Dokument ta' sessjoni

 

16.9.2014                                                                                                                B8‑0125/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja

( 2014/2841(RSP) )

Helmut Scholz, Miloslav Ransdorf, Pablo Iglesias, Kateřina Konečná, Sofia Sakorafa, Emmanouil Glezos, Georgios Katrougkalos, Jiří Maštálka, Martina Michels

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8‑0125/2014

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja

( 2014/2841(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Awwissu 2014 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina,

–       wara li kkunsidra t-tgħarrif ta' Amnesty International tat-8 ta' Settembru 2014 dwar "Abbużi u delitti tal-gwerra mill-battaljun volontarju 'Aidar' fit-tramuntana tar-reġjun ta' Luhansk",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-gwerra fil-Lvant tal-Ukraina ħalliet impatt qawwi fuq il-qagħda umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, b'medja ta' 36 persuna jew aktar maqtula kuljum, eluf ta' persuni midruba, mijiet ta' eluf ta' persuni li ħarbu mir-reġjun, u bl-infrastruttura kruċjali meqruda għalkollox;

B.     billi t-taħditiet ta' paċi f'Minsk bejn ir-rappreżentanti tal-Ukraina, tal-Federazzjoni Russa u tal-gruppi armati, taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) sa fl-aħħar irriżultaw f'waqfien mill-ġlied u skambju ta' priġunieri;

C.     billi l-gwerra fil-Lvant tal-Ukraina kompliet trewwaħ il-firda fl-Ukraina; billi l-president il-ġdid u l-gvern tal-pajjiż s'issa għad ma rnexxilhomx jibnu pont bejn il-partijiet differenti tas-soċjetà Ukraina; billi ħafna mill-inċidenti vjolenti li qed iseħħu fil-konfront ta' uffiċjali lokali, attivisti tal-partiti politiċi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll ġurnalisti, jidher li huma kkoordinati; billi f'ħafna mill-bliet il-kbar żdiedu t-theddidiet ta' bombi u, b'reazzjoni għal dan, żdiedu l-miżuri ta' infurzar tal-liġi u żdiedet it-tħejjija għall-emerġenzi;

D.     billi hemm sinjali preokkupanti ta' ksur serju tar-regoli u l-libertajiet demokratiċi fl-Ukraina, li qed idgħajfu ulterjorment iċ-ċansijiet li tingħeleb il-qagħda soċjoekonomika diffiċli u l-mibegħda politika fil-pajjiż, bħalma huma x-xoljiment tal-grupp parlamentari tal-Partit Komunista tal-Ukraina, il-proċess ġudizzjarju li huwa intenzjonat biex iwassal għall-projbizzjoni ta' dan il-partit, liġi ġdida li tippermetti lill-awtoritajiet jipprojbixxu jew jimponu restrizzjonijiet fuq it-trażmissjonijiet televiżivi jew tar-radju, jagħlqu jew jimponu restrizzjonijiet fuq attivitajiet medjatiċi, inkluż fuq l-internet, jipprojbixxu jew jimponu restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' materjal stampat, u jagħlqu jew jimponu restrizzjonijiet fuq is-servizzi tat-telekomunikazzjoni u l-użu tan-netwerks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni – l-hekk imsejħa leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li tikser l-obbligi tal-Ukraina bħala Membru tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll il-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE; billi l-gvern il-ġdid mhux qed jirnexxilu jikkontrolla l-moviment vjolenti u ta' għajb tas-Settur tal-Lemin; billi dawn l-iżviluppi qed jipperikolaw serjament il-proċess liberu u ġust tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin;

E.     billi l-gwerra fil-Lvant tal-Ukraina u l-aġenda neoliberali tal-gvern il-ġdid, li qed timplimenta l-kundizzjonijiet tas-self mill-Fond Monetarju Internazzjonali, qed ikollhom impatt dejjem aktar negattiv fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali taċ-ċittadini Ukraini, mhux biss fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk, iżda fil-pajjiż kollu kemm hu; billi f'Lulju 2014 kien hemm evidenza ta' aktar deterjorament fil-qagħda ekonomika: il-PDG naqas b'4,7 % meta mqabbel mas-sena li għaddiet, l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur żdied bi 11,6 % u r-rata tal-qgħad żdiedet minn 8 għal 8,8 %; billi fil-31 ta' Lulju l-parlament approva emendi għall-baġit li se jfissru tnaqqis fil-programmi soċjali, fil-pensjonijiet, fil-benefiċċji tal-qgħad u tad-diżabilità, u fis-salarji tal-impjegati tal-Istat; billi dan it-tnaqqis se jkollu effett negattiv sproporzjonat fuq in-nisa, peress li dawn jikkostitwixxu 67 % tal-popolazzjoni ta' 'l fuq minn 65 sena, 55 % tal-persuni li jirreġistraw għax-xogħol u 75 % tal-impjegati tal-Istat; billi fit-12 ta' Awwissu 2014 il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-Ukraina rrapportat li minn total ta' 93 minjiera (li jipprovdu proporzjon kbir tal-impjiegi disponibbli fir-reġjuni tal-Lvant), 20 biss kienu qed jiffunzjonaw kompletament, 48 kienu operattivi parzjalment, 6 kienu mgħarrqa u oħrajn kienu magħluqin u/jew imġarrfa;

