Dokument ta' sessjoni
16.9.2014 B8‑0122/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2841(RSP) )
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Geoffrey Van Orden, Roberts Zīle, Ruža Tomašić, Zdzisław Krasnodębski, Valdemar Tomaševski, Bastiaan Belder
f'isem il-Grupp ECR
B8‑0122
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2841(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnjus fid-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO f'Wales,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'April faqqgħet il-vjolenza fil-Lvant tal-Ukraina, meta s-separatisti ddikjaraw indipendenza fir-reġjuni Donetsk u Luhansk, wara l-annessjoni illegali Russa tal-Krimea tal-Ukraina;
B. billi sa minn nofs April inqatlu tal-inqas 3 000 persuna, filwaqt li n-numru ta' refuġjati Ukraini u persuni spustati internament (IDPs) laħaq it-350,000 persuna;
C. billi r-ribelli favur ir-Russja direttament appoġġati minn forzi armati Russi regolari, stmati min-naħa tal-Ukraina li għandhom il-qawwa ta' sitt battaljuni b'artillerija, iċċirkondaw lil Mariupol, port tal-Baħar l-Iswed strateġikament importanti, u bdew il-bumbardimenti fuq il-belt;
D. billi, skont is-sorsi tan-NATO, ir-Russja qed tibgħat tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u armi oħrajn lir-ribelli, u qed tippermetti ġellieda mit-territorju tagħha jaqsmu l-fruntiera biex jissieħbu mal-milizzji tar-ribelli; billi r-Russja għad għandha madwar 1 000 truppa armata sew fil-Lvant tal-Ukraina u madwar 20 000 suldat aktar stazzjonant ħdejn il-fruntiera tal-Ukraina;
E. billi r-Russja użat il-militar tagħha biex tieħu kontroll u mbagħad tgħaqqad illegalment il-Krimea tal-Ukraina, wara li appoġġat lil gruppi separatisti lokali; billi dan ix-xenarju rrepeta ruħu fil-każ tal-Lvant tal-Ukraina, b'hekk inkisru l-prinċipji kollha tal-Ftehimiet ta' Ħelsinki.
F. billi l-aggressjoni Russa u l-qbid tal-Krimea saru bi ksur tad-dritt internazzjonali inkluż tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, minn tal-inqas tliet ftehimiet bejn l-Ukraina u r-Russja dwar relazzjonijiet bilaterali mill-1997, u b'mod partikolari l-Memorandum TNP ta' Budapest tal-1994 u l-atti ewlenin tal-OSKE;
G. billi fis-17 ta' Lulju t-titjira tal-Malaysia Airlines MH17 minn Amsterdam twaqqgħet viċin il-villaġġ ta' Grabove fit-territorju li jinsab f'idejn ir-ribelli viċin il-fruntiera mar-Russja, u dan ikkawża l-mewt ta' kważi 300 persuna; billi l-evidenza tindika missili pprovdut mir-Russja sparat mir-ribelli;
H. billi l-UE qablet li timponi aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja minħabba r-rwol tagħha fil-kriżi tal-Ukraina, billi timmira kumpaniji kbar statali Russi taż-żejt u tespandi l-lista sewda ta' uffiċjali Russi soġġetti għal projbizzjonijiet ta' viża u ffriżar tal-assi;
I. billi s-Summit tan-Nato ta' Settembru f'Wales laqqa' flimkien aktar minn 60 mexxej nazzjonali, li ddiskutu s-sitwazzjoni fl-Ukraina, l-Afganistan u l-futur tal-alleanza;
J. billi fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE ffirmat Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina, kif ukoll ftehimiet simili mal-Ġeorġja u l-Moldova; billi l-iffirmar ta' dawn il-ftehimiet jimplika r-rikonoxximent tal-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina biex jgħixu f'pajjiż immexxi minn valuri Ewropej, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
K. billi l-mexxejja politiċi Russi ppruvaw jużaw sentimenti rredentisti u ta' ritaljazzjoni bil-ħsieb li jiksbu lura territorji mitlufa sabiex jilleġittimizzaw azzjonijiet tas-separatisti, u kienu qed jistqarru pubblikament li dak li llum huwa x-Xlokk tal-Ukraina, taħt il-kżarijiet, kien reġjun Russu jismu Novorossiya;
L. billi fil-5 ta' Settembru 2014 l-Uffiċjal tas-Servizz tas-Sigurtà Interna, Eston Kohver, inħataf viċin il-punt ta' kontroll tal-fruntiera Luhamaa fl-Estonja u nżamm fit-territorju Russu f'post mhux żvelat taħt akkużi ta' spjunaġġ;
M. billi fost tensjonijiet dwar l-Ukraina, il-provvista tal-gass tar-Russja lill-Polonja naqset b'45 %;
N. Billi Franza ddeċidiet li twaqqaf it-twassil tal-bastiment tal-gwerra tal-klassi Mistral lir-Russja;
1. Jesprimi s-solidarjetà mal-Ukraina u n-nazzjoni tal-Ukraina; jesprimi ottimiżmu prudenti dwar il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jfakkar li sabiex tintlaħaq tregwa u jiġi implimentat il-pjan ta' paċi, ir-Russja għandha twaqqaf kull appoġġ finanzjarju, politiku jew militari għas-separatisti fil-Lvant tal-Ukraina u tirrilaxxa kull territorju preċedentement anness, inkluża l-Krimea;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-Federazzjoni Russa talli kompliet bi gwerra ibrida mhux iddikjarata kontra l-Ukraina bl-użu ta' forzi Russi regolari u bl-appoġġ ta' gruppi armati illegali; iħeġġeġ lir-Russja twaqqaf il-fluss ta' armi u militanti lejn il-Lvant tal-Ukraina; jenfasizza li l-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Ukraina jikkostitwixxu att ta' aggressjoni;
3. Itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-għażla Ewropea tal-Ukraina;
4. Jilqa' r-rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied mill-Ukraina minkejja diversi provokazzjonijiet u ksur min-naħa tat-truppi u t-terroristi Russi;
5. Iwissi li fid-djalogu politiku li jsegwi l-waqfien mill-ġlied għandha tingħata enfażi qawwija lir-rifjut ta' kull proposta għall-istatus futur tal-Ukraina li jista' jintuża mir-Russja biex tkompli tinfluwenza jew tifred lill-pajjiż;
6. Jilqa' s-sett il-ġdid ta' sanzjonijiet kontra r-Russja li daħlu fis-seħħ, li jimblukkaw is-self għal ħames banek kbar statali u jnaqqsu n-negozju tal-UE mal-impriżi taż-żejt u tad-difiża; huwa tal-opinjoni li kull sanzjoni għandha titfassal b'tali mod li ma jippermettix lill-kumpaniji marbuta mar-Russja li jevitawhom; jistieden lill-UE tissorvelja mill-qrib tali forom ta' kooperazzjoni ekonomika bħal skambji għal ekwità u impriżi konġunti;
7. Jieħu nota tal-irtirar parzjali tat-truppi Russi mit-territorju tal-Ukraina, iżda jqisu insuffiċjenti biex jillaxka s-sanzjonijiet kontra r-Russja adottati mill-UE; f'dan ir-rigward, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dikjarazzjoni prematura riċenti tal-President tal-Kunsill Ewropew rigward it-tneħħija possibbli tas-sanzjonijiet;
8. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jadottaw sett ċar ta' punti ta' riferiment li, meta jinkisbu, jistgħu jipprevjenu l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-Russja jew iwasslu għat-tneħħija ta' dawk preċedenti; jemmen li dawn il-punti ta' riferiment għandhom jinkludu: l-irtirar kollu tat-truppi u l-merċenarji Russi mit-territorju tal-Ukraina; il-waqfien tal-provvista tal-armi u t-tagħmir lit-terroristi; ir-rispett sħiħ tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied mir-Russja; l-istabbiliment tal-kontroll u l-verifika internazzjonali effettivi tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied; u l-istabbiliment mill-ġdid tal-kontroll tal-Ukraina fit-territorju kollu tagħha, inkluża l-Krimea;
9. Jikkundanna l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Krimea bħala ksur gravi skont id-dritt internazzjonali tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, u jiċħad il-politika "fait accompli" tar-Russja fir-relazzjonijiet barranin tagħha; iqis l-annessjoni tal-Krimea illegali; jirrifjuta li jirrikonoxxi t-tmexxija de facto Russa fuq il-peniżola, u japprova d-deċiżjoni li jipprojbixxi l-importazzjonijiet ta' oġġetti mill-Krimea u Sevastopol li ma jkollhomx ċertifikat Ukrain;
10. Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina ġew garantiti bis-sħiħ, meta ċediet l-armi nukleari tagħha u ssieħbet mat-TNP, mill-Istati Uniti, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti fil-memorandum ta' Budapest dwar assigurazzjonijiet tas-sigurtà; ifakkar ukoll lill-Federazzjoni Russa li, fl-istess att u flimkien ma' żewġ pajjiżi oħra msemmija hawn fuq, impenjat ruħha li żżomm lura minn koerċizzjoni ekonomika maħsuba biex tissubordina għall-interess tagħha stess l-eżerċiżżju mill-Ukraina tad-drittijiet inerenti għas-sovranità tagħha biex tiżgura vantaġġi ta' dan it-tip;
11. Jistieden lill-Istati Membri jipproċedu bl-għoti tal-assistenza militari neċessarja u teknika lill-Ukraina;
12. Jistieden lill-Kunsill iniżżel l'hekk imsejħa repubbliki popolari ta' Donetsk and Luhansk fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom fl-għoti tal-assistenza umanitarja lill-Ukraina;
14. Jinsab imħasseb dwar id-deċiżjoni ta' posponiment tal-implimentazzjoni tad-DCFTA mal-Ukraina, li ttieħdet waqt il-laqgħa fejn ħadu wkoll sehem rappreżentanti Russi; jitlob li l-ftehimiet jiġu implimentati kif kienu previsti oriġinarjament u f'forma nnegozjata biss bejn l-Ukraina u l-UE;
15. Jieħu nota tad-deċiżjonijiet li ttieħdu matul is-summit tan-NATO, fosthom l-istabbiliment ta' Task Force Konġunta ta' Intervent Rapidu (Very High Readiness Joint Task Force (VJTF)) u ż-żieda tal-infiq globali għad-difiża, u jilqa' l-kundanna qawwija tal-intervent Russu illegali fl-Ukraina fid-Dikjarazzjoni tas-Summit f'Wales; jilqa' d-dikjarazzjoni mill-President Obama li l-alleanza trid tħalli l-bieb miftuħ għal membri ġodda sabiex tieħu azzjoni kontra l-aggressjoni Russa u tieħu impenji konkreti biex tgħin issaħħaħ il-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova; jiddispjaċih, madankollu, li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tat-truppi tan-NATO fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant fuq bażi permanenti u li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ċara fir-rigward tal-appoġġ dirett u immedjat għall-armata tal-Ukraina;
16. Jistieden lill-UE, fid-dawl tal-azzjonijiet ostili riċenti tar-Russja fl-Ukraina u fl-Estonja, biex tistabbilixxi Fond Ewropew tas-Sigurtà (FES) speċjali li jkun jippermetti self b'interessi baxxi li jistgħu jintużaw minn Stati Membri tal-UE, l-aktar fil-Lvant, biex jimmodernizzaw l-armati tagħhom u jtejbu l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom;
17. Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina u jissottolinja l-perspettiva legalment rikonoxxuta għas-sħubija eventwali fl-UE, li tingħata fil-prinċipju mill-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
18. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President Franċiż biex iwaqqaf it-twassil tal-bastiment tal-klassi Mistral lir-Russja; jemmen li dan huwa pass lejn id-direzzjoni t-tajba, u jistieden lil Franza tirrevoka kompletament dan il-kuntratt, li jmur kontra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi u l-Pożizzjoni Komuni tal-2008 li tiddefinixxi r-regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari;
19. Jistieden lir-Russja u lis-separatisti favur ir-Russja fir-reġjun biex jiżguraw aċċess immedjat, sigur u mhux ristrett tal-post fejn iġarraf MH17 sabiex jippermettu t-tkomplija tal-investigazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet u l-proprjetà personali tal-vittmi li għad hemm fuq il-post, u jitlob biex dawk li huma direttament jew indirettament responsabbli għat-twaqqigħ ta' MH17 jitressqu malajr quddiem il-ġustizzja;
20. Jikkundanna l-ħtif tal-Uffiċjal tas-Servizz tas-Sigurtà Interna Eston Kohver mit-territorju tal-Estonja, u jitlob lill-Awtoritajiet Russi biex jiżguraw ir-rilaxx immedjat tiegħu u r-ritorn sigur lejn l-Estonja;
21. Ifakkar id-diskors tal-President Putin fejn qal li r-Russja għandha d-dritt li tiddefendi Russi etniċi li jgħixu lil hinn mill-fruntieri tagħha, rimarki li setgħu jitqiesu bħala theddida moħbija għall-Moldova u l-Istati Baltiċi; iwissi li s-sitwazzjoni attwali fi Transnistria tista' tikkawża kriżi oħra mar-Russja, speċjalment minħabba l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Moldova;
22. Itenni t-talba tiegħu lir-Russja biex ma tużax il-gass u ż-żejt bħala għodda ta' koerċizzjoni u ta' pressjoni fuq il-ġirien tagħha; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista ta' enerġija sigura għall-Ukraina u għal dawk l-Istati Membri tal-UE li huma diġà affettwati minn qtugħ tal-gass min-naħa tar-Russja, speċjalment il-Polonja;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.