Dokument ta' sessjoni
16.9.2014 B8‑0123/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
( 2014/2841(RSP) )
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Othmar Karas, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Ivo Belet, Jerzy Buzek, David McAllister, Michael Gahler, Anna Maria Corazza Bildt, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Gabrielius Landsbergis, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Gabriel Mato, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Jarosław Leszek Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Valdis Dombrovskis, Albert Deß, Lorenzo Cesa
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
( 2014/2841(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (EaP) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Mexxejja tal-G7 li saret fis-Samit ta' Brussell tal-4 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Lulju u tal-15 ta' Awwissu u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awissu 2014 dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit tan-NATO tas-7 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill Ewropew dwar miżuri restrittivi ulterjuri tal-UE kontra r-Russja tal-11 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliemi tas-SEAE tal-11 ta' Settembru 2014 dwar il-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-5 ta' Settembru 2014, il-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali qabel dwar waqfien mill-ġlied f'Minsk li daħal fis-seħħ fl-istess jum; billi l-ftehim kien fih ukoll protokol ta' 12-il punt li jkopri l-ħelsien tal-ostaġġi, miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni umanitarja, l-irtirar tal-gruppi armati illegali kollha, tat-tagħmir militari u tal-merċenarji mill-Ukraina u miżuri dwar deċentralizzazzjoni fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk;
B. billi l-waqfien mill-ġlied ġie miksur minn merċenarji b'mod repetut sa mill-5 ta' Settembru fiż-żona ħdejn Mariupol u l-ajruport ta' Donetsk, b'tentativi biex jinkiseb tagħrif dwar id-difiża tal-Ukraina f'diversi lokalitajiet oħra;
C. billi s-samit tan-NATO fi Newport afferma mill-ġdid li n-NATO qed tappoġġa lill-Ukraina quddiem l-influenza distabilizzanti tar-Russja, qed toffri appoġġ fit-tisħiħ tal-forzi armati Ukraini u titlob lir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-Ukraina u ttemm l-annessjoni illegali tal-Krimea;
D. billi l-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu talab għal proposti li jsaħħu l-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja fil-Lvant tal-Ukraina; billi dawn il-proposti daħlu fis-seħħ fit-12 ta' Settembru;
E. billi s-Sur Mykola Zelenec, Konslu Onorarju tal-Litwanja f'Luhansk, ġie maħtuf u maqtul brutalment mir-ribelli;
F. billi d-Delegazzjoni l-ġdida tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukraina twaqqaf fit-8 ta' Settembru 2014 bi prijorità, u l-Parlament jinsab lest li jakkumpanuja l-proċess ta' riformi politiċi, leġiżlattivi u ekonomiċi fl-Ukraina permezz ta' ħidma futura tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni Parlamentari;
G. billi l-ewwel riżultati mill-investigaturi tal-waqgħa tal-ajruplan juru li t-titjira tal-Malaysia Airlines MH17 intemmet fl-arja fuq il-Lvant tal-Ukraina wara li l-ajruplan intlaqat minn 'oġġetti b'enerġija qawwija minn barra l-ajruplan';
H. billi fit-12 ta' Settembru l-Kummissjoni ħabbret li l-applikazzjoni provviżorja tal-AA/DCFTA se tkun posposta sal-31 ta' Diċembru 2015; billi dan se jwassal biex jitwalu l-preferenzi tal-kummerċ unilaterali mogħtija mill-UE lill-Ukraina, li kellhom jiskadu fl-1 ta' Novembru ta' din is-sena;
