Dokument ta' sessjoni

 

16.9.2014                                                                                                                B8‑0118/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja

( 2014/2841(RSP) )

Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Boris Zala, Kati Piri, Marju Lauristin, Liisa Jaakonsaari, Goffredo Maria Bettini, Nicola Caputo, Jo Leinen, Arne Lietz, Francisco Assis, Miroslav Poche, Vilija Blinkevičiūtė, Vincent Peillon,

f'isem il-Grupp S&D

 

B8‑0118/2014

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja

( 2014/2841(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Istqarrija Ministerjali Konġunta tat-12 ta' Settembru 2014 dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (AA/DCFTA) UE-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Von Rompuy, tat-8 u l-11 ta' Settembru 2014 dwar miżuri restrittivi oħra mill-UE kontra r-Russja,

–       wara li kkunsidra l-Protokoll dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali, iffirmat f'Minsk fil-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Agrikoltura Ewropew tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-22 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sajf tal-2014 kien ikkaratterizzat minn eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina; billi, skont il-kalkoli tan-NU, tal-inqas 3 000 ruħ tilfu ħajjithom u ħafna eluf oħrajn sfaw midruba; billi mijiet ta' eluf ta' ċivili ħarbu miż-żoni tal-kunflitt;

B.     billi t-traġedja tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines fir-reġjun ta' Donetsk qajmet għadab kbir fost l-opinjoni pubblika internazzjonali u Ewropea; billi n-NU u l-UE esiġew investigazzjoni internazzjonali dettaljata taċ-ċirkustanzi tal-inċident, u billi huwa obbligu morali u legali li l-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

C.     billi hemm evidenza li r-Russja tagħti appoġġ dirett u indirett lis-separatisti, inkluż permezz ta' mezzi militari; billi din l-evidenza wasslet biex l-Istati Membri tal-UE jieħdu pożizzjoni aktar deċiżiva fil-konfront tar-Russja u jadottaw aktar sanzjonijiet; billi, min-naħa tagħha, il-Federazzjoni Russa ddeċidiet li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikolai, ikel u materja prima mill-Unjoni Ewropea, mill-Istati Uniti, mill-Kanada, mill-Awstralja u min-Norveġja;

D.     billi bħala konsegwenza tal-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u r-rwol ta' din tal-aħħar fil-ġlied fl-Ukraina, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja messew l-aktar punt baxx tagħhom mit-tmiem tal-Gwerra Bierda 'l hawn;

E.     billi fil-5 ta' Settembru 2014, wara ħames xhur ta' ġlied imdemmi, fil-belt kapitali Bjelorussa, Minsk, intlaħaq ftehim dwar tregwa bżonnjuża ħafna imma fraġli; billi fil-Lvant tal-Ukraina l-isparaturi baqgħu għaddejjin;

1.      Jerġa' jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukrain u l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni politika għall-kriżi attwali fil-Lvant tal-Ukraina li tirrispetta s-sovranità, l-integrità territorjali, l-għaqda u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll il-libertà li tagħżel l-alleanzi politiċi u kummerċjali tagħha, u li tiżgura protezzjoni qawwija tad-drittijiet tal-minoranzi fir-reġjuni kollha tal-Ukraina;

2.      Jistieden lir-Russja tirtira minnufih l-assi u l-forzi militari kollha tagħha mill-Ukraina, tipprojbixxi l-flussi ta' ġellieda u armi fil-Lvant tal-Ukraina, u ttemm l-appoġġ, dirett jew indirett, għall-azzjonijiet tal-forsi separatisti fit-territorju Ukrain;

3.      Itenni l-kundanna tiegħu tal-annessjoni illegali tal-Krimea u jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Istati Membri tal-UE li ma jirrikonoxxuhiex; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea sakemm ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat tal-oriġini mill-awtoritajiet Ukraini;

4.      Jilqa' l-"Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Paċi tal-President tal-Ukraina, Petro Poroshenko, u l-inizjattivi tal-President tar-Russju, Vladimir Putin", iffirmat wara konsultazzjonijiet mal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali f'Minsk fil-5 ta' Settembru 2014; jemmen li l-waqfien mill-ġlied jista' jkun pass ewlieni importanti biex titwitta t-triq għal djalogu politiku li jagħmel sens u biex tinstab soluzzjoni politika globali; jiddeplora l-fatt li l-bumbardamenti sporadiċi fil-Lvant tal-Ukraina għadhom għaddejjin u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaħdmu b'mod kostruttiv favur ir-rikonċiljazzjoni u biex il-kriżi ma tibqax teskala;

