Dokument ta' sessjoni
21.10.2014 B8‑0183/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar il-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom
skont l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni
( 2014/2811(RSP) )
Guy Verhofstadt
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni
( 2014/2811(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-President elett tal-Kummissjoni lill-Parlament fil-15 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra t-tweġibiet bil-miktub kif ukoll id-dikjarazzjonijiet orali li saru minn kull wieħed mill-Kummissarji nnominati fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ tagħhom u wara li kkunsidra l-valutazzjonijiet ta' dawn is-seduti ta' smigħ kif stabbilit fl-ittri li l-presidenti tal-kumitati bagħtu lill-President tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-preżentazzjoni formali, fl-10 ta' Settembru 2014, ta' proposta għal Kummissjoni ġdida mill-President elett,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118(5), l-ewwel subparagrafu, u l-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-Artikolu 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u tal-impenn tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea u minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom;
B. billi s-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati jiżguraw li l-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida tkun miftuħa u trasparenti u li l-Kummissarji nnominati jissodisfaw il-kriterji msemmija hawn fuq;
1. Itenni l-ħtieġa ta' Kummissjoni li tiddefendi b'mod sħiħ l-interessi u l-valuri Ewropej, u li tkun kompletament motivata li tisfrutta l-istrumenti ġodda kollha disponibbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona sabiex timbotta 'l quddiem dawn l-objettivi;
2. Jirrimarka li l-President Juncker ma pprovdiex ma pprovdiex Kulleġġ tal-Kummissarji b'bilanċ bejn is-sessi u li għalhekk ma ssodisfax waħda mit-talbiet ewlenin tal-Parlament;
3. Jieħu nota tad-distribuzzjoni tal-portafolli fi ħdan il-Kummissjoni mill-President Juncker u tal-istruttura l-ġdida b'seba' Viċi Presidenti; jinkoraġġih iqiegħed id-DĠ u s-servizzi relevanti taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Viċi Presidenti; jinnota li l-hi r-responsabbiltà unika tal-President tal-Kummissjoni li jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, filwaqt li jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kolleġġjalità tal-azzjoni tagħha, skont l-Artikolu 17(6) tat-TUE;
4. Jitlob, fid-dawl tal-ittra li reċeviet minn Jean-Claude Juncker fil-15 ta' Ottubru 2014, li r-rwoli jkunu allokati u li r-responsabbiltajiet ikunu mqassma bejn il-Kummissarji nnominati Dombrovskis, Katainen u Moscovici biex ma jiġux imfixkla l-effiċjenza istituzzjonali, it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika tal-missjonijiet tagħhom kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha (b'mod partikolari fir-rigward tar-rappreżentanza esterna tal-euro);
5. Jenfasizza li l-valutazzjoni tagħna fil-konfront tal-Kummissarju nnominat Navracsics kienet negattiva kemm fir-rigward tal-kapaċità tiegħu li jkun Kummissarju kif ukoll tal-portafoll assenjat lilu, jiġifieri l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u ċ-Ċittadinanza; jenfasizza, għalhekk, il-fatt li, bħala minimu, hi essenzjali bidla fil-portafoll tal-Kummissarju nnominat;
6. Jenfasizza l-fatt li l-azzjonijiet tal-Kummissarju nnominat Arias Cañete dwar il-promozzjoni tat-tkabbir ekoloġiku u tal-effiċjenza fl-enerġija se jkunu taħt skrutinju strett, bi qbil mal-impenji li hu ħa matul is-smigħ;
7. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-President Juncker li jippromwovi t-tkabbir ekoloġiku; jenfasizza, madankollu, li s-sostenibbiltà ambjentali trid tkun integrata b'mod aktar ċar fl-istrateġija ta' tkabbir tal-Kummissjoni l-ġdida u li dan il-kompitu għandu jingħata lil Viċi President; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni l-ġdida jeħtiġilha tieħu impenn ċar li timplimenta b'mod sħiħ il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE sal-2020, adottat mill-Parlament u mill-Kunsill f'Novembru 2013;
8. Jenfasizza li, biex ikunu żgurati riżorsi adegwati għall-pjan ta' investiment fl-Unjoni kollha, biex tkun indirizzata l-problema attwali ta' pagamenti pendenti u biex l-inizjattivi u l-pjanijiet imħabbra mill-Kunsill ikunu segwiti b'azzjonijiet (pereżempju l-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ), hu ferm importanti li l-Kummissjoni l-ġdida tniedi reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020 malajr kemm jista' jkun;
9. Jorbot l-appoġġ tiegħu għall-Kulleġġ mal-kundizzjoni li jitwettqu l-punti msemmija hawn fuq u jirriserva l-pożizzjoni finali tiegħu sakemm il-President tal-Kummissjoni jkun espliċitament indirizza dawn il-punti ta' tħassib;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.