Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0064/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Uyttebroeck, Gérard Deprez, Petras Auštrevičius, Louis Michel, Robert Rochefort, Jean-Marie Cavada, Marielle de Sarnez, Charles Goerens, Alexander Graf Lambsdorff, Fernando Maura Barandiarán

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0064/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti mill-UNHCR li aktar minn miljun ċittadin Iraqin ġie spustat minħabba l-ġlied reċenti bejn il-grupp terroristiku estremist tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Levant (ISIL), l-armata u gruppi oħrajn,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) fejn ħarġu ċifri ġodda tal-mortalità għal Ġunju 2014 li jindikaw li tal-inqas 2,417-il Iraqi nqatlu u 2,287 oħra korrew f'atti ta' terroriżmu u vjolenza matul dak ix-xahar, inkluż aktar minn 1,500 mewta ċivili – l-ogħla fuq medda ta' xahar sa mill-2007,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u r-Repubblika tal-Iraq fuq l-oħra, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq,

–       wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-Kummissjonigħall-Iraq (2011-2013),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Navi Pillay, fis-16 ta' Ġunju 2014, li tikkundanna l-eżekuzzjonijiet sommarji mill-ISIL u tesprimi l-opinjoni li dawn kważi ċertament kienu delitti tal-gwerra,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU u d-direttur eżekuttiv tan-Nisa tan-NU, Phumzile Mlambo-Ngcuka, li tesprimi tħassib speċifiku dwar is-sikurezza tan-nisa u t-tfal fl-Iraq, speċjalment f'żoni kkontrollati mill-ISIL,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[2],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ġunju 2014 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton, li titlob għal gvern aktar inklussiv,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ġunju 2014 tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry, li wiegħed l-appoġġ tal-Istati Uniti lill-Iraq u talab għal azzjoni mill-Gvern Iraqin biex jgħaqqad il-pajjiż,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-10 ta' Ġunju, il-grupp terrorist estremist ISIL okkupa l-belt ta' Mosul fit-Tramuntana tal-Iraq, li hija t-tieni l-akbar belt fl-Iraq; billi dan kien il-bidu ta' offensiva ewlenija minn dan il-grupp relattivament żgħir li rriżultat fl-akkwist ta' partijiet sinifikanti tal-pajjiż;

B.     billi l-Forzi tas-Sigurtà Iraqini ma kinux kapaċi jwaqqfu l-ISIL, fejn ħafna suldati ħarbu, li jikxef problemi fundamentali fil-forzi armati;

C.     billi l-ISIL okkupa numru kbir ta' postijiet għall-qsim tal-fruntieri bejn l-Iraq u s-Sirja;

D.     billi nstab tal-inqas 53 kadavru li juri evidenza ta' qtil li sar fl-istil ta' eżekuzzjoni;

E.     billi l-Iraq mhux biss qed jaffaċċja problemi serji ta' sigurtà, imma wkoll problemi politiċi, settarji, soċjali u ekonomiċi;

F.     billi l-politiki tal-Gvern Iraqi, inkluża r-ripressjoni vjolenti tal-protesti tas-Sunni, żiedu t-tensjonijiet settarji u biegħdu partijiet mill-popolazzjoni Iraqina;

G.     billi l-faqar ma' kullimkien, il-livell għoli ta' qgħad, l-istaġnar ekonomiku, id-degradazzjoni ambjentali u n-nuqqas ta' servizzi pubbliċi bażiċi jkomplu jaffettwaw proporzjon kbir tal-popolazzjoni; billi fil-passat, bosta dimostrazzjonijiet paċifiċi li talbu għal aktar drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi ħabbtu wiċċhom ma’ repressjoni sistematika mill-forzi tas-sigurtà, li twettqet b’impunità;

