Dokument ta' sessjoni

 

16.9.2014                                                                                                                B8‑0119/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola

( 2014/2842(RSP) )

Charles Goerens, Gérard Deprez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Louis Michel, Marietje Schaake, Javier Nart, Dita Charanzová, Catherine Bearder, Robert Rochefort, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, José Inácio Faria, Nathalie Griesbeck, Ramon Tremosa i Balcells, Juan Carlos Girauta Vidal, Martina Dlabajová, Petr Ježek, Fredrick Federley, Andrus Ansip, Gerben-Jan Gerbrandy, Ivan Jakovčić, Johannes Cornelis van Baalen

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0119/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola

( 2014/2842(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra il-missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), 'Appoġġ mill-UA għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent' (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta' Awissu 2014,

–       wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi t-tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent hu l-aktar wieħed mortali s'issa fid-dinja u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat sitwazzjoni ta' emerġenza tas-saħħa internazzjonali; billi mietu aktar minn 2 100 persuna bil-virus fil-Ginea, fil-Liberja, fis-Sjerra Leone u fin-Niġerja din is-sena u s-sitwazzjoni qed tkompli tiddeterjora rapidament, bil-bżonn ta' rispons internazzjonali kkoordinat; billi d-WHO qed tbassar ukoll li l-għadd ta' mwiet jista' jilħaq saħansitra l-20 000;

B.     billi l-organizzazzjoni mhux governattiva Médecins Sans Frontières (MSF) ikkundannat "in-nuqqas ta' azzjoni tal-pajjiżi ewlenin";

C.     billi l-Kunsill ta' Sigurtà tan-NE se jorganizza laqgħa urġenti nhar il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014;

D.     billi l-Kummissjoni hi serjament imħassba bil-fatt li din il-marda, li għadha mhix taħt kontroll, qed tkompli tinfirex, u b'mod kontinwu żiedet l-intensità tar-rispons tagħha sa minn Marzu 2014;

E.     billi l-organizzazzjonijiet fuq il-post kollha saħqu fuq il-fatt li, sabiex il-pazjenti jiġu iżolati u jingħataw il-kura, hemm ħtieġa urġenti mhux biss għal fondi, imma anke għal kapaċità operattiva, inklużi riżorsi umani kwalifikati u materjal loġistiku;

F.     billi l-Ministru għad-Difiża tal-Liberja l-ġimgħa l-oħra ddikjara lill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU li l-eżistenza nnifisha ta' pajjiżu qiegħda fil-periklu;

G.     billi l-Kummissjoni qed timmonitora s-sitwazzjoni permezz taċ-Ċentru tagħha għall-Koordinament tar-Rispons għal Emerġenza, li għandu jservi ta' pjattaforma għall-koordinament tal-assistenza tal-UE;

H.     billi l-Kummissarju Borg, waqt laqgħa mal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel nhar it-3 ta' Settembru 2014, qal li l-UE "għandha obbligu morali biex tgħin lill-pajjiżi milqutin mit-tfaqqigħ tal-Ebola peress li waħedhom ma jistgħux jaffrontaw din is-sitwazzjoni";

I.      billi l-Kummissarju Borg ħabbar li l-Kummissjoni qed tistenna li żżid il-finanzjament billi ċċaqlaq parti mill-fondi disponibbli taħt l-iżvilupp għall-assistenza umanitarja; billi l-UE allokat EUR 11,9 miljun f'għajnuna umanitarja għall-epidemija minn Marzu 2014; billi fl-aħħar ta' Awwissu, id-WHO ħabbret pjan li jammonta għal EUR 77 miljun;

J.      billi l-President Barrack Obama qed jippjana li jagħti spinta drastika għall-isforz tal-Istati Uniti biex jittaffa' t-tfaqqigħ tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent, inkluż involviment akbar min-naħa tal-militar tal-Istati Uniti billi jintbagħtu sptarijiet mobbli, tobba u esperti fil-kura tas-saħħa addizzjonali, jingħataw provvisti mediċi u jitwettaq taħriġ għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fil-Liberja u f'pajjiżi oħra;

K.     billi d-WHO wissiet li jistgħu jseħħu eluf ta' aktar każi fil-Liberja, li kienet il-pajjiż li ntlaqat l-agħar mit-tfaqqigħ tal-marda fl-Afrika tal-Punent;

L.     billi l-Ebola tinfirex bejn il-bnedmin permezz ta' kuntatt dirett ma' demm, fluwidi tal-ġisem jew organi infettati, jew indirettament permezz ta' kuntatti ma' ambjenti kkontaminati;

M.    billi l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa l-aktar li huma fir-riskju, minħabba l-mezz ta' trażmissjoni tal-virus tal-Ebola u l-fatt li qed joperaw mingħajr it-tagħmir protettiv u t-taħriġ xierqa;

N.     billi l-metodi konvenzjonali għall-kontroll tal-marda ma kellhomx impatt biżżejjed;

O.     billi l-marda żvelat l-inadegwatezza tas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi milqutin u l-bżonn urġenti ta' appoġġ biex jissaħħu,

P.     billi l-Unjoni Afrikana qed tħeġġeġ lill-istati membri tagħha jneħħu l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li applikaw biex jitrażżan il-virus, peress li, skont hi, jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ekonomija tar-reġjun;

