Dokument ta' sessjoni
16.9.2014 B8‑0128/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
( 2014/2841(RSP) )
Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Antanas Guoga, Kaja Kallas, Andrus Ansip, Pavel Telička, Nathalie Griesbeck, Juan Carlos Girauta Vidal, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Louis Michel
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
( 2014/2841(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għal dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1], tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2], tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina[3] u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja[5],
– wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet finali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina u d-DCFTA nhar is-27 ta' Mejju 2014u l-approvazzjoni mogħtija mill-Parlament Ewropew u mill-Verhovna Rada waqt dik il-ġimgħa,
– wara li kkunsidra t-tkomplija tal-okkupazzjoni tal-Krimea, i l-ġlied serju fil-partijiet tal-Lvant tal-Ukraina u l-evidenza kredibbli u indisputabbli tal-involviment dirett tal-forza militari Russa f'dan il-ġlied,
– wara li kkunsidra l-fatt li xi ħadd spara fuq u ġarraf it-titjira MH17 ta' Malaysia Airlines nhar is-17 ta' Lulju, li wera li l-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant hu tassew theddida għas-sigurtà globali fl-Ewropa u ma jistax jitqies biss bħala kunflitt reġjonali,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE tad-29 ta' Awissu 2014, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukrajna tat-30 ta' Awwissu u Ġunju 2014 u d-deċiżjoni tal-5 ta' Settembru dwar sanzjonijiet ulterjuri kontra l-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt armat fil-parti tal-Lvant tal-Ukrajna rriżulta fil-mewt ta' aktar minn 2 600 persuna militari u ċivili, b'ħafna aktar midruba u mijiet ta' eluf li ħarbu minn djarhom u jew batew mill-insigurtà ta' xhur ta' ġlied; billi l-kostijiet ekonomiċi tal-kunflitt, inkluż il-kost biex ir-reġjuni tal-Lvant jinbnew mill-ġdid, huma ta' tħassib serju għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Ukraina;
B. billi m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt; billi, peress li qed nitkellmu dwar problema soċjopolitika interna li nbidlet fl-aggressjoni tipika ta' gwerra, is-soluzzjoni trid tkun ibbażata fuq djalogu u qbil politiċi fi ħdan l-Ukraina, bi qbil mal-pjan għall-paċi ppreżentat mill-President Poroshenko u tinkludi aktar governanza lokali u reġjonali, ibbażata fuq ir-rispett sħiħ għas-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità u l-indipendenza tal-Ukraina;
C. billi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied li ġie ffirmat f'Minsk nhar il-5 ta' Settembru s'issa, fil-biċċa l-kbira tiegħu, ġie rispettat u joffri ċans biex tintemm il-vjolenza u tinbeda l-ħidma fuq soluzzjoni politika għall-kunflitt;
D. billi l-kampanja elettorali għal elezzjonijiet parlamentari bikrin, ippjanata għas-26 ta' Ottubru, għandha tkun iffokata biex jinstabu modijiet kostruttivi u konklużivi 'il quddiem b'mod li tiġi żgurata l-unità tal-Ukraina, waqt li jqiegħdu wkoll il-pedamenti għal riforma komprensiva tal-mod kif inhi gvernata l-Ukraina, abbażi ta' deċentralizzazzjoni effikaċi fil-pajjiż;
E. billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, u billi l-Unjoni Ewropea u r-Russja diġà stabbilixxew relazzjonijiet profondi u komprensivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija, tal-ekonomija u tan-negozju, u saru marbutin bejniethom u reċiprokament interdipendenti fl-ekonomija globali;
