Dokument ta' sessjoni
21.10.2014 B8‑0182/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar il-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom
skont l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni
( 2014/2811(RSP) )
Gabriele Zimmer
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni
( 2014/2811(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-elezzjoni min-naħa tiegħu ta' Jean-Claude Juncker bħala l-President elett tal-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet orali u miktuba minn kull Kummissarju nnominat fis-seduti ta' smigħ organizzati mill-kumitati parlamentari, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-kandidati mill-kumitati wara s-seduti ta' smigħ,
– wara li kkunsidra l-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, u l-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politiki neoliberali u antisoċjali tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea b'mod partikolari, id-defiċit demokratiku u l-proċeduri mhux trasparenti wasslu għal nuqqqas ta' fiduċja min-naħa taċ-ċittadini u għal kriżi serja ta' leġittimità għall-istituzzjonijiet Ewropej attwali; billi minħabba t-tkomplija ta' din il-politika u minħabba l-fatt li l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej qed jonqsu milli jiġu ssodisfati, il-kriżi ta' leġittimità tal-UE se tiggrava b'mod drammatiku;
B. billi s-seduti ta' smigħ urew li l-Kummissjoni l-ġdida se tkompli fit-triq tal-Kummissjoni preċedenti u mhijiex se tibdel l-orjentament politiku attwali lejn Ewropa soċjali reali;
C. billi l-President elett Juncker ippreżenta tim ġdid tal-Kummissjoni u struttura ġdida tal-Kummissjoni b'seba' Viċi Presidenti;
D. billi l-istruttura l-ġdida tal-Kummissjoni toħloq inċertezza rigward l-allokazzjoni u t-tqassim tal-portafolli tal-Kummissarji differenti u r-rwol u r-responsabbiltajiet tas-seba' Viċi Presidenti vis-à-vis l-Kummissarji l-oħrajn; billi s-seduti ta' smigħ urew li dan x'aktarx se jikkawża inċertezza rigward ir-responsabbiltajiet konkreti tal-Kummissarji differenti;
E. billi waħda mill-Kummissarji nnominati kontenzjużi rriżenjat fid-9 ta' Ottubru 2014 wara valutazzjoni negattiva mill-Parlament Ewropew;
F. billi l-Parlament identifika wkoll diversi punti ta' tħassib fir-rigward ta' ċerti Kummissarji nnominati oħrajn, u esprima d-diżappunt tiegħu dwar l-adegwatezza tal-għażla ta' portafolli għal ċerti Kummissarji nnominati, kif ukoll in-nuqqas ta' għarfien professjonali, għarfien espert u viżjoni li wrew xi wħud;
1. Jinnota bi tħassib kbir li l-President elett tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida ppreżenta programm li essenzjalment jikkostitwixxi t-tkomplija tal-politiki neoliberali u ta' awsterità tal-Kummissjoni preċedenti li ma rnexxewx; jinnota li t-tim il-ġdid tal-Kummissjoni ntgħażel b'tali mod li jimplimenta din l-istrateġija; huwa tal-fehma li, b'dan it-tim, il-bidla meħtieġa tal-orjentament politiku attwali lejn aktar ġustizzja soċjali, il-ħolqien ta' impjiegi għal kulħadd u b'mod partikolari ż-żgħażagħ, u l-qerda tal-faqar, mhumiex se jseħħu;
2. Jinsab daqstant ieħor imħasseb li l-Kummissjoni l-ġdida se tkompli fuq l-istess linji tal-Kummissjoni uxxenti fir-rigward tan-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u fir-rigward tal-politika barranija u l-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE;
3. Jiddispjaċih ferm li l-valutazzjoni kritika ġenerali tiegħu u l-punti speċifiċi ta' kritika tiegħu rigward Kummissarji nnominati oħrajn, u r-rifjut ta' żewġ portafolli għall-Kummissarji nnominati (l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u ċ-Ċittadinanza kif ukoll l-Enerġija) fit-tim il-ġdid tal-Kummissarji ma ttiħdux inkunsiderazzjoni;
4. Huwa konvint li l-allokazzjoni ta' portafolli ekonomiċi ewlenin lil Viċi President innominat u lil Kummissarji nnominati, li l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom fehma politika u rekord apertament neoliberali, toħloq żbilanċ inaċċettabbli bejn il-prijoritajiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali fil-Kulleġġ tal-Kummissarji l-ġdid;
5. Jinsab imħasseb dwar is-sovrapożizzjoni bejn l-interessi privati/kummerċjali u l-portafolli ta' ċerti Kummissarji nnominati; jiddeplora l-fatt li ma nstabet l-ebda soluzzjoni għall-kunflitti ta' interess potenzjali;
6. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' għarfien, impenn u viżjoni li wrew xi Kummissarji nnominati oħrajn rigward il-portafolli proposti tagħhom;
7. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fit-tim tal-Kummissjoni; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, u li l-bilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet huwa għan ċentrali ta' politika;
8. Jiddispjaċih bis-sħiħ għan-nuqqas ta' ħeġġa li wrew xi Kummissarji nnominati biex iwieġbu l-mistoqsijiet u għat-tweġibiet inadegwati u/jew inkoerenti tagħhom, fattur li għamilha diffiċli li dak li jkun jivvaluta l-kompetenzi ta' xi Kummissarji nnominati biex iwettqu ħidmithom;
9. Jikkritika l-inċertezza tar-responsabbiltajiet f'oqsma ta' politika ewlenin maħluqa mill-istruttura l-ġdida tal-Kummissjoni tal-President elett Juncker, u l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn Kummissarji differenti, billi dan jista' jwassal għal nuqqas ta' trasparenza u responsabbiltà;
10. Jieħu nota tal-espressjoni ta' impenn tal-President elett Juncker lejn Unjoni ta' bidla demokratika, inkluża l-wiegħda tas-Sur Juncker li l-Kummissjoni se tmexxi billi tagħti eżempju fir-rigward ta' trasparenza mtejba fil-kuntatti tagħha mal-partijiet interessati u mal-lobbyists; jistenna li s-Sur Juncker iżomm kelmtu u jipproponi ftehim interistituzzjonali biex jinħoloq reġistru mandatorju tal-lobbying li jkopri t-tliet istituzzjonijiet kollha kemm huma;
11. Jieħu nota tal-impenn tal-President elett Juncker lejn il-Ftehim Qafas tal-2010; jistenna li s-Sur Juncker, qabel il-votazzjoni tal-Parlament dwar il-Kummissjoni l-ġdida, japprova għalkollox mhux biss l-ittra iżda wkoll l-ispirtu tal-Ftehim;
12. Jiċħad il-Kummissjoni proposta;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.