I. billi fis-7 ta' Awwissu l-Gvern Russu adotta lista ta' prodotti mill-UE, l-Istati Uniti, in-Norveġja, il-Kanada u l-Awstralja li kellhom ikunu projbiti mis-suq Russu għal perjodu ta' sena; billi l-UE se tkun dik l-aktar milquta minħabba li r-Russja hi t-tieni l-akbar suq esportatur għall-prodotti agrikoli tal-UE u s-sitt wieħed għall-prodotti tas-sajd u billi 73 % tal-importazzjoni projbita ġejja mill-UE;
J. billi r-restrizzjonijiet attwali applikati mir-Russja jistgħu jipperikolaw b'kemm jiswew EUR 5 biljun f'kummerċ u jaffettwaw id-dħul ta' 9,5 miljun persuna fl-UE li qed jaħdmu f'ażjendi agrikoli l-aktar ikkonċernati;
K. billi l-projbizzjoni tal-prodotti tal-ikel tal-UE lejn is-suq Russu li laqtu l-aktar is-setturi tal-frott u tal-ħaxix, kif ukoll is-setturi tal-ħalib u tal-laħam, jista' jkollha effett multiplikatur li jwassal għal provvista żejda fis-suq intern; billi l-valur tal-prodotti tas-sajd projbiti jammonta għal kważi EUR 144 miljun;
L. billi l-projbizzjoni tal-prodotti tas-sajd tal-UE lejn is-suq Russu tista' potenzjalment tqiegħed problemi serji f'uħud mill-Istati Membri bħal Spanja, Franza, ir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Latvja, l-Estonja u l-Irlanda;
M. billi r-Russja qed timmina s-sigurtà tal-UE billi regolarment tikser l-ispazju tal-ajru tal-Finlandja, tal-Istati Baltiċi u tal-Ukraina, kif ukoll bil-qtugħ reċenti tal-gass lill-Polonja li jammonta għal 45 % tal-esportazzjoni Russa lejn dan il-pajjiż;
N. billi madwar miljun tifel u tifla qed ikunu affettwati mill-konflitt li għaddej fil-Lvant tal-Ukraina u ħafna tfal inqatlu jew spiċċaw feruti;
1. Jilqa' r-ratifika simultanja tal-AA/DCFTA mill-Verkhovna Rada u l-Parlament Ewropew; iqis dan bħala pass importanti li juri impenn miż-żewġ naħat lejn implimentazzjoni b'suċċess; jieħu nota tal-posponiment tal-implimentazzjoni provviżorja tad-DCFTA bejn l-UE u l-Ukraina sal-31 ta' Diċembru 2015, li se jkun sostitwit mill-prolongazzjoni tal-miżuri ta' kummerċ unilaterali li jirrapreżentaw implimentazzjoni asimetrika de facto tal-ftehim; jiddeplora l-pressjoni u t-theddid Russu;
2. Itenni li r-Russja għandha l-għan li timmina u eventwalment twaqqaf dan il-ftehim milli jseħħ; jenfasizza għalhekk li l-iskadenza l-ġdida mhux se taffettwa l-proċess ta' ratifika u finalment ta' implimentazzjoni sħiħa; jiddikjara li l-ftehim mhux se jinbidel u li l-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li permezz ta' din ir-ratifika m'hemm l-ebda possibbiltà ta' tibdil;
3. Jenfasizza li x-xhur li ġejjin sal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA għandhom jintużaw biex ikunu indirizzati t-trasformazzjoni u l-modernizzazzjoni meħtieġa tas-sistema politika tal-Ukraina, l-ekonomija u s-soċjetà tagħha bi qbil mal-aġenda ta' Assoċjazzjoni; jilqa' l-programm ta' riforma mħabbar mill-President Poroshenko li jinkludi liġijiet kontra l-korruzzjoni, id-deċentralizzazzjoni u l-amnestija; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri joffru l-assistenza ekonomika u finanzjarja kollha possibbli b'mod imsaħħaħ u aċċellerat lill-Ukraina sabiex jgħinuha tindirizza dawk ir-riformi; itenni li dan għandu jsir bħala att unilaterali tal-UE u mhux taħt impożizzjoni jew theddida jew intrużjoni Russa fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina jew għas-spejjeż li jitqiegħed f'riskju d-dħul fis-seħħ tal-AA/DCFTA komplet bejn l-UE u l-Ukraina bil-periklu li dan ikun ikkontaminat minn format laxk ta' Assoċjazzjoni ta' ftehimiet ma' pajjiżi oħra sħab;
4. Jitlob lill-Istati Membri li jistgħu jieħdu mill-esperjenza preċedenti ta' implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE biex jużaw u jgħaddu dik l-esperjenza u t-tagħrif lill-Ukraina;