5.      Jappoġġja b'mod qawwi lill-OSKE fl-isforzi tagħha biex tistabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina; ifakkar li l-OSKE fil-preżent hija l-unika istituzzjoni Ewropea minn wara l-Gwerra Bierda li tista' ġġib flimkien lir-Russja, lill-Ukraina u lis-sħab Ewropej tagħhom; jilqa' l-espansjoni tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ biex tkun tista' twettaq kompiti bħalma huma l-waqfien mill-ġlied u l-monitoraġġ tal-konfini; jistieden lill-organizzazzjonijiet iżidu, malajr kemm jista' jkun, l-għadd ta' osservaturi fiż-żoni ta' konfrontazzjoni, u jħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, bħala stat parteċipanti tal-OSKE, taderixxi mar-regoli, il-prinċipji u l-impenji tal-OSKE;

6.      Jinnota li l-UE ddeċidiet li timplimenta aktar sanzjonijiet, minkejja l-fatt li fil-Lvant tal-Ukraina beda jiġi implimentat waqfien mill-ġlied; jirrimarka li l-ambigwità li tikkaratterizza l-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied s'issa tiġġustifika din id-deċiżjoni u jwissi li l-Unjoni tkun lesta timplimenta aktar sanzjonijiet jekk ir-Russja u l-forzi separatisti f'Donbas ma jurux, mingħajr ambigwità, rieda tajba biex jikkooperaw fl-isforzi biex il-kriżi ma' tibqax teskala; fl-istess waqt, jappoġġja d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew li, skont is-sitwazzjoni fuq il-post, l-UE tista' tirrevedi s-sanzjonijiet miftehmin kollha jew parti minnhom; jinsisti li s-sanzjonijiet ma jistgħux jieħdu post it-tfittxija attiva għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kriżi attwali; jinsab konvint li, meta jiġu imposti jew riveduti sanzjonijiet, l-għaqda u s-solidarjetà tal-UE huma essenzjali jekk irridu li l-miżuri jkollhom l-effetti politiċi mixtieqa;

7.      Ifakkar li l-miżuri restrittivi meħuda mill-UE huma marbuta direttament mal-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Federazzjoni Russa permezz tal-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, filwaqt li l-miżuri kummerċjali meħuda mill-Federazzjoni Russa, inklużi dawk kontra l-Ukraina u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant li dan l-aħħar ikkonkludew Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, mhumiex ġustifikati;

8.      Jilqa' l-miżuri adottati mill-Kunsill Agrikoltura tal-UE fil-5 ta' Settembru, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora modi biex l-UE tkun tista' tiflaħ aktar għal kriżijiet simili fil-futur u tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja b'mod sostanzjali u f'waqtu lill-produtturi Ewropej affettwati;

9.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-President Franċiż François Hollande li jissospendi l-kunsinna ta' vapur tal-gwerra tat-tip Mistral lir-Russja, u jorbotha mal-kundizzjoni li jiġi osservat il-waqfien mill-ġlied u li tinstab soluzzjoni politika; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ l-embargo fuq il-kummerċ tal-armi u l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' merkanzija b'użu doppju għal utenti finali militari;

10     Jilqa' l-konklużjonijiet tas-summit tan-NATO f'Wales bħala risposta f'waqtha u xierqa għall-evoluzzjoni tal-ambjent tas-sigurtà fl-Ewropa li tirriżulta mill-azzjoni tar-Russja fl-Ukraina;

11.    Jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jaċċeleraw it-tnedija tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-PSDK għar-Riforma fis-Settur Ċivili fl-Ukraina;

12.    Jieħu nota tar-rapport preliminari tad-Dutch Safety Board dwar l-investigazzjoni rigward it-traġedja li fiha kienet involuta t-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines, maħruġ fid-9 ta' Settembru 2014, li jikkonferma li l-ajruplan twaqqa'; jiddeplora l-fatt li l-ġlied ma ppermettiex aċċess bla xkiel għall-investigaturi fil-post fejn waqa' l-ajruplan u jittama li l-waqfien mill-ġlied jiffaċilita l-proċess tal-investigazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet kollha juru rieda tajba ġenwina li jikkooperaw;

