Dokument ta' sessjoni

 

21.10.2014                                                                                                              B8‑0180/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar il-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom

skont l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni

( 2014/2811(RSP) )

Philippe Lamberts, Rebecca Harms

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8‑0180/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni

( 2014/2811(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-President elett tal-Kummissjoni lill-Parlament fil-15 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra t-tweġibiet bil-miktub kif ukoll id-dikjarazzjonijiet orali ta' kull wieħed mill-Kummissarji nnominati fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ tagħhom u l-evalwazzjonijiet ta' dawn is-seduti ta' smigħ kif stabbilit fl-ittri li l-presidenti tal-kumitati bagħtu lill-President tal-Parlament,

–       wara li kkunsidra l-preżentazzjoni formali, fl-10 ta' Settembru 2014, ta' proposta għal Kummissjoni ġdida mill-President elett,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, u l-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi skont l-Artikolu 17(3) tat-Trattat, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u tal-impenn tagħhom lejn l-UE u minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom;

B.     billi s-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati jiżguraw li l-investitura tal-Kummissjoni l-ġdida tkun miftuħa u trasparenti u li l-Kummissarji nnominati jissodisfaw il-kriterji msemmija hawn fuq;

C.     billi l-President elett Juncker kellu jittratta mal-kandidati nnominati mill-Istati Membri;

D.     billi, ħafna ċittadini, mheżża bl-effetti kumulattivi tal-kriżijiet, kulma jmur qegħdin jagħtu dejjem iktar il-ġenb lill-Ewropa u m'għadhomx jipperċepixxu lill-UE bħala l-għassiesa leġittima tal-paċi u l-prosperità komuni, u dan il-fatt hu rifless parzjalment fil-perċentwal dejjem jonqos ta' ċittadini li jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej;

E.     billi l-eżitu tal-aħħar elezzjonijiet Ewropej jindika biċ-ċar li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa' kif inhi;

1.      Jilqa' l-isforzi ta' Jean-Claude Juncker li jibni Kummissjoni aktar politika li hija organizzata tajjeb u esperjenzata, biex tkun tista' sservi ta' kontrobilanċ għall-Kunsill u tiddefendi l-interessi Ewropej fil-konfront tal-Istati Membri;

2.      Għandu l-istess tħassib tal-President elett rigward l-istat gravi tal-Unjoni llum il-ġurnata u l-ħtieġa ta' investiment serju biex tintemm ix-xejra ta' staġnar attwali;

3.      Iqis, madankollu, li dan il-Kulleġġ qed jipprijoritizza ħażin; iqis li l-kompożizzjoni ġenerali, l-allokazzjoni ta' portafolli ewlenin u fuq kollox, id-direzzjoni tal-politika magħmula evidenti fil-mandati tal-kummissarji u xi ċaqliq strutturali fil-karigi ("reshuffles"), mhumiex dak li l-Ewropej jeħtieġu biex iħabbtu wiċċhom mal-kriżi soċjali u ambjentali profonda tal-Ewropa u jilqgħu l-isfidi ta' dan is-seklu;

4.      Itenni li s-sostenibbiltà jeħtieġ li tkun fil-qalba ta' kwalunkwe politika ekonomika soda, orjentata lejn il-futur u li ssib soluzzjoni għall-kriżijiet; jikkunsidra li kwalunkwe pjan ta' investiment jeħtieġ iwieġeb għal prijoritajiet tali; jibqa' mħasseb li l-iżvilupp sostenibbli u l-politiki klimatiċi u ambjentali se jibqgħu inkonvenjent periferali, aktar milli prijorità ċentrali ta' din il-Kummissjoni; jistaqsi lilu nnifsu, pereżempju, minn se jmexxi n-negozjati li ġejjin dwar il-klima ta' COP21 f'Pariġi, fid-dawl tal-portafolli mrikkba;

5.      Jiddeplora ċerti għażliet fl-allokazzjoni ta' portafolli li jikkostitwixxu każijiet problematiċi fir-rigward ta' kunflitti ta' interess potenzjali fil-qalba tal-istituzzjonijiet tal-UE; jibża' li l-impenn dubjuż lejn il-valuri Ewropej jew il-kredibilità politika ta' xi Kummissarji nnominati jistgħu eventwalment idgħajfu l-integrità tal-Kulleġġ kollu kemm hu;

6.      Jikkunsidra li aktar milli magħżula għall-kompetenza, xi kandidati ngħataw potafolli abbażi tal-affiljazzjoni ma' partiti, fejn il-Membri tal-PE mill-gruppi politiki l-kbar jaċċettaw kandidati problematiċi bħala quid pro quo;

7.      Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-votazzjoni mill-Membri tal-PE kontra l-attribuzzjoni ta' portafoll lil Kummissarju nnominat ma ġietx rispettata, u l-portafoll ingħata xorta waħda;

8.      Jiddispjaċih li ma nħoloqx bilanċ tal-ġeneri fil-Kulleġġ, u dan wassal għal pass lura għar-rappreżentazzjoni tan-nisa meta wieħed iqabbel mal-Kummissjoni preċedenti; itenni li fil-futur l-Istati Membri għandhom jiġu obbligati jipproponu żewġ kandidati, jiġifieri kandidat mara u kandidat raġel;

9.      Jirrifjuta, għaldaqstant, li jagħti l-appoġġ tiegħu lil din il-Kummissjoni, minkejja valutazzjoni pożittiva ta' ħafna membri tal-Kulleġġ, iżda jibqa' impenjat li jaħdem mal-Kummissjoni l-ġdida b'mod kostruttiv;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.