5. Jenfasizza li l-Russja issa għandha, anqas raġuni minn qatt qabel li tikkritika l-Ftehim bejn l-UE u l-Ukraina jew li tirreaġixxi b'restrizzjonijiet tal-kummerċ u aggressjonijiet militari mingħajr ġustifikazzjoni; jesprimi tħassib li dan l-iżvilupp il-ġdid hu ta' inċentiv għar-Russja biex teskala l-politika tagħha ta' intimidazzjoni tal-Ukraina u li tqiegħdha fl-isfera ta' influenza tagħha; jinkwieta li dan jista' jwassal biex is-sitwazzjoni tinfirex fil-Georgia u l-Moldova;
6. Ifakkar li l-UE ippjanat li tniedi f'Novembru Missjoni Konsultattiva tal-UE għar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà Ċivili Ukraina (EUAM Ukraina), missjoni ċivili taħt il-politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni bil-għan li tassisti l-Ukraina fir-riformi tas-setturi tas-sigurtà ċivili, inkluż il-pulizija u l-istat tad-dritt; jitlob lill-UE tipprovdiha bir-riżorsi meħtieġa biex timplimenta l-mandat tagħha;
7. Jenfasizza li r-riforma u l-aġenda ta' Assoċjazzjoni jridu jimxu flimkien mal-ġlieda kontinwa li tiżgura l-integrità u l-unità territorjali tal-Ukraina; itenni li dawn iż-żewġ kompiti huma marbuta sew u b'mod sinerġiku flimkien; jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu politiku u għal deċentralizzazzjoni li tiżgura li l-awtorità fuq it-territorju kollu tibqa' mal-gvern ċentrali, b'hekk tkun garantita l-unità tal-Ukraina;
8. Jilqa' l-waqfien mill-ġlied milħuq mill-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali fil-5 ta' Settembru f'Minsk u jittama li l-protokol ta' 12-il punt ta' Minsk jistabbilixxi kundizzjonijiet għal implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Paċi Poroshenko, inkluż kontroll permanenti u effettiv tal-fruntiera tal-Ukraina verifikat mill-OSKE, irtirar sħiħ u inkondizzjonat tat-truppi Russi, ta' gruppi armati illegali, ta' tagħmir militari u ta' merċenarji mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukraina u l-ħelsien tal-ostaġġi; jiddeplora li l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied qed ikun miksur kostantement mis-separatisti u mill-forzi Russi u li t-tisħiħ tagħhom għadu għaddej;
9. Hu tal-fehma li l-eskalazzjoni tal-politika imperjalista determinata Russa u l-ġlied kontra l-Ukraina qed jhedded serjament l-abilità tal-UE li timplimenta l-politiki tagħha; jenfasizza l-urġenza li tiżdied id-determinazzjoni tal-UE li ssaħħaħ u tiddefendi l-politika tal-viċinat tagħha u li tikkuntrasta r-Russja, billi tkompli tiżolaha fir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi tagħha, sabiex tgħolli l-prezz tat-twettiq ta' politiki mhux korretti;
10. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-waqfien mill-ġlied hu pretest għat-truppi Russi li jerġgħu jiġbru l-forzi tagħhom sabiex ikomplu l-offensiva li tistabbilixxi 'kuritur fuq l-art' għall-Krimea u lil hinn mit-Transnistria, b'hekk tiġi stabbilita purtiera tal-ħadid oħra; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għat-talbiet pubbliċi perikolużi magħmula mill-President Putin dwar Noworossiya li oriġinaw mill-politika Tsarista u kolonjalista tas-seklu 18;
11. Jikkundanna bil-qawwa l-intrużjoni tal-militar Russu fil-Lvant, il-fluss kontinwu illegali ta' persunal u tagħmir militari mill-Federazzjoni Russa fl-Ukraina, kif ukoll provvisti mill-hekk imsejħa 'konvolji umanitarji' mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-Ukraina kif ukoll l-għoti tal-ebda aċċess għall-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; jesprimi preokkupazzjoni kbira li wara l-involviment intensiv tal-Federazzjoni Russa fiż-żamma tal-paċi, it-territorju rduppjatlu l-instabbiltà, il-battaljuni Ukraini kienu ċirkundati u bbumbardjati filwaqt li kienu mexjin fil-kurituri umanitarji;
12. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-integrità territorjali, l-unità, l-indipendenza u s-sovranità tal-Ukraina; itenni li l-komunità internazzjonali mhux se tirrikonoxxi l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol kif ukoll ta' tentattivi ta' ħolqien ta' kważi-repubbliki f'Donbas; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-politika ta' non rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea, inkluż billi tipprojbixxi investiment tal-UE fis-setturi pubbliċi u privati kollha fil-Krimea u Sevastopol; jikkundanna, barra minn hekk, l-għoti ta' passaport furzat liċ-ċittadini Ukraini fil-Krimea, il-persekuzzjoni tal-Ukraini u tat-Tartari tal-Krimea, kif ukoll it-theddid magħmul mill-mexxejja li jipproklamaw lilhom infushom kontra ċittadini tal-Krimea li esprimew l-interessi tagħhom li jivvotaw fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;
13. Jirrepeti s-sejħa tiegħu lir-Russja biex tirritorna lejn it-triq tal-liġi internazzjonali billi tirrispetta l-impenji tagħha stess fost oħrajn billi tirrispetta l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki, il-Memorandum ta' Budapest, filwaqt li tirtira t-truppi tagħha mill-Ukraina u twaqqaf il-fluss ta' merċenarji fil-fruntieri ġewwa l-Ukraina u kull appoġġ dirett u indirett lilhom, kif ukoll il-ħelsien tal-ostaġġi, inkluż ta' Nadiya Savchenko, li nqabdet fl-Ukraina, illegalment ittieħdet fir-Russja u qed tinżamm taħt kustodja f'Moska;
14. Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif illegali ta' uffiċjal Estonjan tal-counterintelligence mit-territorju Estonjan lejn ir-Russja u jitlob lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jeħilsu lis-Sur Kohver u jippermettulu ritorn sikur lejn l-Estonja;
15. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jitgħallmu mill-esperjenza tas-sitwazzjoni estrema u drammatika fix-Xlokk tal-Ukraina u mir-rwol li r-Russja qed tkompli tadotta, li jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà indiviżibbli tal-Unjoni Ewropea u l-parti tal-Lvant tal-Istati Membri b'mod partikolari; iwissi li r-Russja tista' tkompli b'dan ix-xenarju ta' theddid biex toħloq pressjoni u tittestja l-Istati Membri tal-UE u n-NATO billi tkun lesta li tuża armi tal-ġlied ibridi jew tilgħab il-karta tal-enerġija;
16. Jemmen bis-sħiħ li l-unika risposta vijabbli tal-UE għat-theddid tar-Russja hi li tibqa' flimkien u titkellem b'vuċi waħda mar-Russja; jemmen li l -UE jeħtieġ terġa' tfassal ir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja u li ssib approċċ ġdid u unifikat lejn ir-Russja, inkluż Politika Komuni Esterna tal-Enerġija u d-Difiża;
17. Jitlob lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet militari tagħhom u jikkumplimentaw dawk tan-NATO, sabiex tiżdied ir-riżiljenza tal-UE kontra tipi differenti ta' gwerra, b'mod partikolari armi tal-gwerra ibridi; jitlob lill-UE, l-istituzzjonijiet u l-forzi politiċi tagħha biex isaħħu d-determinazzjoni komuni, il-kapaċità li jiffaċċjaw theddid estern, l-unità u s-solidarjetà tal-Unjoni;
18. Jitlob biex jitkomplew it-taħdidiet trilaterali dwar il-provvista tal-gass tal-Ukraina li ġew sospiżi minn Ġunju sabiex tinstab soluzzjoni ħalli jergħġu jitkomplew; itenni l-ħtieġa li tkun żgurata l-provvista tal-gass permezz ta' flussi tal-gass bil-maqlub mill-istati ġirien lejn l-Ukraina;
19. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ radikalment is-sigurtà tal-enerġija, l-indipendenza u r-reżiljenza tal-UE għal pressjoni esterna permezz tal-konsolidament tas-setturi tal-enerġija, ta' aktar żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiżi ġirien tal-UE u l-iżvilupp tal-interkonnetturi tal-enerġija bejn dawn il-pajjiżi u mal-UE, bi qbil mal-objettivi tal-Komunità Enerġetika, u li jkunu implimentati dawn il-proġetti prijoritarji ta' interess komuni bl-akbar urġenza sabiex jinbena suq tal-gass liberu u li jiffunzjona sew fl-Ewropa;