F. billi l-kriżi attwali, flimkien ma' tħassib serju dwar l-iżviluppi domestiċi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll it-trattati u l-obbligi internazzjonali, ifissru li r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma jistgħux jibqgħu jitmexxew daqslikieku l-affarijiet għadhom għaddejjin normali, peress li dan il-kunflitt jikkostitwixxi l-akbar sfida għas-sigurtà Ewropea fl-era ta' wara l-gwerra u jeħtieġ pożizzjoni magħquda u soda min-naħa tal-Istati Membri kollha tal-UE;
G. billi l-Unjoni Ewropea tkompli tikkundanna l-annessjoni illegali tar-Repubblika awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol u mhix se tirrikonoxxiha;
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi ċivili u militari tal-ġlied fil-partijiet tal-Lvant tal-Ukraina, inklużi l-ħafna mwiet ċivili kkawżati mit-tiġrif tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-ħafna persuni spustjati fl-Ukraina kollha u r-rifuġjati li kellhom jaħarbu mill-pajjiż;
2. Itenni l-kundanna tiegħu tal-militar Russu u kull intrużjoni oħra fit-territorju tal-Ukraina, l-appoġġ politiku qawwi li t-tmexxija Russa estendiet lill-hekk imsejħa forzi separatisti u s-sostenn militari li l-forzi tas-sigurtà Russi pprovdew lil dawn is-separatisti; jissottolinja l-fatt li dawn l-azzjonijiet mit-tmexxija Russa jikkostitwixxu theddida mhux biss għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina imma għall-kontinent Ewropew sħiħ;
3. Jappella lill-Federazzjoni Russa, kif ukoll lil kull entità oħra li m'għandhiex il-permess tal-Ukrajna, biex tirtira t-truppi tagħha mit-territorju Ukrain mingħajr dewmien, tnaqqas id-daqs tal-forzi li skjerat tul il-fruntiera mal-Ukraina u tibda tirtira kompletament il-forzi kollha tagħha malajr kemm jista' jkun;
4. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq f'Minsk nhar il-5 ta' Settembru u jappella lin-naħat kollha biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni jew aġir li kieku jipperikola l-ftehim; jissottolinja l-fatt li t-tmiem tal-vjolenza huwa biss il-bidu tal-proċess politiku lejn soluzzjoni għall-kunflitt;
5. Jappella lir-Russja biex tieħu miżuri urġenti biex tikkontrolla l-fruntiera tagħha mal-Ukraina, u biex twaqqaf l-inkursjonijiet u l-movimenti kollha ta' ġellieda, armi u tagħmir irregolari, b'mod li twaqqaf kompletament kwalunkwe infiltrazzjoni ulterjuri tat-territorju Ukrain; jisħaq fuq il-fatt li sakemm ir-Russja tibqa' l-forza li qed tokkupa l-Krimea, il-Federazzjoni Russa trid tiggarantixxi l-protezzjoni sħiħa tal-minoranzi kollha fil-Krimea;
6. Jappella lit-tmexxija Russa biex tuża l-influwenza tagħha mal-Ukraini tal-Lvant u l-barranin biex tikkonvinċihom jerħu l-armi tagħhom u jinvolvu ruħhom fir-riżoluzzjoni politika tal-kunflitt; jemmen b'qawwa li jista' jkun hemm biss soluzzjoni negozjata għal dan il-kunflitt; jappella liż-żewġ naħat biex itemmu r-retorika belliġerenti fl-interessi tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni;
7. Jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe soluzzjoni politika għall-kunflitt trid ssir b'rispett sħiħ għas-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità u l-indipendenza tal-Ukraina; jisħaq fuq il-fatt li l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa għandhom ikunu lesti li joffru assistenza u ħila esperta matul il-ħidma fuq governanza aktar deċentralizzata fl-Ukraina; jissottolinja li, fl-ebda ċirkostanza, m'għandhom is-separatisti jkollhom s-setgħa ta' veto fuq l-għażliet tal-Ukraina fil-qasam tal-politika barranija;
8. Jappella biex jinħelsu l-persuni kollha detenuti illegalment fl-Ukraina u dawk kollha li allegatament ġew trasferiti lejn ir-Russja, bħala miżura sinifikanti għall-bini ta' fiduċja; jindika b'mod partikolari l-każ ta' Nadezhda Savchenko, voluntiera Ukraina li nqabdet mis-separatisti f'Ġunju u li sussegwentement ġiet trasferita lejn ir-Russja u li għada f'detenzjoni;