H.     billi l-istampa, il-midja u l-libertajiet diġitali ġew ripetutament u dejjem aktar mhedda, kemm mill-gvern kif ukoll mill-gruppi estremisti; billi l-ġurnalisti u l-uffiċċji tal-aħbarijiet ġew attakkati jew iċċensurati u r-Reporters Without Borders iddeskrivew is-sitwazzjoni fil-provinċja ta' Anbar bħala "ċensura totali tal-midja"; billi l-Iraq huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport Freedom in the World ("Il-Libertà fid-Dinja") 2014 tal-organizzazzjoni mhux governattiva Freedom House;

I.      billi, bħala tweġiba għar-rebħiet tal-ISIL, il-Gvern Iraqi pprova jibblokkja l-midja soċjali, u f'ċerti partijiet tal-pajjiż waqqaf l-internet, bħala sforz biex jaqta' l-komunikazzjoni bejn il-militanti;

J.      billi l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi bil-liġi l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet"; billi l-Gvern Iraqin għandu r-responsabilità li jiżgura li d-drittijiet, il-benessri u s-sigurtà tal-popolazzjoni sħiħa tiġi garantita;

K.     billi l-Iraq kellu l-elezzjonijiet parlamentari fit-30 ta' April 2014 u l-gvern jinsab fil-proċess li jiġi kostitwit;

L.     billi l-President tar-reġjun semiawtonomu Kurd tal-Iraq, Massoud Barzani, talab lill-gvern reġjonali biex jipprepara referendum dwar l-indipendenza; billi l-forzi Kurdi ħadu l-kontroll f'ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iraq, li qabel kienu taħt il-kontroll tal-Forzi tas-Sigurtà Iraqini, b'mod partikolari l-belt ta' Kirkuk;

M.    billi l-appoġġ umanitarju totali tal-Kummissjoni għall-Iraq sa mill-2007 jammonta għal kważi €145 miljun, inkluż l-appoġġ għar-refuġjati Sirjani fl-Iraq; billi apparti l-iffinanzjar umanitarju għall-2014 ta' €12 miljun, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid l-assistenza tagħha b'€5 miljun bħala rispons għall-vjolenza reċenti;

N.     billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq, b'mod partikolari l-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu, jenfasizza li d-djalogu politiku UE-Iraq għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

O.     billi l-Istati Uniti bagħtu mijiet ta' konsulenti u tagħmir extramilitari lill-Gvern tal-Iraq biex tgħinu jiġġieled l-ISIL u qed jintużaw inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ fil-pajjiż;

P.     billi r-Russja qed tipprovdi lill-armata Iraqina b'tagħmir militari, inklużi fighter jets;

Q.     billi ġie rrappurtat li anki l-Iran ipprovda għajnuna militari lill-Gvern Iraqi biex jgħinnu jiġġieled kontra l-ISIL;

R.     billi l-Arabja Sawdija ddikjarat li qed tmexxi l-forzi armati lejn il-fruntiera tagħha mal-Iraq billi t-truppi Iraqini rtiraw miż-żona;

S.     billi ż-żieda u l-proliferazzjoni tat-terroriżmu u l-estremiżmu huma ta' periklu serju għall-UE u l-komunità internazzjonali, mhux l-inqas fil-forma ta' ġellieda tal-jihad u ġellieda oħra li jkunu qed jirritornaw lejn pajjiżhom;

T.     billi hemm rapporti li n-nisa u l-bniet fl-Iraq qed jiġu attakkatti deliberatament u hemm rapporti ta' ħtif, stupru u żwieġ sfurzat mill-militanti tal-ISIL u gruppi armati oħra;

1.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-avvanz rapidu tal-ISIL u l-inabilità tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq biex ireġġgħu lura b'mod effettiv dan il-grupp;

2.      Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi kollha tal-ġlied u lill-familji tagħhom;

3.      Jikkundanna l-vjolenza u l-eżekuzzjonijiet tal-massa rrappurtati mill-forzi tal-ISIL; Jirrikonoxxi d-dritt tal-Gvern Iraqin li jiddefendi t-territorju sovran tiegħu, imma jħeġġeġ lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq biex jaġixxu b'mod konformi mad-dritt internazzjonali u nazzjonali u b'rispett lejn l-impenji tal-Iraq favur il-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