F.     billi s-serje ta' sanzjonijiet reċiproċi imposti mill-UE u mir-Russja fuq xulxin qed ikollha impatt dejjem aktar negattiv fuq l-ekonomiji taż-żewġ naħat, iżda jidher ċar li kellha impatt politiku limitat;

G.     billi n-NATO użat ħażin il-kunflitt fl-Ukraina biex tiddefinixxi mill-ġdid il-missjoni tagħha billi tiddikjara lir-Russja bħala għadu u biex issaħħaħ il-preżenza tagħha fil-viċinanzi immedjati tar-Russja bi ksur tal-ftehimiet internazzjonali eżistenti; billi l-konfrontazzjoni bejn in-NATO u r-Russja tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa;

1.      Jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet bejn il-Grupp ta' Kuntatt u r-rappreżentanti tal-gruppi armati rriżultaw fi ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jilqa' l-bidu tat-taħditiet bejn il-President Ukrain u dak Russu, li kellhom rwol f'dan l-iżvilupp pożittiv, u jħeġġeġ bil-qawwa t-tkomplija ta' dawn il-kuntatti; iħeġġeġ biex jitkomplew b'urġenza n-negozjati bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt; jappoġġja t-tisħiħ tar-rwol tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) biex tintemm il-kriżi fl-Ukraina, inkluż il-monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied attwali;

2.      Jenfasizza li l-kriżi politika profonda attwali fl-Ukraina ma tistax tiġi solvuta permezz ta' mezzi militari, iżda jinħtieġ dibattitu profond madwar il-pajjiż kollu dwar ir-riformi kostituzzjonali, politiċi u ekonomiċi neċessarji u dwar l-orjentament ġeopolitiku tal-pajjiż; itenni l-appoġġ tiegħu għal kwalunkwe soluzzjoni paċifika għall-gwerra ċivili fil-Lvant tal-Ukraina; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Ukrain Yatsenyuk li hedded stat ta' emerġenza qabel l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, u dwar il-pjan li jinbena ħajt tul il-fruntiera bejn l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa; jenfasizza li dikjarazzjonijiet bħal dawn jikkontradixxu l-pjan ta' paċi tal-President elett tal-Ukraina u jeskludu l-possibilità li fis-26 ta' Ottubru jsiru elezzjonijiet parlamentari ġusti, demokratiċi u trasparenti;

3.      Jistieden lir-Russja, lill-UE u lill-Istati Uniti jieqfu jrewħu l-kunflitt billi jipprovdu appoġġ politiku u materjali – inkluż militari – lill-partijiet fil-kunflitt; jappella għal embargo fuq l-armi fil-konfront tal-partijiet kollha fil-kunflitt u għall-irtirar tal-konsulenti militari barranin kollha u persunal ieħor militari u tal-intelligence mill-Ukraina; jistieden lir-Russja tikkontrolla b'mod effikaċi l-konfini tagħha mal-Ukraina bil-ħsieb li jiġi evitat l-influss illegali ta' armi, munizzjon u persunal militari fl-Ukraina u jappoġġja l-proposta li l-OSKE tiġi involuta attivament fil-verifika tas-sigurtà fil-konfini bejn l-Ukraina u r-Russja u fis-soluzzjoni ta' tilwim relatat;

4.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' ġellieda u strutturi militari u paramilitari fl-Ukraina ffinanzjati mill-privat, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimponu sanzjonijiet effettivi fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti direttament jew indirettament fil-finanzjament ta' strutturi jew persuni bħal dawn;