9. Jappella lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ma jikkunsidrawx it-tneħħija ta' kwalunkwe sanzjoni qabel ma jqisu li jkun inkiseb progress ċar fil-proċess għall-paċi fl-Ukraina u biex jibqgħu lesti li jimponu sanzjonijiet ulterjuri fuq ir-Russja għal kwalunkwe azzjoni mwettqa mir-Russja biex iddgħajjef il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew biex tkompli teskala t-tensjonijiet fl-Ukraina; jilqa' d-dħul fis-seħħ ta' sanzjonijiet ulterjuri fit-12 ta' Settembru indirizzati kontra għadd ta' individwi u kumpaniji Russi;
10. Jisħaq fuq il-fatt li d-deterjorament attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja hu riżultat ta' proċess twil u tal-għażliet tar-Russja fl-oqsma tal-politika domestika u dik barranija;
11. Jissottolinja l-fatt li l-istabilità politika u ekonomika u l-iżvilupp tar-Russja fuq perjodu ta' żmien medju u twil jiddependu fuq l-introduzzjoni ta' demokrazija vera u jisħaq li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja se jiddependi fuq l-isforzi biex jissaħħew id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-Russja; itenni li l-Unjoni Ewropea għadha impenjata favur relazzjonijiet tajbin u kooperazzjoni kostruttiva mar-Russja, sakemm il-pajjiż jissodisfa l-impenji li jirriżultaw mis-siġġu permanenti tiegħu fuq il-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU, u mill-fatt li hu membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE;
12. Jiddispjaċih, bl-istess mod, li t-tmexxija Russa tqis is-Sħubija tal-Lvant tal-UE bħala theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tagħha; jissottolinja l-fatt li, bil-kontra, ir-Russja se tmur tajjeb minn aktar attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi, waqt li s-sigurtà tar-Russja se tissaħħaħ b'viċinat stabbli u prevedibbli; jindika li l-mod iswed u abjad kif jitqiesu l-kuntest storiku u politiku tad-dinja, li qed jippromwovu l-Kremlin u l-media statali uffiċjali, joħloq sfida serja mhux biss għall-ġirien tar-Russja imma anke għall-istabilità domestika u l-iżvilupp politiku u ekonomiku tagħha;
13. Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li ttieħdet mill-gvern Franċiż biex iwaqqaf il-forniment ta' trasportaturi tal-elikotteri Mistral, u jappella lill-Istati Membri kollha biex iġibu ruħhom bl-istess mod fir-rigward tal-prodotti għal esportazzjoni mhux koperti mid-deċiżjonijiet tal-UE dwar sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-armi u l-materjal b'użu doppju;
14. Jappella lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib l-impatt tal-hekk imsejħa "kontro sanzjonijiet" Russi u tieħu miżuri ta' malajr biex tappoġġa lil dawk il-produtturi li qed jintlaqtu mir-restrizzjonijiet kummerċjali Russi;
15. Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tieħu miżuri urġenti biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi, b'mod partikolari l-faħam u l-gass, u fuq l-uranju; jikkunsidra li l-istabbiliment tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija għandha tirriżulta f'indipendenza mir-Russja f'dak li għandu x'jaqsam mal-enerġija;
16. Jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ifasslu b'mod urġenti pakkett komprensiv u ambizzjuż ta' assistenza finanzjarja u għajnuna għall-Ukraina, u b'mod partikolari għall-poplu fil-Lvant tal-Ukraina, bħala appoġġ għall-ħidma fuq soluzzjoni politika u rikonċiljazzjoni nazzjonali; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tieħu kull miżura biex tiżgura implimentazzjoni bla intoppi u bikrija tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina, bħala strument kruċjali fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina f'kull dimensjoni prevista; jinnota li, fit-12 ta' Settembru, ittieħdet azzjoni biex l-implimentazzjoni tad-DCFTA tiġi posposta b'sena waqt li tinżamm l-iskema ta' kummerċ preferenzjali tal-UE għall-Ukraina;
