Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0075/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

( 2014/2723(RSP) )

Annemie Neyts-Uyttebroeck, Louis Michel, Charles Goerens, Ivo Vajgl, Marielle de Sarnez

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0075/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

( 2014/2723(RSP) )

 

 

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tal-1949,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interim dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tat-18 ta' Settembru 1995,

–       wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti ta' Awtogvern interim") tat-13 ta' Settembru 1993,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kunflitt attwali qiegħed jikkaġuna telf ta' ħajja u tbatija intollerabbli għall-popolazzjonijiet ċivili taż-żewġ partijiet involuti;

B.     billi l-Parlament ripetutament esprima l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ta' żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien f'paċi u f'sigurtà, u talab ukoll għat-tkomplija tat-taħdidiet diretti ta' paċi bejn il-partijiet;

C.     billi t-taħdidiet diretti ta' paċi bejn il-partijiet weħlu u l-isforzi reċenti kollha biex jitkomplew in-negozjati fallew; billi l-UE talbet lill-partijiet biex jaħdmu fuq azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta' fiduċja li hu meħtieġ biex jkun hemm negozjati sinifikattivi, biex jieqfu l-azzjonijiet li jimminaw il-kredibbiltà tal-proċess u biex jiġi pprevenut l-inċitament;

D.     billi d-Dritt Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u dak Umanitarju, inkluża r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra, japplikaw fis-sħiħ għax-Xatt tal-Punent, inklużi Ġerusalemm tal-Lvant u l-Istrixxa ta' Gaża; billi l-Iżrael għandu l-obbligu, li fost l-oħrajn jiżgura b'bona fidi li l-ħtiġiet bażiċi tal-popolazzjoni Palestinjana okkupata jiġu sodisfatti, li jamministra l-okkupazzjoni tagħha b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni lokali, u li jipproteġi u jippreżerva ċ-ċivili;

1.      Jitlob t-tmiem minnufih tal-attakki missilistiċi kollha minn Gaża fuq l-Iżrael u ta' kull azzjoni militari Iżraeljana fuq Gaża;

2.      Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni f'Gaża u f'Iżrael, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-partijiet kollha biex jaslu għal waqfien mill-ġlied immedjat fl-Istrixxa ta' Gaża u fit-territorju Iżraeljan;

3.      Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat tal-forza mill-awtoritajiet Iżraeljani fuq Gaża, li diġà kkawżat il-mewt ta' kważi 200 persuna (77% minnhom ċivili, skont l-uffiċjali tan-NU);

4.      Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għall-vittmi kollha tal-ġlied u lill-familji tagħhom;

5.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li jaċċetta l-proposta tal-Eġittu għal waqfien mill-ġlied f'Gaża; jinnota li l-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, ukoll laqa' l-inizjattiva, għall-kuntrarju tal-grupp Palestinjan Ħamas;

6.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiftħu l-qsim ta' Rafah biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju lejn Gaża u jippermettu t-tranżitu ta' ċivili Palestinjani;

7.      Jenfasizza, għal darb'oħra, il-fatt li l-miżuri ta' paċi u nonvjolenti huma l-unika mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob għal darb'oħra t-tkomplija mill-ġdid ta' taħdidiet ta' paċi diretti bejn iż-żewġ partijiet;

8.      Iħeġġeġ, għal darb'oħra lill-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu rwol politiku aktar attiv, anke fi ħdan il-Kwartet, fl-isforzi immirati għall-kisba ta' paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappoġġa l-Viċi President / Rappreżentant Għoli fl-isforzi tagħha għall-ħolqien ta' perspettiva kredibbli għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi;

9.      Jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien f'paċi u f'sigurtà;

10.    Itenni t-talba tiegħu għat-tneħħija tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża, marbut ma' mekkaniżmu ta' kontroll effikaċi li jipprevjeni l-kuntrabandu ta' armi lejn Gaża bħala rikonoxximent tal-bżonnijiet ta' sigurtà leġittimi tal-Iżrael; jitlob ukoll biex jittieħdu passi għall-bini mill-ġdid u għall-irkupru ekonomiku ta' Gaża;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.