Dokument ta' sessjoni
15.7.2014 B8‑0065/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar id-delitt tal-aggressjoni
( 2014/2724(RSP) )
Charles Tannock
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-delitt tal-aggressjoni
( 2014/2724(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminli Internazzjonali (QKI), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 u l-Artikolu 8 tiegħu b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni bħala wieħed mid-delitti ewlenin taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI;
– wara li kkunsidra l-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma, adottati matul il-Konferenza ta' Analiżi li saret fl-Uganda fl-2010, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni RC/Res. 6, dwar id-delitt tal-aggressjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE,
– wara li kkunsidra r-riżultat tal-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f'April 2014,
– wara li kkunsidra d-Disa' Rapport tal-Qorti Kriminali Internazzjonali lin-Nazzjonijiet Uniti għall-2012/13,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 122 pajjiż huma Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
B. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha appoġġaw bis-saħħa l-Qorti Kriminali Internazzjonali sa mit-twaqqif tagħha, u għadhom jipprovdu appoġġ biex jiżguraw li tkun kapaċi tissodisfa l-funzjonijiet u l-obbligi tagħha skont l-Istatut ta' Ruma;
C. billi r-ratifika tal-Emendi ta' Kampala dwar id-delitt tal-aggressjoni minn mill-inqas 30 Stat Parti, u deċiżjoni li għandha tittieħed wara l-1 ta' Jannar 2017 b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Istati Partijiet, se jippermettu t-twaqqif ta' sistem permanenti ta' responsabilità kriminali internazzjonali billi jiġi sanzjonat id-delitt tal-aggressjoni;
D. billi mill-inqas 35 Stat Parti bħalissa qed jaħdem attivament fuq ir-ratifika tal-emendi dwar id-delitt tal-aggressjoni, filwaqt li 14 oħra diġà rratifikaw iż-żewġ Emendi ta' Kampala, u oħrajn ħadu impenji lejn ratifika;
E. billi fit-8 ta' Mejju 2012, il-Liechtenstein kien l-ewwel pajjiż li rratifika l-emendi dwar id-delitt tal-aggressjoni, flimkien mal-emendi għall-Artikolu 8 (delitti tal-gwerra), adottati fil-Konferenza ta' Analiżi tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI tal-2010, li saret f'Kampala, fl-Uganda;
F. billi fis-17 ta' Novembru 2011[1] il-Parlament laqa' l-adozzjoni tal-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma, inkluż dwar id-delitt tal-aggressjoni, u talab lill-Istati Membri jirratifikawhom u jinkorporawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
G. billi fit-18 ta' April 2012 il-Parlament sussegwentament adotta ir-Riżoluzzjoni 2012/0126[2] u talab lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jużaw l-awtorità internazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw u jsaħħu l-universalità tal-Istatut ta' Ruma għal definizzjoni maqbula internazzjonalment tal-atti ta' aggressjoni li jiksru d-dritt internazzjonali;
H. billi l-Emendi ta' Kampala huma kompatibbli mal-Karta tal-Nazzjonijiet Uniti;
1. Jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-QKI biex tintemm l-impunità għal min iwettaq l-iktar delitti gravi ta' tħassib għall-komunità internazzjonali;
2. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Analiżi tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI tal-2010, li saret f'Kampala, fl-Uganda, dwar id-delitt tal-aggressjoni; jilqa' wkoll l-impenn ta' dawn l-Istati Partijiet li jew irratifikaw, issieħbu ma' jew għamlu riferimenti pożittivi għar-ratifika tal-emendi dwar id-elitt tal-aggressjoni;
3. Jenfasizza li huwa importanti li l-Istati Membri kollha tal-UE jieħdu impenn li jiġġieldu l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tl-gwerra; jappoġġa wkoll it-talbiet sabiex il-ġlieda kontra l-impunità għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem issir projorità għall-UE fl-azzjonijiet esterni tagħha, kif ukoll għall-Istati Membri tal-UE;
4. Jaċċetta l-prinċipju tal-kumplimentarjetà li topera skontu l-QKI u jirrikonoxxi li l-QKI ma tissostitwixxix is-sistemi ġudizzjarji kriminali nazzjonali; jirrikonoxxi wkoll li l-QKI tinvestiga u, meta tintalab tagħmel dan, twettaq prosekuzzjoni u ġġib quddiem il-ġustizzja individwi unikament jekk l-Istat ikkonċernat ma jagħmilx dan, ma jkunx jista' jagħmel dan jew ma jkunx jixtieq jagħmel dan;
5. Jaċċetta wkoll li l-QKI tista' teżerċita ġurisdizzjoni b'rabta mad-delitt tal-aggressjoni, soġġett għal deċiżjoni li għandha tittieħed wara l-1 ta' Jannar 2017 b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Istati Partijiet, u soġġett għar-ratifika tal-emenda li tikkonċerna dan id-delitt minn mill-inqas 30 Stat Parti;
6. Jirrikonoxxi li d-deċiżjoni dwar ir-ratifika tal-emendi dwar id-delitt tal-aggressjoni hija kwistjoni unikament f'idejn l-Istati Partijiet individwali;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.