20. Jilqa' l-wegħda mġedda tal-NATO li tipprijoritizza s-sigurtà kollettiva u l-impenn lejn l-Artikolu 5 tat-Trattat Washington; jilqa' d-deċiżjonijiet tas-samit tan-NATO ta' Newport li jżidu l-livell ta' sigurtà tal-allejati tal-lvant, inkluż bil-ħolqien ta' task force 'xprun', ta' preżenza militari permanenti permezz ta' rotazzjoni u t-twaqqif ta' infrastruttura loġistika, kif ukoll ta' appoġġ offrut għat-tisħiħ tal-forzi armati tal-Ukraina;
21. Jieħu nota tal-fatt li l-Istati Membri fuq livell bilaterali jistgħu jipprovdu lill-Ukraina bl-armi, bit-teknoloġija u bit-tagħrif meħtieġ għas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza li din il-possibbiltà kienet ikkonfermata fis-samit tan-NATO fi Newport; hu tal-fehma li l-UE għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li jagħmlu dan; jitlob lill-UE tqis li tibgħat instrutturi u teknoloġija militari, biex tappoġġa l-armata tal-Ukraina b'tagħrif dwar taħriġ tat-tip Mulino, u li ssaħħaħ il-kapaċitajiet militari tagħha biex tiddefendi l-kosta tal-Baħar l-Iswed u s-sistema tad-difiża tal-ajru tagħha;
22. Jilqa' d-deċiżjoni mill-President Franċiż, Francois Hollande, li jipposponi l-bejgħ ta' żewġ vapuri tal-gwerra tip Mistal lir-Russja, b'hekk jagħmel il-provvista ta' dawn il-vapuri dipendenti fuq l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina; jinkoraġġixxi l-Istati Membri jqisu, fil-każ li l-kuntratt ikun ikkanċellat, miżuri ta' kumpens u modi li jużaw il-vapuri Mistral fil-missjonijiet relatati tal-UE minflok, sabiex jittaffa t-telf finanzjarju għal Franza ta' aktar minn EUR 1,2 biljun;
23. Jilqa' l-mizuri restrittivi li l-UE adottat kontra r-Russja matul is-sajf minħabba l-aggressjoni kontinwa tar-Russja, l-invażjoni armata u d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina; jappoġġa aktar sanzjonijiet ekonomiċi fis-setturi finanzjarji, tal-enerġija u militari u fuq prodotti b'użu doppju u teknoloġiji sensittivi, u li jiżdied l-għadd ta' individwi fil-mira, inkluż it-tmexxija l-ġdida f'Donbas, il-gvern tal-Krimea u dawk li jieħdu deċiżjonijiet u l-oligarki Russi; jilqa' l-infurzar tagħhom fit-12 ta' Settembru 2014;
24. Jistieden lill-UE tkompli, testendi u ssaħħaħ is-sanzjonijiet biex tilħaq imblokk ekonomiku komplut tal-finanzi u tal-ekonomija Russa, li teskludi lir-Russja mill-kooperazzjoni nukleari u mis-sistema Swift, u li timplimenta embargo komplet tal-armi fuq ir-Russja;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita ġabra ta' kriterji li, meta milħuqa, tista' timpedixxi l-adozzjoni ta' aktar livelli ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja jew li jkunu meħuda lura dawk diġà fis-seħħ; jenfasizza li dawn il-kriterji għandhom jinkludu l-irtirar komplet tat-truppi u l-merċenarji Russi mit-territorju tal-Ukraina, il-waqfien tal-appoġġ dirett u indirett għas-separatisti, ir-rispett mir-Russja tal-waqfien mill-ġlied, kontroll effettiv internazzjonali tal-fruntiera tal-Ukraina u t-treġġigħ lura tal-kontroll tal-Ukraina fuq it-territorju kollu tagħha;
26. Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjoni indipendenti, rapida u sħiħa tal-kawżi tat-twaqqigħ tal-Malaysia Airlines MH17, delegata lill-Bord tas-Sikurezza tal-Pajjiżi l-Baxxi, u l-ħtieġa li dawk responsabbli għat-twaqqigħ jitressqu quddiem il-ġustizzja; jinnota li l-Bord tas-Sikurezza tal-Pajjiżi l-Baxxi ħareġ rapport preliminari dwar l-investigazzjoni fit-twaqqigħ tal-MH17 fid-9 ta' Settembru 2014; jenfasizza li, abbażi tas-sejbiet preliminari sal-lum, l-ebda indikazjoni ta' kwalunkwe kwistjoni teknika jew operattiva ma nstabu dwar l-ajruplan jew l-eqwipaġġ, u li l-ħsara osservata fit-taqsima tal-bidu tidher li tindika li l-ajruplan kien penetrat minn għadd kbir ta' oġġetti b'enerġija qawwija minn barra l-ajruplan;