5.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn in-NATO u l-Ukraina; jirrifjuta b'mod qawwi kwalunkwe tkabbir tan-NATO, inkluż bl-annessjoni tal-Ukraina; jappella għal sistema ta' sigurtà ġdida għall-Ewropa li tqis l-interessi tas-sigurtà tal-pajjiżi u tal-popli kollha; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li fl-imgħoddi l-Kunsill NATO-Russja rriżulta li ma kienx format adattat għal dan l-iskop; jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex fl-immedjat tressaq proposta konkreta fil-Parlament Ewropew dwar format ġdid għal taħditiet miftuħin mar-Russja dwar interessi ta' sigurtà komuni, u tesplora l-possibilitajiet kollha għall-involviment attiv tal-OSKE f'dan il-kuntest;

6.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-summit reċenti tan-NATO li sar f'Wales; jenfasizza li t-tiġdid tal-konfrontazzjoni bejn in-NATO u r-Russja hija r-riżultat tal-falliment fil-politiki tan-NATO u tal-UE, bħalma huma t-tkabbir tan-NATO sal-konfini tar-Russja, il-ksur tad-dritt internazzjonali, pereżempju fl-Afganistan, fl-Iraq u fil-Libja, in-nuqqas tal-UE li tqis l-interessi ekonomiċi u r-relazzjonijiet storiċi li jorbtu lir-Russja mal-pajjiżi tal-viċinat komuni, in-nuqqas tal-UE li tistabbilixxi sħubija strateġika reali mar-Russja abbażi ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid;

7.      Jinsab imħasseb ħafna dwar il-gwerra ta' propaganda li għaddejja bejn l-UE, l-Istati Uniti, l-Ukraina u r-Russja; jistieden b'urġenza lin-naħat kollha biex jissostitwixxu din il-gwerra verbali li qed teskala ma' djalogu orjentat lejn ir-riżultati dwar dawk il-kwistjonijiet li huma kontroversjali;

8.      Jenfasizza li r-Russja hija sieħba strateġika għall-UE u għall-Istati Membri tagħha u jappella b'urġenza biex jerġa' jinbeda d-djalogu politiku bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet kontroversjali; jirrifjuta bil-qawwa l-implimentazzjoni tal-miżuri u s-sanzjonijiet ulterjuri kontra r-Russja li tħabbru fit-12 ta' Settembru mill-Kunsill, u jqis li dawn il-miżuri mhumiex meħtieġa meta qed isir tentattiv biex jiġi implimentat il-waqfien mill-ġlied miftiehem mill-partijiet fl-Ukraina; iħeġġeġ lill-UE ttemm il-politika ta' sanzjonijiet kontra r-Russja li rriżultat fi gwerra kummerċjali bejn iż-żewġ sħab b'konsegwenzi negattivi b'mod partikolari għall-SMEs, il-bdiewa u l-konsumaturi fir-Russja u fl-UE u li deher biċ-ċar li ma kinitx effettiva;

9.      Jikkritika b'mod qawwi l-fatt li l-UE qed tkompli tinjora s-sitwazzjoni reali fl-Ukraina u tappoġġja mingħajr kritika lill-gvern Ukrain attwali, kif ukoll ir-rwol politiku u militari tal-forzi nazzjonalisti u ksenofobiċi tal-lemin estrem fl-Ukraina, il-vjolenza mwettqa minn dawn il-forzi, il-konsegwenzi tal-politiki magħżula mill-gvern il-ġdid skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-UE, il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet demokratiċi li sejra għall-agħar, u l-qagħda umanitarja tal-popolazzjoni ċivili fil-Lvant tal-pajjiż;

10.    Itenni li l-Ukraina għandha l-potenzjal li tkun pont bejn l-UE, ir-Russja u pajjiżi oħra fir-reġjun u jiddeplora l-fatt li l-gvern il-ġdid tal-Ukraina qed jinjora din l-alternattiva strateġika; jistieden lill-gvern Ukrain jaħdem biex jegħleb il-kontradizzjoni bejn l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u t-tkomplija ta' relazzjonijiet reċiprokament vantaġġużi bejn l-Ukraina u r-Russja; huwa tal-fehma li dan ikun pass importanti biex tingħeleb il-kriżi attwali fil-pajjiż;

11.    Jikkritika b'mod qawwi l-fatt li l-Parlament Ewropew naqas milli jwettaq id-dmir tiegħu li jivvaluta l-implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) bejn l-UE u l-Ukraina; jistieden lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri jivvalutaw bir-reqqa dawn l-implikazzjonijiet qabel jagħtu l-kunsens tagħhom;