4.      Huwa tal-opinjoni li kwalunkwe rispons effettiv għall-kriżi attwali m'għandhiex tiffoka biss fuq is-sigurtà, imma għandha tindirizza wkoll il-problemi sistematiċi politiċi, ekonomiċi u soċjali li jridu jiġu affaċċjati sabiex tingħeleb il-marġinalizzazzjoni ta' ċerti minoranzi fis-soċjetà Iraqina, b'hekk titneħħa s-separazzjoni settarja u tiġi żgurata l-unità tal-istat tal-Iraq;

5.      Jindika, f'dan ir-rigward, li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-ribelljoni għandha tinkludi fiha aktar minn sempliċi azzjoni militari u trid tikkonsisti minn approċċ komprensiv li jindirizza l-kawżi primarji tal-vjolenza u tinkludi politiki li jrawmu l-fiduċja u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku inklużiv;

6.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewġa ġdida ta' instabilità u jistieden lill-mexxejja politiċi kollha tal-Iraq, mill-isfondi kollha, biex jaħdmu flimkien bil-għan li jtemmu l-vjolenza settarja u l-polarizzazzjoni u jgħaqqdu l-poplu tal-Iraq flimkien; Jemmen li l-mexxejja reliġjużi ma jridux jigglorifikaw il-vjolenza u għandhom jassumu r-responsabilità tagħhom biex jiżguraw il-koeżistenza paċifika bejn in-nies ta' twemmin u konvinzjonijiet differenti fil-qafas kostituzzjonali tal-Iraq; jitlob, f'dan ir-rigward, għar-reintegrazzjoni tal-milizzji fil-forzi armati regolari;

7.      Jemmen li l-elezzjonijiet reċenti fl-Iraq jippreżentaw opportunità biex jinħoloq gvern rappreżentattiv ta' veru b'aġenda inklużiva; iħeġġeġ lill-forzi kollha fl-Iraq biex jikkommettu ruħhom għal tali gvern; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-UE, biex tipprovdi appoġġ ħalli jiġi ffaċilitat dan il-proċess kull fejn ikun possibbli;

8.      Jinsab imħasseb dwar iż-żmien li fih intalab referendum dwar l-indipendenza Kurda, u jisħaq li l-unità u d-demokrazija inklużiva abbażi tal-koalizzjoni wiesgħa fil-Gvern Iraqin u l-involviment tar-rappreżentanza Kurda jipprovdu pjattaforma aktar stabbli li minnha tkun tista' tissolva l-kriżi attwali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ebda grupp reliġjuż jew etniku mhu se jgawdi mit-tkissir tal-istat Iraqin;

9.      Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'dan iż-żmien ta' kriżi, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertajiet diġitali;

10.    Jinsab imħasseb dwar ir-rabtiet bejn il-vjolenza u l-ġlied fl-Iraq u f'partijiet oħra tal-Lvant Nofsani, b'mod partikolari fis-Sirja; għalhekk huwa tal-opinjoni li huwa neċessarju li jsir djalogu reġjonali biex jiġu indirizzati l-problemi li qed jaffaċċja r-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-UE, biex jiffaċilitaw tali djalogu u jinkludu l-partijiet sinifikanti kollha, b'mod partikolari billi jiġu involuti l-Iran u l-Arabja Sawdija;

11.    Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiżdied l-assistenza umanitarja lill-Iraq; jibqa' konvint, madankollu, li l-UE tista' u għandha tagħmel aktar biex tħeġġeġ u tappoġġja proċess verament demokratiku u inklużiv fl-Iraq;

12.    Jikkundanna l-iffinanzjar u l-appoġġ tal-gruppi terroristi u estremisti u l-attivitajiet mill-istati tal-Golf u l-Iran;

13.    Jilqa' l-isforzi intensifikati minn numru ta' awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE biex tiġi ttrattata l-problema taċ-ċittadini tal-UE mdaħħla fir-reklutaġġ għal gruppi tal-jihad jew estremisti jew gruppi terroristi oħra jew li jiġġieldu magħhom;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2012)0470
[2] Testi Adottati, P7_TA(2013)0274