15.7.2014 B8‑0063/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq
( 2014/2716(RSP) )
Alyn Smith, Klaus Buchner, Bodil Ceballos, Barbara Lochbihler, Molly Scott Cato, Tamás Meszerics
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq
( 2014/2716 (RSP) ).
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-informazzjoni tan-NU li skontha l-Iraq bħalissa jospita aktar minn 220 000 refuġjat mis-Sirja, waqt li sa mill-bidu ta’ Ġunju 2014, madwar 500 000 Iraqi ħarbu minn Mosul u 480 000 minn Anbar, inkluż ammont ta’ tfal li huwa stmat għal 250 000, l-aktar lejn ir-Reġjun Awtonomu Kurd,
– wara li kkunsidra s-36 miljun euro ta' fondi umanitarji għall-Iraq mill-ECHO sa mill-2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) li jistqarru li tal-anqas 2 417 Iraqini nqatlu u 2 287 oħrajn korrew f'atti ta' terroriżmu u vjolenza matul Ġunju 2014 – l-ogħla ammont f’xahar wieħed mill-2007 'l hawn,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, Navi Pillay, fis-16 ta' Ġunju 2014, li tikkundanna l-eżekuzzjonijiet sommarji mill-ISIL u tesprimi l-opinjoni li dawn kważi ċertament kienu delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Sottosegretarju Ġenerali u d-Direttur Eżekuttiv ta’ UN Women, Phumzile Mlambo-Ngcuka, li tesprimi tħassib dwar is-sikurezza tan-nisa u t-tfal fl-Iraq, speċjalment f'żoni kkontrollati mill-ISIL,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta’ Lulju 2014 mill-Human Rights Watch li jistqarr li l-forzi tas-sigurtà Iraqini u milizzji affiljati tal-gvern jidhru li qatlu illegalment tal-anqas 255 priġunier matul ix-xahar li għadda, f'dik li tidher bħala tpattija għall-qtil min-naħa ta’ ġellieda tal-Istat Islamiku,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014 mill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton, li titlob lill-forzi demokratiċi kollha fl-Iraq sabiex jaħdmu flimkien fuq il-bażi tal-kostituzzjoni tal-Iraq,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari tal-Iraq fit-30 ta' April 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonjiet tiegħu dwar l-Iraq, primarjament dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[1], tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq[2], tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turkomeni Iraqini[3] u tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq[5], ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf[6] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran[7],
– wara li kkunsidra l-ftehim interim tat-23 ta’ Novembru 2013 bejn l-UE + 3 u l-Iran li kellu l-għan li jikseb ftehim finali li jtemm it-tilwim li ilu sejjer għal deċenju fuq il-programm ta' enerġija nukleari ta' Tehran; billi l-ftehim fis-seħħ minn Jannar 2012 jiskadi f’Lulju 2014 iżda jista’ jiġi estiż skont kif jiftiehmu l-partijiet kollha involuti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Iraq ilu bil-problemi sa minn meta koalizzjoni ta’ kunsens invadiet l-Iraq fl-2003 fi vjolazzjoni tad-dritt internazzjonali, li fixklet profondament jew saħansitra farrket ħafna min-nisġa soċjali u l-istrutturi amministrattivi li kienu jeżistu qabel;
B. billi it-tieni gvern tal-Prim Ministru Nouri al-Maliki ilu jfittex li jżid politiki awtoritarji u settarji favur ix-Xiiti li, fix-xhur li għaddew, aggravaw is-sens ta' aljenazzjoni u marġinalizzazzjoni tal-minoranza Sunni;
C. billi f’korrelazzjoni mal-gwerra tas-Sirja u d-diżintegrazzjoni tal-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja, ġellieda estremisti Sunni tal-Istat Islamiku (IS, l-ex ISIL jew ISIS) dan l-aħħar bdew jinvadu u jokkupaw partijiet konsiderevoli tal-Iraq tal-Majjistral, fejn primarjament, fl-10 ta’ Ġunju 2014, okkupaw it-tieni l-ikbar belt tal-Iraq, Mosul, b’mossa li ġiet ittollerata jew saħansitra appoġġjata minn partijiet tal-popolazzjoni Sunni diżilluża u mis-sostenituri tal-ex Ba’ath Party;