17. Jittama li l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta' Ottubru se tkompli tikkonsolida l-ħidma fuq aġenda għal riforma ambizzjuża u orjentata lejn l-UE, bl-għan li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, jiġu eliminati l-impunità u l-korruzzjoni u tiġi garantita l-konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tat-trattament tal-minoranzi kulturali, lingwistiċi, reliġjużi u etniċi;
18. Jinnota li, waqt li l-waqfien mill-ġlied jinkludi xi stipulazzjonijiet dwar l-impunità għal dawk involuti fil-kunflitt fil-parti tal-Lvant tal-Ukraina, ma tista' tittieħed l-ebda deċiżjoni ta' dan it-tip għar-reati tal-gwerra bħat-tiġrif tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines; jissottolinja li min wettaq dan it-tiġrif irid jinġieb quddiem il-ġustizzja Ukraina jew nazzjonali;
19. Jappoġġa kwalunkwe miżura mmirata biex tirrestawra l-infrastruttura fir-reġjuni tal-Ukraina tal-Lvant milqutin mill-operazzjonijiet militari; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-forniment ta' għajnuna umanitarja lin-nies tal-Ukraina li jeħtiġuha;
20. Jikkundanna b'qawwa l-ħtif illegali ta' uffiċjal tas-Servizz ta' Sigurtà Intern Estonja, Eston Kohver, mis-Servizz ta' Sigurtà Federali (FSB) tal-Federazzjoni Russa, mit-territorju tal-Estonja; jappella lill-awtoritajiet Russi biex jipprovdu lis-Sur Kohver b'kuntatt mhux imxekkel u regolari mar-rappreżentanti uffiċjali tal-Estonja, biex jiżguraw il-benessri u s-sigurtà personali tiegħu waqt li qiegħed fit-territorju Russu u biex jeħilsu lis-Sur Kohver minnufih u jippermettulu jirritorna l-Estonja b'sikurezza; jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn speċjali tas-solidarjetà min-naħa tal-UE u n-NATO f'sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet Russi qed jipprovaw jippreżentaw lis-Sur Kohver bħala parti mill-attivitajiet tan-NATO kontra r-Russja;
21. Jappoġġa l-isforzi li saru mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex toħloq mudell aktar koordinat għall-valutazzjoni tar-riskji għat-trajettorji ta' titjiriet li jgħaddu minn fuq żoni ta' kunflitt, u jappella lill-Aġenzija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fuq il-ħolqien ta' sistema effikaċi ta' twissija ta' riskji fuq skala globali;
22. Jinnota l-parti li żvolġew il-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ġermaniżi u Franċiżi fl-isforzi diplomatiċi biex tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt; jiddispjaċih dwar il-perċezzjoni tal-assenza tar-Rappreżentant Għoli tal-UE u jenfasizza l-fatt li r-rwol tagħha hu li tkun figura viżibbli u vokali f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;
23. Jappella għal koordinament aħjar tar-responsabilità tal-politika tal-UE lejn ir-Russja f'dan il-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, bi rwol ċar u ċentrali għar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u bl-Istati Membri impenjati li jkellmu lir-Russja b'leħen wieħed; jappella lir-Rappreżentat Għoli li se tibda issa biex tniedi b'mod urġenti reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fid-dawl tal-avvenimenti ta' dan l-aħħar, u tipproponi miżuri futuri dwar it-tisħiħ tal-effikaċja tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, kif ukoll tal-kapaċità tal-UE li taġixxi;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill tal-Ewropa.