13.    Jesprimi sodisfazzjon għall-ħelsien tal-ostaġġi miżmuma mill-gruppi armati illegali fil-Lvant tal-Ukraina u jappella biex jinħelsu l-priġunieri Ukraini miżmuma arrestati fil-Federazzjoni Russa; jitlob, barra minn hekk, il-ħelsien immedjat u r-ritorn lura fl-Estonja ta' Eston Kohver, l-uffiċjal Estonjan li nħataf mit-territorju sovran tal-Estonja lejn ir-Russja; jenfasizza l-obbligu tal-awtoritajiet Russi li jipprovdulu kuntatt regolari u bla xkiel ma' rappreżentanti uffiċjali mir-Repubblika tal-Estonja u li jiżguraw il-benessri u s-sigurtà tiegħu waqt li jkun għadu fit-territorju Russu;

14.    Jirrimarka l-ħtieġa urġenti li jingħataw assistenza umanitarja u provvisti lill-popolazzjoni fiż-żoni milquta mill-kunflitt, lin-nies spostati internament u lir-rifuġjati; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li talloka EUR 22 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp fl-Ukraina; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina jrid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Gvern Ukrain, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA); jieħu spunt mit-twissija reċenti tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa li l-Lvant tal-Ukraina qed jiffaċċja emerġenza fil-qasam tas-saħħa, fejn l-isptarijiet mhumiex jiffunzjonaw kompletament u hemm nuqqas ta' mediċini u vaċċini; jistieden lill-UE u lid-donaturi internazzjonali jieħdu azzjoni urġenti f'dan ir-rigward;

15.    Jenfasizza l-ħtieġa li tinbena l-fiduċja bejn il-komunitajiet differenti fis-soċjetà u jappella għal proċess ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli; jenfasizza l-importanza, f'dan il-kuntest, li jiġi stabbilit djalogu nazzjonali inklużiv, filwaqt li jiġu evitati l-propaganda, id-diskors ta' mibegħda u r-retorika, inkluż mir-Russja, li jistgħu jkomplu jiggravaw il-konflitt; jenfasizza li djalogu inklużiv bħal dan għandu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil ċittadini mir-reġjuni u l-minoranzi kollha;

16.    Jappella biex issir investigazzjoni dettaljata, komprensiva u trasparenti dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew matul il-ħames xhur tal-kunflitt, kif ukoll dwar il-qtil minn tiraturi magħżula f'Maidan fi Frar u l-avvenimenti traġiċi li seħħew f'Odessa fit-2 ta' Mejju 2014, u biex jiġi żgurat li dawk responsabbli jiffaċċjaw il-ġustizzja;

17.    Jilqa' l-iffirmar reċenti ta' programm ġdid tal-UE, b'valur ta' EUR 10 miljun, li huwa maħsub biex isaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u l-monitoraġġ tar-riformi demokratiċi u l-iżvilupp soċjoekonomiku inklużiv fl-Ukraina;

18.    Huwa tal-fehma li l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin joffru opportunità eċċellenti biex terġa' tiġi stabbilita r-rappreżentanza demokratika fil-Verkhovna Rada; jistenna bil-ħerqa l-prospetti ta' futur ta' stabbiltà, prosperità u demokrazija għaċ-ċittadini Ukraini kollha; jinsab konvint li hija biss Ukraina demokratika u sovrana tassew li tkun tista' tiddeċiedi b'mod indipendenti l-futur tagħha; iħeġġeġ, għalhekk, lill-forzi ribelli fil-Lvant tal-Ukraina biex ma jostakolawx il-proċess elettorali u jiggarantixxu d-dritt fundamentali tar-residenti ta' Donbas li jeleġġu liberament ir-rappreżentanti tagħhom; jirrimarka, barra minn hekk, l-importanza li l-elezzjoni ssir f'konformità mal-istandards internazzjonali u li tiġi żgurata l-formazzjoni ta' gvern inklużiv filwaqt li jiġi rispettat ir-riżultat elettorali; jistieden lill-partiti politiċi kollha li fil-preżent huma rappreżentati fil-Verkhovna Rada biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet, u lill-partijiet kollha biex jirrispettaw ir-riżultat tagħhom;