D. billi inċidenti ta’ eżekuzzjonijiet tal-massa extraġudizzjarji, il-qerda ta’ siti kulturali u reliġjużi kif ukoll repressjoni krudili mwettqa, u rapporti tagħha deliberament propagata, mill-IS qed ikattru biża' mifruxa fost il-popolazzjoni tal-Iraq;
E. billi b’reazzjoni għall-ġellieda tal-IS li qed javvanzaw, fit-13 ta’ Ġunju 2014, il-Gran Ayatollah Ali al-Husseini al-Sistani, l-aktar kleriku Xiita anzjan, sejjaħ lill-Iraqini kollha li jistgħu jerfgħu l-armi biex jingħaqdu volontarjament mal-forzi tas-sigurtà biex jiddefendu l-pajjiż;
F. billi fil-bidu ta’ Lulju 2014 il-mexxejja tal-IS iddikjaraw it-tqegħid mill-ġdid tal-kalifat Islamiku fis-Sirja u fl-Iraq, u l-mexxej rekluż tagħhom Abu Bakr al-Baghdadi għamel il-Priedka tal-Ġimgħa fl-ikbar moskea ta’ Mosul, li matulha kkuntesta l-fruntieri tal-istati tal-lum fir-reġjun;
G. billi f’nofs Ġunju 2014 unitajiet militari tar-Reġjun Semiawtonomu tal-Krudistan ħadu f’idejhom il-kontroll tal-belt multietnika ta’ Kirkuk, u b’hekk integraw it-territorju li għandu ħafna żejt, li kien il-kawża ta’ deċenju ta’ tilwim, fil-provinċja Kurda, u billi l-Gvern Kurd ħabbar pjanijiet għal referendum fost il-popolazzjoni Kurda biex tinkiseb l-indipendenza mill-Iraq;
H. billi t-truppi tal-gvern appoġġjati mill-milizzji Xiiti qed jiġġieldu biex jiksbu l-kontroll mill-ġdid ta’ Tikrit u żoni oħra maqbuda mill-IS, waqt li attakki terroristiċi u suwiċidi, fil-maġġoranza tagħhom kontra x-Xiiti, ikomplu jiddestabilizzaw il-pajjiż;
I. billi l-Gvern Iraqi rċieva fighter jets mir-Russja u l-Iran kif ukoll appoġġ ta’ intelliġenza mill-Istati Uniti, waqt li gruppi armati Sunni estremisti fir-reġjun, inkluż l-IS, matul is-snin li għaddew irċevew appoġġ ideoloġiku u fiżiku li għaddew mill-Arabja Sawdija u l-pajjiżi tal-Golf;
J. billi l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' April 2014 ġew oskurati b’theddid vjolenti mill-IS kontra kull Musulman Sunni li azzarda joħroġ jivvota, u billi l-parlament fraġli l-ġdid naqas għat-tieni darba fis-7 ta' Lulju 2014 milli jaħtar tmexxija ġdida aktar inklussiva li setgħet tbiegħed lill-pajjiż lil hinn mix-xifer tad-diżintegrazzjoni;
1. Jesprimi tħassib serju dwar il-kriżi politika estremament serja fl-Iraq li jinsab f’xifer id-diżintegrazzjoni u jiġbed lir-reġjun kollu fit-taqlib u jħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha fil-pajjiż biex inaqqsu t-tensjonijiet politiċi u jikkontribwixxu għal soluzzjoni tal-kriżi fi spirtu ta’ responsabilità u kompromess politiku;
2. Jikkundanna l-vjolenza u r-rapporti ta’ eżekuzzjonijiet tal-massa mill-forzi tal-IS li jżidu t-tbatija tal-popolazzjoni billi jżidu mal-abbużi diġà eżistenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-gvern; jemmen li l-għadd ta’ radikalizzati, li ta’ spiss ikunu żgħażagħ u li qed jiġu attirati lejn mewġa ta’ movimenti armati b’ideoloġiji estremisti bħall-IS, inkluż mill-Ewropa, qed isir tant kbir fl-Iraq, fis-Sirja u f’postijiet oħra, li hemm il-ħtieġa ta’ approċċ reġjonali koordinat, li mhux biss jiffoka fuq is-sigurtà, iżda jittratta kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali sistemiċi;
3. Iqis li hemm il-ħtieġa urġenti li primarjament l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Qatar, it-Turkija u l-Iraq ipoġġu madwar il-medja tan-negozjati sabiex iwaqqfu l-appoġġ u l-finanzjament għall-IS jew għal estremisti Islamiċi armati oħra u biex jipprevjenu l-eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt bejn Sunni u Xiiti li tista’ twassal biex is-sitwazzjoni tiħrax fir-reġjun kollu;
4. Jistieden lill-pajjiżi kollha biex iwaqqfu l-appoġġ militari addizzjonali għall-gvern ta' al Maliki peress li dan se jaggrava t-tensjoni u t-tixrid ta' demm fil-pajjiż mingħajr ma jissolva l-kunflitt u jistieden lill-Istati Membri tal-UE f’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi biex jastjenu milli jwasslu kwalunkwe armi lejn l-Iraq;
