Dokument ta' sessjoni
16.9.2014 B8‑0120/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/2844(RSP) )
Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Miroslav Poche, Nicola Caputo, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Goffredo Maria Bettini, Tonino Picula, Vincent Peillon
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja[1], u tat-22 ta' Novembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Sahel[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni[3], u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha[4],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li l-partijiet involuti f'kunflitt armat għandhom li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Persunal Assoċjat, u l-Protokott Alternattiv tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Awwissu 2014 u tat-30 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Libjani niżlu fit-toroq fi Frar 2011 biex jitolbu d-drittijiet politiċi tagħhom, u ħabbtu wiċċhom ma' repressjoni mill-istat mingħajr diskriminazzjoni li tat bidu għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili u għat-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;
B. billi l-Libja organizzat it-tielet elezzjonijiet ġenerali demokratiċi u liberi tagħha f'Ġunju 2014 biex teleġġi Kamra tad-Deputati li tieħu post il-Kungress Nazzjonali Ġenerali elett f'Lulju 2012;
C. billi l-Libja qed taffaċċja l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn gruppi armati lokali, inklużi attakki fuq ċivili u proprjetà ċivili li jinkludu ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, li f'xi każijiet jammonta għal delitti tal-gwerra;
D. billi atturi reġjonali u atturi barranin oħra qed jintervjenu attivament fil-Libja, filwaqt li jwettqu azzjonijiet li jħarrxu d-diviżjonijiet lokali, u li jkollhom impatt fuq l-istrutturi ta' governanza dgħajfa u għalhekk jipperikolaw it-tranżizzjoni demokratika tal-Libja;
E. billi l-komunità internazzjonali qed iżżid l-involviment tagħha b'appoġġ għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi attwali;
1. Jistieden lill-partijiet Libjani kollha jiftiehmu dwar waqfien mill-ġlied immedjat, u jniedu djalogu politiku nazzjonali inklużiv;
2. Jikkundanna l-vjolenza fil-Libja, b'mod partikolari madwar Tripli u Benghazi, li tirriżulta mill-ġlied li għaddej bejn gruppi armati u l-inċitament tagħhom għall-vjolenza, u jesprimi t-tħassib kbir u s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-popolazzjoni u l-istituzzjonijiet ċivili Libjani li qed ibatu;
3. Jinnota l-impatt fuq is-sigurtà reġjonali u Ewropea li jirriżulta mill-insigurtà ġenerali u mill-governanza li qed tiddeterjora fil-Libja; ifakkar li l-ġlied li seħħ matul Lulju u Awwissu 2014 għall-kontroll tal-ajruport ta' Tripli rriżulta f'eskalazzjoni drammatika u f'kaos, li wasslu għal għadd ta' mwiet u għall-qerda ta' infrastrutturi strateġiċi;
4. Jikkundanna s-sensiela ta' attakki fuq ċivili u proprjetà ċivili li f'xi każijiet jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra; ifakkar li l-partijiet kollha fil-Libja jridu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni taċ-ċivili f'kull ħin, u li d-detenuti kollha għandhom jiġu ttrattati b'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali; ifakkar li l-attakki intenzjonalment diretti kontra l-persunal involut fl-għajnuna umanitarja jew f'missjoni ta' żamma tal-paċi b'konformità mal-Karta tan-NU, intiżi għall-protezzjoni taċ-ċivili jew ta' beni ċivili skont id-dritt internazzjonali dwar il-kunflitt armat, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
5. Ifakkar fir-Riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), adottata fis-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja, biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' nies li jappoġġaw jew huma involuti f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew jostakolaw jew jikkompromettu t-twettiq b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha"; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali usa' biex janalizzaw il-possibbiltà li japplikaw tali miżuri għal individwi speċifiċi li jheddu l-prospetti għall-paċi u għat-tranżizzjoni demokratika fil-Libja u biex imbagħad jillistjawhom bl-istess mod li l-komunità internazzjonali llistjat lill-Gaddafi u lill-klikka tiegħu;
6. Ifakkar li l-partijiet li qed jiġġieldu għandhom jinżammu responsabbli u għandhom jiġu soġġetti għal prosekuzzjoni mill-qrati domestiċi jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, li għandha ġuriżdizzjoni fuq id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju mwettqa fil-Libja mill-15 ta' Frar 2011, skont ir-riżoluzzjoni 1970 tal-KSNU;
7. Jappoġġa l-Kamra tad-Deputati bħala l-korp leġittimu li ġie ffurmat wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; ifakkar fil-ħtieġa li l-Kamra tad-Deputati tinkludi lill-partijiet kollha involuti sabiex tikseb ftehim inklużiv, u li tevita deċiżjonijiet li jistgħu jkabbru d-diviżjonijiet minflok ma jnaqqsuhom; jistieden lill-membri tal-Kamra tad-Deputati jżuru lill-Parlament Ewropew u jiltaqgħu mal-membri tiegħu li għadhom kif ġew eletti;
8. Ifaħħar il-ħidma tal-Assemblea tal-Abbozzar Kostituzzjonali fl-abbozzar tal-kostituzzjoni u l-ispirtu ta' kunsens u djalogu kostruttiv; jinkuraġġixxi lil dan il-korp jissokta bil-ħidma tiegħu fuq test kostituzzjonali msejjes fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem li jnaqqax u jħares id-drittijiet tal-Libjani kollha; jistieden lill-Kamra tad-Deputati tressaq abbozz għall-votazzjoni mill-aktar fis possibbli; jinkuraġġixxi t-twaqqif ta' Kummissjoni ta' Rikonċiljazzjoni, simili għal dik imwaqqfa fl-Afrika t'Isfel fis-snin disgħin;
9. Jistieden lill-Gvern inerim tal-Libja u lill-Kamra tad-Deputati jistabbilixxu djalogu politiku wiesa', li huwa l-unika triq 'il quddiem;
10. Jistieden lill-pajjiżi tal-viċinat u lill-atturi reġjonali ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jaggravaw diviżjonijiet attwali u jikkompromettu t-tranżizzjoni demokratika tal-Libja; ifaħħar l-ospitalità Tuneżina lill-mijiet ta' eluf ta' ċittadini Libjani attwalment fit-Tuneżija li qed jaħarbu mill-vjolenza;
11. Jistieden lill-UE tappoġġa lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU Bernardino Léon u lill-UNSMIL fin-negozjati għal waqfien mill-ġlied, permezz tal-isforzi tal-mibgħut Speċjali tal-UE għal-Libja u tad-Delegazzjoni tal-UE, u, ladarba jkun inkiseb waqfien mill-ġlied, f'monitoraġġ potenzjali tal-waqfien mill-ġlied mill-komunità internazzjonali;
12. Huwa mħasseb ferm dwar il-wasla bla preċedent ta' persuni li qed ifittxu l-asil u ta' migranti irregolari fix-xtut Taljani u Maltin, li ħafna minhom qed jitilqu mit-territorju Libjan; jistieden lill-UE tagħti segwitu lill-prijoritajiet identifikati fit-Task Force għall-Mediterran u tniedi djalogu politiku dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni mal-Gvern Libjan, hekk kif il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu;
13. Jikkundanna t-traffikar tal-bnedmin; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward is-sitwazzjoni estremament vulnerabbli tal-migranti u r-refuġjati barranin maqbudin fil-Libja, u jitlob li jsiru aktar sforzi internazzjonali biex jiġu investigati u mtellgħin il-qorti l-kriminali involuti fit-traffikar kriminali ta' dawn in-nies;
14. Huwa mħasseb ferm dwar il-preżenza dejjem tiżdied ta' Al-Qaida u ta' gruppi u individwi affiljati magħha li joperaw fil-Libja, u jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha possibbli kontra t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti ta' terroriżmu, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-refuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali;
15. Huwa mħasseb ferm rigward it-theddida mill-armi u l-munizzjon mhux sikuri fil-Libja u l-proliferazzjoni tagħhom, li hija riskju għall-istabbiltà fil-Libja, fir-reġjun u fl-Ewropa, anke permezz tat-trasferiment għal gruppi terroristiċi u gruppi estremisti vjolenti involuti f'kunflitti oħra;
16. Jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw il-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza sabiex jiżguraw l-għoti ta' għajnuna umanitarja, is-sikurezza taċ-ċivili li qed jirċievu għajnuna u s-sigurtà tal-persunal umanitarju; ifakkar li l-attakki intenzjonalment diretti kontra l-persunal involut fl-għajnuna umanitarja jew f'missjoni ta' żamma tal-paċi b'konformità mal-Karta, sakemm ikunu intitolati għall-protezzjoni mogħtija liċ-ċivili jew lil beni ċivili skont id-dritt internazzjonali dwar il-kunflitt armat, jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri fil-Libja u jiffukaw l-apoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u kkmandati u kkontrollati nazzjonalment (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż; jenfasizza li l-UE għandha tagħti prijorità wkoll lill-għajnuna bir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja Libjana, kif ukoll f'oqsma oħra kruċjali għall-governanza demokratika, bħall-midja indipendenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet espressi mill-awtoritajiet Libjani u mill-poplu Libjan; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jimplimentaw bis-sħiħ il-liġi dwar l-istupru bħala delitt tal-gwerra billi jiġu ggarantiti r-riżorsi meħtieġa;
18. Jirrakkomanda involviment qawwi tal-UE – flimkien man-NU u ma' atturi internazzjonali oħra – fil-proċess ta' diżarm tal-milizji, li huwa essenzjali biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti forzi armati u forzi tal-pulizija kkmandati nazzjonalment u ċentralment; jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiliment mill-ġdid tal-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) immexxija mill-PSDK fil-Libja biex tappoġġa lill-pajjiż fil-protezzjoni tal-fruntieri tiegħu hekk kif il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu, iżda jħeġġeġ lill-VP/RGħ teżamina mill-ġdid il-mandat tagħha u tfassal missjoni ġdida tal-PSDK li tqis il-ħtieġa li s-settur tas-sigurtà kollu fil-Libja jiġi riformat u jingħata l-ħiliet b'mod konsistenti u sostenibbli; jenfasizza li l-kontribut tal-UE marbut mas-sigurtà li jiffoka biss fuq is-sigurtà fil-fruntieri hija manifestament insuffiċjenti u inkonsistenti kemm mal-ħtiġijiet tal-pajjjiż kif ukoll mal-isfidi għal sigurtà reġjonali, fosthom dik tal-UE;
19. Jappoġġa l-isforzi tal-missjoni tan-NU fil-Libja u tal-Mibgħut Speċjali tas-SĠNU li għadu kif inħatar, Bernardino Léon; jitlob lill-komunità internazzjonali tieħu azzjoni fil-Libja, fil-qafas tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Lega tal-Istati Għarab u tal-Unjoni Afrikana u appoġġata mill-pajjiżi tal-viċinat, speċjalment l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Alġerija;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lis-SĠNU, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.