Q.     billi l-episodju attwali tal-marda għandu rata ta' mortalità ta' madwar 55 %;

R.     billi s-seroterapija, li tinvolvi t-trasfużjoni ta' plażma mis-superstiti tal-virus tal-Ebola, jista' jkun li żvolġiet rwol fit-titfija tal-marda u l-irkupru ta' żewġ tobba Amerikani infettati bl-Ebola; billi, fl-istess ħin, hu importanti li ma jiġu sottovalutati l-komplikazzjonijiet involuti fl-implimentazzjoni tas-seroterapija fuq il-post, minħabba l-kundizzjonijiet prekarji fl-isptarijiet u problemi loġistiċi bħaż-żamma tal-katina ta' ksieħ;

S.     billi l-kriżi evidenzjat id-dgħufijiet tas-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi kkonċernati;

T.     billi l-bidu tal-provi vaċċinali kliniċi hu imminenti, imma mhux mistenni li l-kuri u l-vaċċini sperimentali se jkunu disponibbli estensivament qabel l-aħħar tas-sena;

U.     billi hemm 4,5 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin li qed jgħixu fiż-żoni milqutin mill-virus tal-Ebola, u n-nisa (li jirrappreżentaw 75 % tal-każi) intlaqtu b'mod sproporzjonat mill-virus minħabba r-rwol tagħhom bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor;

V.     billi diġà qed jitfaċċaw każi tal-marda assoċjati mal-ivvjaġġar f'pajjiżi oħra u dawn qed jikkawżaw ir-riskju li jinħolqu sfidi epidemoloġiċi ġodda;

1.      Jisħaq fuq il-fatt li l-epidemija tal-Ebola qed tikkawża dannu devastanti fil-ħames pajjiżi milqutin s'issa, i.e. il-Ginea, il-Liberja, in-Niġerja, is-Sjerra Leone u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (l-parti tat-Tramuntana tagħha) jenfasizza li, skont id-WHO, dan hu l-akbar episodju qatt rekordjat tal-marda f'termini ta' każi, imwiet u kopertura ġeografika, u qed ikompli jaċċelera;

2.      Jikkunsidra li l-komunità internazzjonali trid tiżvolġi rwol akbar waqt li anke l-pajjiż Afrikani jridu jieħdu sehemhom mir-responsabilità; jappella lill-pajjiżi bir-riżorsi biex jirrispondu għad-diżastri biex jibagħtu kapaċitajiet mediċi, militari u ċivili addizzjonali b'mod urġenti lejn l-Afrika tal-Punent bl-intenzjoni li jiġu skjerati rapidament;

3.      Jikkunsidra li f'dinja globalizzata, l-UE u n-NU jridu jaqblu dwar it-tip ta' intervenzjoni li se jipprovdi rispons għal emerġenza fil-qasam tas-saħħa fuq skala globali;

4.      Iħeġġeġ biex tiġi organizzata laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b'mod li jiġi stabbilit pjan ta' emerġenza, biex jiġi implimentati minnufih, għall-mobilizzazzjoni ta' rispons mediku biex jintlaħaq qbil u tingħata għajnuna umanitarja mill-Istati Membri, taħt il-koordinament tal-Kummissjoni;

5.      Jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u pjanijiet speċifiċi għall-pajjiż biex tiddetermina d-domanda għal persunal fil-qasam tas-saħħa, laboratorji mobbli, tagħmir tal-laboratorju, ħwejjeġ protettivi u l-istabbiliment ta' swali ta' iżolament;

6.      Jisħaq fuq il-fatt li din il-kriżi tevidenzja l-fatt li l-komunità internazzjonali, qabel ma taffronta 'l-aġenda għal wara l-2015', trid tindirizza 'l-fdalijiet' tal-'Aġenda għall-2015' u tittratta primarjament il-kwistjonijiet tas-saħħa (u l-edukazzjoni) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

7.      Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra l-Ebola ma tistax twassal għall-istimmatizzazzjoni tal-pazjenti superstiti fil-komunitajiet jew il-pajjiżi;

8.      Jevidenzja l-isfidi għall-persunal mediku u jilqa' bil-qalb il-kontribuzzjoni u l-għajnuna kbar tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kontroll ta' dan l-episodju tal-marda; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' aktar tobba, nersijiet, epidemjoloġi u speċjalisti fil-qasam tal-ilma u s-sanità - li attwalment ftit hemm minnhom disponibbli;

9.      Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' sforzi internazzjonali addizzjonali għall-finanzjament u l-koordinament tal-programmi eżistenti ta' riċerka u żvilupp li qed jaħdmu biex jiżviluppaw trattamenti u vaċċini għall-Ebola, kif ukoll għal mard oħra li mhumiex ta' interess kummerċjali immedjat imma li jistgħu jikkawżaw epidemiji simili fil-ġejjieni; jappella lill-Kummissjoni biex tinvestiga b'mod urġenti jekk il-programmi eżistenti tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp jistgħux ikunu jistgħu jassistu ulterjorment lil dawn l-isforzi, speċjalment biex jiġi avvanzati l-provi kliniċi meħtieġa għat-trattament ta' kandidati eżistenti;

10.    Jenfasizza l-ħtieġa għal investiment rapidu, permezz tad-DĠ ECHO, fit-tħejjija fil-pajjiżi ġirien b'mod li t-tifrix tal-virus fil-pajjiżi fraġli l-oħra tal-Afrika tal-Punent jitwaqqaf u/jew jitrażżan;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-presidenti, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.