5. Ifakkar li l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi bil-liġi l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-“drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tan-nazzjonalitajiet varji” u li l-gvern tal-Iraq għandu r-responsabilità li jiżgura d-drittijiet, il-benessri u s-sigurtà tal-popolazzjoni kollha;
6. Jistieden lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq biex iressaq deċiżjonijiet konkreti, bħal gvern unitarju nazzjonali li jirrappreżenta kif xieraq id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà tal-Iraq sabiex jitwaqqaf it-tixrid ta' demm u l-frammentazzjoni tal-pajjiż;
7. Jikkritika bis-saħħa n-nuqqas ta’ governanza tajba fl-Iraq li wasslet għal faqar mifrux, rata għolja ta’ qgħad, stagnar ekonomiku, degrad ambjentali u nuqqas ta’ servizzi pubbliċi bażiċi minkejja dħul għoli miż-żejt; jinnota li fil-passat, bosta dimostrazzjonijiet paċifiċi li talbu għal aktar drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi ħabbtu wiċċhom ma’ repressjoni sistematika mill-forzi tas-sigurtà, liema repressjoni twettqet b’impunità;
8. Jikkundanna l-invażjoni tal-Iraq tal-2003 li kienet appoġġjata minn bosta Stati Membri tal-UE, joffri l-kondoljanza tiegħu lil dawk kollha li batew mill-konsegwenzi u jitlob lil dawk il-mexxejja kollha li involvew pajjiżhom attivament fil-gwerra biex jaċċettaw parti mir-responsabilità għas-sitwazzjoni preżenti fl-Iraq;
9. Itenni f’dan il-kuntest li n-nomina ta’ Tony Blair bħala rappreżentant speċjali għall-Kwartett tal-Lvant Nofsani (l-Istati Uniti, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u r-Russja) kienet simbolu negattiv u li partikolarment wara l-kummenti reċenti tas-Sur Blair dwar l-Iraq il-mandat tiegħu għandu jiġi terminat;
10. Jinnota t-tħabbir ta’ referendum dwar l-indipendenza min-naħa tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan; madankollu jappella lill-parlament u lill-President tar-Reġjun tal-Kurdistan, Massoud Barzani, biex jorganizzaw proċess inklussiv fir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi mhux Kurdi li jgħixu fil-provinċja;
11. Japprezza l-fatt li r-reġjun Kurd serva ta’ kenn għal mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini Iraqini mhux Kurdi li kienu qed jaħarbu miż-żona ta’ kunflitt, jilqa’ l-għajnuna fil-passat tal-UE għall-persuni spostati u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex iżidu l-għajnuna finanzjarja sabiex jgħinu l-amministrazzjoni biex iġġorr dan il-piż;
12. Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa strateġija politika komprensiva għar-reġjun u li primarjament, l-Iran, l-Arabja Sawdija kif ukoll l-Istati tal-Golf l-oħra, jeħtieġ jiġu inklużi bħala atturi essenzjali fi kwalunkwe sforz li jwassal għat-tnaqqis tat-tensjoni fis-Sirja u l-Iraq;
13. Rigward l-Iran, jemmen li biex kull sforz ta' tnaqqis tat-tensjoni jirnexxi, huwa essenzjali li kemm jista’ jkun malajr tintemm it-tilwima nukleari permezz ta’ kompromess u jappella lill-partijiet kollha biex jirrispettaw l-urġenza tal-kwistjoni; jitlob għall-istabbiliment ta’ delegazzjoni tal-UE f’Tehran u li jitfasslu prospetti għal skambji lil hinn mid-dossier nukleari u d-drittijiet tal-bniedem f’livelli differenti tas-soċjetà, primarjament fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, it-trasport, ir-riċerka u l-edukazzjoni;
14. Rigward l-Arabja Sawdija u l-Qatar, jitlob għal djalogu miftuħ u kritiku mill-UE dwar l-allegat appoġġ għal gruppi antidemokratiċi u ta' estremisti Islamiċi u jinsisti li l-UE għandha tirrikjedi li l-gvernijiet jagħmlu dak kollu fis-setgħa tagħhom biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha minn entitajiet uffiċjali jew privati li jippropagaw u jferrxu l-ideoloġiji Islamiċi estremi bil-kliem u bl-azzjonijiet;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.