Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0077/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

( 2014/2723(RSP) )

Fabio Massimo Castaldo

f'isem il-Grupp EFD

 

B8‑0077/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

( 2014/2723(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–         wara li kkunsidra l-artikolu li deher fl-Independent "Kunflitt Iżrael-Gaża: attakk mill-ajru Iżraeljan jeqred dar għal persuni b'diżabilità, jmutu żewġ residenti nisa" (Israel-Gaza conflict: Israeli air strike destroys home for the disabled killing two women residents),

–         wara li kkunsidra r-rapport tal-UNRWA (Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) dwar is-sitwazzjoni f'Gaża tal-14 ta' Lulju 2014,

–         wara li kkunsidra l-Istqarrija attribwibbli għall-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali dwar is-sitwazzjoni bejn l-Iżrael u Gaża maħruġa f'New York fit-13 ta' Lulju 2014,

–         wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–         wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tal-1949,

–         wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–         wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti ta' Awtogvern interim") tat-13 ta' Settembru 1993,

–         wara li kkunsidra il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.       billi l-kunflitt attwali qiegħed jikkaġuna t-telf ta' ħajjiet innoċenti u tbatija intollerabbli għall-popolazzjonijiet ċivili taż-żewġ naħat involuti fil-kunflitt; billi ir-rapport tal-UNRWA jindika li nqatlu 174 ċivili, u madwar 1 152 ġew midruba;

B.        billi l-eskalazzjoni tal-vjolenza kellha implikazzjonijiet gravi fuq is-sigurtà tat-tfal, li huma l-vittmi l-iktar vulnerabbli ta' dan il-kunflitt mingħajr tmiem; billi ir-rapport tal-UNRWA jindika li nqatlu mill-anqas 32 tifel u tifla;

C.       billi, minkejja t-talba ċara għal waqfien mill-ġlied tal-Kunsill tas-Sigurtà, jidher li s-sitwazzjoni ġewwa u madwar l-Istrixxa ta' Gaża qed tiggrava, b'riperkussjonijiet gravi fuq is-sigurtà taċ-ċivili Iżraeljani u Palestinjani;

D.       billi l-Parlament esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għal soluzzjoni ta' żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien f'paċi u f'sigurtà, u talab it-tkomplija ta' taħdidiet diretti ta' paċi bejn il-partijiet;

E.        billi l-Parlament tenna kemm-il darba l-appoġġ tiegħu għad-dritt tal-Iżrael li jeżisti f'konfini siguri;

F.        billi l-Parlament tenna kemm-il darba l-appoġġ tiegħu għad-dritt ta' awtodeterminazzjoni tal-Palestinjani, u billi ma hemmx dubju dwar id-dritt tagħhom għal stat proprju;

1.        Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-eskalazzjoni perikoluża tal-vjolenza f'Gaża u fl-Iżrael, u jħeġġeġ bil-qawwa li tittieħed azzjoni immedjata li twassal għall-waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ partijiet involuti, sabiex ma jkunx hemm aktar nies li jisfaw vittmi tal-vjolenza;

2.        Jitlob it-tmiem minnufih ta' kull azzjoni militari Iżraeljana kontra Gaża u ukoll tal-attakki missilistiċi kollha minn Gaża kontra t-territorju Iżraeljan;

3.        Jesprimi l-kosternazzjoni qawwija tiegħu għal-livell intollerabbli ta' sofferenza umana u ta' telf ta' ħajja u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi innoċenti kollha fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

4.        Jenfasizza l-importanza li jiġu protetti ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili vitali kollha fl-Istrixxa ta' Gaża;

5.        Jesprimi d-dispjaċir qawwi tiegħu għall-mewt taż-żewġ nisa b'diżabilità fit-13 ta' Lulju f'Gaża, fid-dawl tal-fatt li huma ċ-ċivili u partikolarment dawk li jsofru minn diżabilità fiżika li jisfaw l-iktar vittmi vulnerabbli tal-kunflitt;

6.        Jitlob lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex jikkunsidraw b'mod speċjali t-tbatija u l-bżonnijiet tan-nisa u tat-tfal involuti f'dan il-kunflitt;

7.        Jenfasizza l-bżonn għal reazzjoni immedjata għat-traġedja umana fl-Istrixxa ta' Gaża f'termini ta' provvista ta' ikel u provvisti mediċi;

8.        Jenfasizza għal darb'oħra li l-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani ma jistax jissolva b'mezzi militari iżda biss permezz ta' proċess paċifiku u nonvjolenti; jitlob għal darb'oħra t-tkomplija mill-ġdid ta' taħdidiet ta' paċi diretti bejn iż-żewġ partijiet;

9.        Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat Iżraeljan u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien f'paċi u f'sigurtà;

10.      Iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmlu l-almu tagħhom biex tinstab soluzzjoni xierqa għall-kriżi; iħeġġeġ lill-atturi reġjonali ewlenin, partikolarment lill-Eġittu u l-Ġordan, biex isostnu l-isforzi biex tiġi kkalmata s-sitwazzjoni u biex jiżguraw l-evakwazzjoni taċ-ċivili midruba;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.