19.    Jemmen li d-deċentralizzazzjoni tal-poter se tikkontribwixxi biex tinżamm paċi sostenibbli fil-Lvant tal-Ukraina u jesprimi sodisfazzjon li dan huwa wieħed mill-punti ewlenin tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko u tal-Protokoll ta' Minsk; iwissi, madankollu, kontra arranġamenti li jipperikolaw l-indipendenza, l-għaqda u s-sovranità tal-Ukraina, jew il-libertà tagħha li tagħżel l-alleanzi politiċi u kummerċjali tagħha; jinsab imħasseb li l-kriżi tista' tagħti lok għal kunflitt iffriżat u mtawwal ieħor fil-viċinat tal-Ewropa, b'implikazzjonijiet negattivi għas-sigurtà fit-tul tal-Ukraina, tal-UE u tar-Russja, u jistieden lill-partijiet kollha jieħdu miżuri biex jiġi evitat xenarju bħal dan;

20.    Jiddispjaċih li l-konsultazzjonijiet bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-UE bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u t-tranżitu tal-enerġija ma ġabux riżultati sinifikanti; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jibbilanċjaw mill-ġdid id-dipendenza tagħhom fuq ir-Russja għall-enerġija u jiżguraw li l-għajnuna Ewropea ma tintużax primarjament biex jitħallas id-dejn ma' Gazprom; jemmen, għall-kuntrarju, li l-Istati Membri tal-UE jkunu qed jgħinu b'mod sostanzjali lill-Ukraina jekk jiddikjaraw moratorju fuq id-dejn u l-ħlasijiet tal-imgħax sakemm l-ekonomija tagħha tistabbilizza ruħha; jistieden lill-awtoritajiet Russi u lil Gazprom jindirizzaw b'urġenza t-tħassib dwar nuqqas ta' kunsinna ta' gass fl-Istati Membri tal-UE; jappoġġja s-sospensjoni tan-negozjati dwar is-sħubija tar-Russja fl-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija;

21.    Jiddikjara li huwa pproċeda biex jirratifika malajr l-AA/DCFTA mal-Ukraina, simultanjament mal-vot fil-Verkhovna Rada, sabiex jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukrain f'dan il-mument diffiċli u biex juri l-appoġġ inkondizzjonat tiegħu għat-tfittxija tagħhom għal ħajja aħjar f'pajjiż demokratiku; jenfasizza, madankollu, il-fehma tiegħu li d-dispożizzjonijiet tal-AA u d-DCFTA ma jikkostitwixxux xi sfida kummerċjali jew ġeopolitika għall-Federazzjoni Russa, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma jimpedixxix ir-relazzjonijiet tajbin li l-Ukraina għandha mal-ġirien tagħha tal-Lvant;

22.    Jieħu nota tad-deċiżjoni konġunta tal-UE u l-Ukraina li jipposponu l-implimentazzjoni tad-DCFTA sa Diċembru 2015; iqis li huwa importanti li t-test maqbul tad-DCFTA ma jerġax jinfetaħ għan-negozjati; jilqa' favorevolment il-pjan tal-Kummissjoni li testendi r-reġim ta' tariffi baxxi fuq il-prodotti importati mill-Ukraina; jappoġġja l-konsultazzjoni li għaddejja bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-UE dwar l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA mal-Ukraina u jittama li din tgħin biex jiġi solvut kwalunkwe nuqqas ta' ftehim u biex jiġi indirizzat it-tħassib leġittimu; jiddispjaċih li dawn il-konsultazzjonijiet bdew isiru fi stadju tardiv ħafna u jikkritika l-pass kajman tal-proċess li wassal għall-posponiment tal-implementazzjoni tal-AA/DCFTA;

23.    Jenfasizza li r-relazzjonijiet ta' sħubija u kooperazzjoni mar-Russja għandhom jerġgħu jiġu stabbiliti meta r-Russja turi konformità mad-dritt internazzjonali, tikkontribwixxi attivament u mingħajr ambigwità għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi tal-Ukraina, u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tal-Ukraina, kif ukoll ta' pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant u l-ġirien tagħha; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President il-ġdid tieħu rwol proattiv biex tiffaċilita d-djalogu bejn l-Ukraina u r-Russja, kif ukoll id-djalogu tal-UE mar-Russja, u biex tippromwovi soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti; jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tesplora l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika;

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika ta' Sigurtà Barranija, lill-Istati Membri tal-UE, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.