27. Jitlob lill-korpi sportivi internazzjonali biex jirtiraw id-dritt tar-Russja li torganizza l-Grand Prix tal-F1 fil-ħarifa tal-2014 u t-Tazza tad-Dinja tal-futbol fl-2018;
28. Jilqa d-deċiżjoni li jinżammu elezzjonijiet parlamentari bikrija fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru 2014 u jistenna li l-gvern jiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lill-Ukraina tistabbilixxi trasparenza fl-iffinanzjar tal-partiti u tal-kampanji politiċi tagħhom; jittama li jkun hemm maġġoranza qawwija għall-isfidi importanti u r-riformi meħtieġa li għad irid jiġu; jinsab impenjat li jibgħat osservaturi tal-elezzjoni sabiex jimmonitorjaw dawn l-elezzjonijiet u jitlob għal missjoni internazzjonali sostanzjali ta' monitoraġġ tal-elezzjoni biex tissorvelja din l-elezzjoni kruċjali li se sseħħ taħt kundizzjonijiet diffiċli;
29. Jesprimi tħassib serju fir-rigward tas-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-lvant tal-Ukraina, speċjalment fir-rigward tax-xitwa li ġejja; jenfasizza l-importanza ta' assistenza umanitarja massiva taħt l-awspiċi tal-UE li turi l-appoġġ tagħna għal poplu li qed isofri fil-lvant tal-Ukraina; jitlob, għalhekk, għal sforzi urġenti mill-UE, inkluż konvoj ta' għajnuna umanitarja li jgħin isostni dawk l-aktar fil-bżonn;
30. Jirrikomanda l-isforzi kontinwi li saru mill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni u partikolarment jiżguraw li t-tfal kollha se jkunu jistgħu jirritornaw lejn l-iskejjel li kienu affettwati mill-konflitt mill-aktar fis possibbli; jenfasizza l-importanza li jkun provdut appoġġ psikoloġiku lit-tfal kollha li kienu esposti direttament għall-avveniment vjolenti;
31. Jilqa' l-azzjoni rapida mill-Kummissjoni b'risposta għall-miżuri temporanji u ta' eċċezzjoni għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għal prodotti l-aktar affettwati mill-projbizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tniedi miżuri ta' appoġġ adegwati, mhux diskriminatorji u mmirati għal dawk l-impriżi agrikoli, l-operaturi tal-ikel u s-sajjieda l-aktar affettwati mill-projbizzjoni tar-Russja fuq il-prodotti tal-ikel tal-UE;
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib is-swieq agrikoli, tal-ikel, tas-sajd u tal-akwakultura, biex tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament dwar kull tibdil u biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri meħuda sabiex possibbilment testendi l-lista ta' prodotti koperti u li żżid il-pakkett ta' EUR 125 miljun; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE biex ma tirrestrinġix lilha nnifisha għal miżuri tas-suq imma wkoll li tieħu miżuri biex issaħħaħ il-preżenza tal-UE fis-swieq ta' pajjiżi terzi (pereżempju attivitajiet promozzjonali);
33. Iqis il-possibbiltà li jintużaw fondi tal-UE minbarra fondi agrikoli, minħabba li l-kriżi hi l-ewwel u qabel kollox ta' natura politika u mhux ir-riżultat ta' falliment tas-suq jew ta' kundizzjonijiet tat-temp ħżiena;
34. Jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja l-kwota xierqa ta' flessibbiltà fil-ftehimiet tal-istati tal-kosta;
35. Jitlob lill-Istati Membri jużaw l-EMFF bħala assistenza finanzjarja straordinarja li tipprovdi appoġġ finanzjarju lis-settur tas-sajd Ewropew u l-prodotti tal-akwakultura;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex momentanjament jimmodifikaw ir-regoli tal-kwota ta' flessibbiltà ta' kull sena sabiex jipprovdu għall-possibbiltà ta' trasferiment ta' aktar minn 10 % tal-kwota ts-sena li jmiss (ir-regola tal-flessibbiltà attwalment applikabbli), u biex jgħinu lis-sajjieda jbiegħu prodotti projbiti lil swieq oħra;
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.