12.    Jappella biex jieqaf il-proċess ta' ratifika mill-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jressqu pjan ġdid, li jkun trasparenti għaċ-ċittadini kollha fl-UE u fl-Ukraina, li jistabbilixxi passi ulterjuri għall-organizzazzjoni tar-relazzjoni ekonomika bejn l-UE, l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa, wara l-preżentazzjoni ta' ftehim bejn l-UE, l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa fit-12 ta' Settembru sabiex id-dħul fis-seħħ tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (i.e. id-DCFTA UE-Ukraina) jiġi pospost għal-15-il xahar ieħor, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2015, minħabba "s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna fl-Ukraina" u l-impatt li din jista' jkollha fuq l-ekonomiji tat-28 Stat Membru tal-UE;

13.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ftit jiem biss qabel l-elezzjonijiet parlamentari, il-Parlament Ukrain li wasal biex jispiċċa mill-kariga ta l-kunsens tiegħu għall-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE; jiddeplora l-fatt li deċiżjoni ta' tali importanza strateġika għall-futur tal-pajjiż ittieħdet mingħajr konsultazzjoni wiesgħa mal-popolazzjoni;

14.    Jikkundanna b'mod qawwi l-impożizzjoni ta' projbizzjoni legali fuq il-Partit Komunista, bil-partit jispiċċa mtella' l-qorti u l-grupp parlamentari tiegħu jiġi xolt; jikkundanna l-vjolenza kontinwa fil-konfront tat-tmexxija u l-membri tal-Partit Komunista u l-attakki fuq l-uffiċċji tal-partit; jinsab imħasseb, b'mod partikolari, li dawn l-iżviluppi qed iseħħu fil-perjodu pre-elettorali, u dan jikxef l-istat imwiegħer tal-libertajiet demokratiċi fil-pajjiż; jikkritika b'mod qawwi l-fatt li l-UE qed tinjora dawn l-iżviluppi, li jiksru b'mod ċar l-obbligi tal-Ukraina li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE u ftehimiet internazzjonali oħra li l-Ukraina hija firmatarja tagħhom;

15.    Jesprimi tħassib profond li ftit ġimgħat biss qabel jibda l-perjodu tat-tisħin it-tilwima bejn ir-Russja u l-Ukraina dwar il-gass għadha ma ġietx solvuta; jagħmel appell urġenti lir-Russja u l-Ukraina biex jerġgħu jibdew jikkooperaw b'mod kostruttiv fil-qasam ekonomiku u tal-enerġija bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-enerġija jkunu jistgħu jintlaħqu minn kulħadd; itenni l-fehma tiegħu li l-Ukraina trid tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha billi tiżgura t-tranżitu tal-gass bejn ir-Russja u l-UE mingħajr ebda restrizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tinforza b'kull mezz xieraq il-konformità tal-Ukraina ma' dan il-ftehim u mal-Artikolu 338 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li jikkostitwixxi pilastru importanti tas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE;

16.    Jistieden lill-President Ukrain, b'referenza għall-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet Ukraini kompetenti biex joħolqu l-kundizzjonijiet għar-ratifika u l-implimentazzjoni fil-ħin tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-istrumenti relatati tiegħu; itenni t-talba tiegħu li r-reati kollha, jagħmilhom min jagħmilhom, ikunu solvuti kompletament fil-kuntest tal-ħtieġa li tintemm is-sitwazzjoni ta' impunità fl-Ukraina; jirrimarka li s'issa dan ma sar la fir-rigward tad-delitti li seħħew fi Pjazza Maidan u lanqas ta' dawk f'Odessa;

17.    Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-livell ta' rappreżentanza ta' politiċi ksenofobiċi nazzjonalisti tal-lemin estrem fil-Gvern Ukrain il-ġdid u n-nuqqas tal-gvern Ukrain li jikkontrolla l-moviment tas-Settur tal-Lemin; jinkwetah il-fatt li forzi armati irregolari b'tendenzi nazzjonalisti u tal-lemin estrem ġew integrati fl-istrutturi tas-sigurtà tal-Ukraina, u jistieden lill-gvern Ukrain jirranġa din is-sitwazzjoni; jappoġġja l-appell urġenti ta' Amnesty International lill-gvern Ukrain biex jieqfu l-abbużi u d-delitti tal-gwerra mwettqa mill-battaljuni volontarji li joperaw id f'id mal-forzi armati Ukraini regolari;

18.    Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jiżguraw li r-riformi leġiżlattivi jkunu konformi mar-regoli u l-istandards internazzjonali u mal-obbligi tal-Ukraina skont it-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi fil-ħajja ta' kuljum; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jissorveljaw mill-qrib dawn l-aspetti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jieħdu azzjoni f'każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament u l-Gvern tal-Ukraina u tar-Russja, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa.