Dokument ta' sessjoni

 

21.10.2014                                                                                                              B8‑0181/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar il-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom

skont l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni

( 2014/2811(RSP) )

Ashley Fox

f'isem il-Grupp ECR

 

B8‑0181/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni

( 2014/2811(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' Lulju 2014 li teleġġi lil Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet, orali u bil-miktub, minn kull Kummissarju nnominat fis-seduti ta' smigħ organizzati mill-kumitati parlamentari, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-kandidati mill-kumitati wara s-seduti ta' smigħ,

–       wara li kkunsidra l-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni approvat fid-9 ta' Frar 2010,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, u l-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Rispett tad-drittijiet tal-Istati membri

1.      Jerġa' jsostni d-dritt tal-Istati Membri li jinnominaw il-Kummissarji tagħhom; jemmen li l-Parlament għandu jwettaq il-proċess tas-seduti ta' smigħ fuq il-bażi li dawn in-nomini għandhom jiġu rrispettati, għajr f'ċirkustanzi eċċezzjonali;

2.      Jemmen li l-Parlament għandu għaldaqstant jiffoka primarjament fuq li jivvaluta l-idoneità tal-individwi nnominati għall-portafoll li jkun allokalhom il-President elett;

Rimarki ġenerali dwar il-Kummissjoni l-ġdida proposta u l-allokazzjoni ta' portafolli speċifiċi

3.      Jilqa' fil-prinċipju l-approċċ ta' raggruppamenti, maħsub biex lill-Kummissjoni jagħniha b'aktar struttura u konċentrazzjoni; jemmen li, biż-żmien, dan għandu jevolvi f'sistema aktar formali; huwa mħasseb, madankollu, li għad hemm nuqqas ta' ċarezza rigward ir-responsabbiltajiet kif ukoll ir-riskju ta' duplikazzjoni jew kunflitti żejda;

4.      Jilqa' l-fatt li ħafna mill-Kummissarji nnominati aċċettaw il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea ssirilha riforma profonda, bil-għan li jkun żgurat li din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħhom, tħaffef il-piżijiet fuq in-negozji Ewropej ħalli jkunu jistgħu joħolqu l-impjiegi u jiġġeneraw il-prosperità għall-Ewropa, u terġa' tikseb il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġejjieni tagħha;

5.      Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummisarji nnominati mhux kollha jħaddnu dan l-approċċ, u li xi wħud għadhom mexjin fuq viżjoni skaduta u antikwata tal-Ewropa, ibbażata fuq il-mudell tal-integrazzjoni Ewropea tal-ħamsinijiet tas-seklu li għadda, li m'għadux fil-qagħda li jilqa' għall-isfidi tal-ħamsinijiet ta' dan is-seklu;

6.      Jitlob li l-Kummissarji nnominati, meta jidħlu fil-kariga:

–       jaġixxu biss meta jkun strettament neċessarju u wara proċess debitu, filwaqt li jqisu valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi;

–       iżommu strettament mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

–       jaġixxu biss meta dan ikun permess espliċitament bi qbil mal-kompetenzi ddelegati mill-Istati Membri lill-Unjoni Ewropea, u jirrispettaw is-sovranità tal-Istati Membri;

–       jirrispettaw iċ-ċirkustanzi finanzjarji diffiċli li magħhom iħabbtu wiċċhom il-kontribwenti u n-negozji tal-Ewropa, u jrażżnu l-infiq;

7.      Jiddispjaċih għall-fatt li wħud minn dawk li, meta kienu f'karigi nazzjonali, kienu responsabbli għall-ġestjoni żbaljata tal-kriżi tal-euro ngħataw portafolli li jħaddnu responsabbiltajiet għal politiki ekonomiċi u monetarji;

8.      Jiddeplora l-fatt li bl-ebda mod ma ngħatat widen ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament li l-Kummissjoni tinkludi Kummissarju maħtur speċifikament għal kwistjonijiet tal-kontroll baġitarju u li, b'konsegwenza ta' dan, din il-Kummisjsoi fil-prattika ma fiha l-ebda membru debitament responsabbli għal tali kwistjonijiet, ħaġa li timplika li l-entità tal-problema mhijiex mifhuma, jew inkella li l-Kummissjoni qatgħet qalbha milli tagħmel kwalunkwe sforz serju biex tikseb mingħand il-Qorti tal-Awdituri dikjarazzjoni ta' aċċertament pożittiva dwar il-kontijiet tagħha;

Kwistjonijiet speċifiċi li ħarġu mis-seduti ta' smigħ

9.      Jitlob li l-Kummissjoni l-ġdida:

–       tagħti l-prijorità meħtieġa biex tillibera l-potenzjal tas-suq uniku diġitali għall-impjiegi, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-kompetittività, b'enfasi partikolari fuq li tnaqqas l-ostakoli u tħaffef il-piżijiet fuq in-negozji fis-suq uniku u ssaħħaħ is-suq uniku għall-oġġetti u s-servizzi , tirrikonoxxi l-importanza tal-intensifikazzjoni tal-isforzi maħsuba biex jgħinu lill-industriji jreġġgħu l-produzzjoni u l-impjiegi lejn l-UE permezz ta' proċess ta' reindustijalizzazzjoni b'kunsiderazzjoni tal-potenzjal u r-riżorsi tal-Istati Membri, sforzi li għandhom jiffukaw speċifikament fuq li jgħinu lill-Istati Membri jtejbu l-ħiliet, inaqqsu l-burokrazija żejda, jottimizzaw il-kostijiet tal-enerġija u jappoġġjaw prodotti u proċessi innovattivi;

–       tħaddan politika kummerċjali ambizzjuża u miftuħa, mhux biss fir-rigward ta' negozjati bilaterali, plurilaterali u multilaterali li qed isiru, iżda wkoll ftehimiet ġodda possibbli ma' pajjiżi madwar id-dinja, bil-għan li, permezz ta' kummerċ u investiment, taħsad benefiċċji ekonomiċi u soċjali tanġibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

–       tieħu l-azzjoni meħtieġa biex is-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa tinkiseb permezz ta' investiment f'sorsi tal-enerġija interni għall-Ewropa, filwaqt li tirrikonoxxi li, fi kwalunkwe tentattiv li tinbena 'unjoni tal-enerġija', jeħtieġ li jkun irrispettat id-dritt tal-Istati Membri individwali li huma stess jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom;

–       tieħu inizjattivi li jwasslu għat-trattament ugwali tal-bdiewa kollha fl-UE;

–       tirrispetta d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni dwar materji tad-dritt tal-familja;

–       tabbanduna kull pjan għall-mutwalizzazzjoni tad-djun tal-gvernijiet Ewropej fil-livell tal-UE, inklużi ideat bħalma huma fond uniku ta' garanzija tad-depożiti madwar l-UE kollha kemm hi, jew inkella skema ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad madwar l-UE kollha kemm hi;

–       tappoġġja proposti biex il-prinċipju tal-'ebda salvataġġ' jiddaħħal fit-Trattat tal-UE (TFUE), b'tali mod li jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-finanzi pubbliċi tagħhom u jkompli jisħaq fuq id-dritt sovran ta' kull Stat Membru li jiddeċiedi fuq il-munita tiegħu, bil-qies tal-ħtieġa li jimplimenta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, l-Awtorità Unika ta' Riżoluzzjoni u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà;

–       tgħin fl-iżvilupp ta' approċċ komuni għar-relazzjonijiet mar-Russja, fuq il-bażi ta' politika li turi s-solidarjetà ma' dawk l-istati li huma assoċjati mal-Unjoni Ewropea u li jaħdmu biex ikollhom rabtiet aktar stretti mal-UE, tirrikonoxxi l-implikazzjonijiet tal-Politika tal-Viċinat tal-UE rigward is-sigurtà u tinkludi miżuri deċiżivi li jindirizzaw is-sitwazzjoni gravi u inaċċettabbli fl-Ukraina, filwaqt li tilqa' impenji li mhi se ssir l-ebda rinegozjazzjoni tal-ftehim dwar DCFTA mal-Ukraina, mal-Ġerorġja u mal-Moldova;

–       taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li, f'ambjent dinji inċert, ikun hemm il-mekkaniżmi u s-swieq meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa;

Il-proċess tal-ħatra u tas-seduti ta' smigħ

10.    Jemmen li l-iskeda ta' żmien għall-ħatra tal-Kummissarji nnominati u għas-seduti ta' smigħ mhijiex tajba, minħabba li:

–       jekk ħatriet għal karigi għolja ma jkunux jistgħu jsiru qabel is-sajf, ma jkunx hemm biżżejjed żmien biex il-Kummissarji nnominati jħejju ruħhom għas-seduti ta' smigħ tagħhom, għax ikunu ġew allokati l-portafolli tagħhom biss ftit ġimgħat qabel is-seduti ta' smigħ;

–       b'daqshekk ftit żmien biex iħejju ruħhom, il-Kummissarji nnominati jaqgħu għat-tentazzjoni li jirrikorru għal ġeneralizzazzjonijiet bla sugu fi tweġibiethom għall-mistoqjsijiet bil-miktub u fis-seduti ta' smigħ, b'tali mod li l-ilħna li jinstemgħu jkunu dawk ta' uffiċjali tal-Kummissjoni aktar milli dawk tal-Kummissarji nnominati nfushom, ħaġa li taħdem kontra diskussjoni miftuħa u onesta dwar il-kwistjonijiet, u toħnoq il-ħsieb innovattiv;

11.    Jiddeplora l-fatt li riallokazzjoni tal-portafolli fl-aħħar mument u t-tressiq ta' kandidati ġodda lejn tmiem il-proċedura jqiegħed lill-kumitati kkonċernati fil-qagħda umiljanti li ma jkollhom prattikament l-ebda diskrezzjoni rigward in-nomina jew rigward l-idoneità tal-individwu nnominat għall-portafoll, fid-dawl tal-votazzjoni imminenti neċessarja biex il-Kummissjoni l-ġdida tkun tista' tidħol fil-kariga fl-1 ta' Novembru; jinnota li dan jindika wkoll li qasam ta' responsabbiltà involut f'tali riallokazzjoni tal-aħħar mument, fejn Kummissarju nnominat ikun ġa kiseb l-appoġġ f'kumitat, ma jkunx fost il-ħidmiet prijoritarji tal-Kummissjoni;

12.    Jipproponi li jiġi kkunsidrat jekk id-data skedata għall-bidu tal-kariga ta' Kummissjoni ġdida għandhiex tinbidel mill-1 ta' Novembru għall-1 ta' Diċembru, b'tali mod li l-proċess tas-seduti ta' smigħ ikun jista' jsir b'mod aktar professjonali u eżawrjenti;

13.    Jitlob li jsir rieżami tar-regoli tas-seduti ta' smigħ, b'tali mod li l-Konferenza tal-Presidenti tingħata biċ-ċar ir-responsabbiltà li torganizza l-proċess u li l-kumitati ma jaqbdux u jissospendu l-proċedimenti u jiskedaw laqgħat addizzjonali minn rajhom bla ma jkollhom awtorità xierqa abbażi ta' regoli;

14.    Jemmen li m'hemm xejn ħażin, fil-prinċipju, f'li l-kumitati jaħdmu biex jorganizzaw seduta ta' smigħ ta' segwitu f'każijiet speċifiċi, imma l-proċedura għal dan għandha tiddaħħal fir-regoli tal-Parlament;

15.    Jemmen li hemm is-sogru li l-iskadenza ta' tweġiba fi żmien 24 siegħa tkun inġusta fil-konfront ta' kandidati li s-seduta ta' smigħ tagħhom tkun skedata lejn l-aħħar, fenomenu li ta lok għal kultura ta' 'ħtif tal-ostaġġi' għad-difiża ta' kandidati li jinstemgħu aktar tard fil-proċess; jitlob li jitqies jekk għandhomx jitressqu valutazzjonijiet formali għall-Kummissarji nnominati kollha ladarba jkun intemm il-proċess tas-seduti ta' smigħ;

16.    Jemmen li l-format ta' mistoqsijiet ta' tliet minuti tul ma jaħdimx, għax il-Membri m'għandhom l-ebda opportunità għal mistoqsijiet ta' segwitu għax iż-żewġ minuti spiss ikunu qosra wisq għal tweġiba serja; jiddispjaċih li, f'xi każijiet, kumitati assoċjati setgħu jistaqsu hekk ftit mistoqsijiet li sabuha prattikamenti impossibbli li jaslu għal opinjoni raġunata; jitlob li l-iskeda għall-mistoqsijiet terġa' tiġi eżaminata għal seduti ta' smigħ fil-ġejjieni;

17.    Jemmen li, f'ġieħ iċ-ċarezza, għandha ssir sistematikament votazzjoni sigrieta fil-kumitat(i) rilevanti għal kull Kummissarju nnominat;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.