Dokument ta' sessjoni

 

5.11.2014                                                                                                                B8‑0216/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru

( 2014/2921(RSP) )

Gabriele Zimmer, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Javier Couso Permuy, Sofia Sakorafa, João Ferreira, Miloslav Ransdorf, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Inês Cristina Zuber, Miguel Viegas, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos, Emmanouil Glezos, Kateřina Konečná

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8‑0216/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjonijiet Torok li qed joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru

( 2014/2921(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dritt internazzjonali dwar il-Liġi tal-Baħar, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li tagħmel parti mill-acquis communautaire,

–       wara li kkunsidra d-dritt internazzjonali konswetudinarju tal-baħar b'mod partikolari, li huma marbuta bih il-membri kollha tal-komunità internazzjonali,

–       wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Negozjar għat-Turkija tat-3 ta’ Ottubru 2005,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija (is-“Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010, tal-5 ta’ Diċembru 2011, tal-11 ta’ Diċembru 2012, tas-17 ta' Diċembru 2013 u tal-24 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma preċedenti tal-persunal tal-Kummissjoni li jirrappurtaw il-progress fin-negozjati dwar l-adeżjoni tat-Turkija, inklużi inter alia d-dokument tal-Kummissjoni bl-isem 'Rapport ta' Progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija' ( SWD(2014)0307 ), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem 'Rapport ta' Progress 2013 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija' ( SWD(2013)0417 ) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem 'Rapport ta' Progress 2012 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija' ( SWD(2012)0336 ),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta' Ottubru 2014 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-2015' ( COM(2014)0700 ), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014’ ( COM(2013)0700 ), u l-komunikazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2010[1], tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2011[2], tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2012[3], tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija[4] u tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2013[5],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fit-3 ta' Ottubru 2014 it-Turkija ħarġet Telex ta' Navigazzjoni (Direttiva NAVTEX) li permezz tagħha ddeżinjat illegalment żona kbira fil-parti tan-nofsinhar taż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) tar-Repubblika ta' Ċipru, li kważi tmiss mal-ilmijiet territorjali tar-Repubblika ta' Ċipru, għal stħarriġ sismiku bejn l-20 ta' Ottubru u t-30 ta' Diċembru 2014;

B.     billi n-NAVTEX tat-Turkija tikkonċerna partijiet kbar miż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru fin-Nofsinhar, żona li ġiet iddelinjata skont ftehimiet bilaterali rispettivi mal-Eġittu, li l-ilmijiet marittima fin-nofsinhar ta' Ċipru jmissu miegħu;

C.     billi d-'deżinjazzjoni' min-naħa tat-Turkija ta' parti kbira min-Nofsinhar taż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru, fost affarijiet oħra, blokok li ġew attribwiti legalment mill-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru lill-kumpanija Taljana ENI, u lil KOGAS, għall-esplorazzjoni ta' riżervi possibbli tal-idrokarbur fis-saff tas-sottoswol, u b'hekk tikkostitwixxi att ta' aggressjoni;

D.     billi dan kien il-kulminu ta' politika provokattiva kontinwa min-naħa tat-Turkija ta' kontestazzjoni, nuqqas ta' rikonoxximent u interferenzi mad-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru fiż-ŻEE tagħha;

E.     billi l-aggressjoni ġdida min-naħa tat-Turkija fil-fatt ipperikolat il-proċess tan-negozjati diretti għal sejba ta' soluzzjoni għal paċi komprensiva f'Ċipru, peress li tostakola l-klima tan-negozjar;

F.     billi l-konverġenzi milħuqa bejn Christofias u Talat jindikaw li l-kwistjoni tal-idrokarburi Ċiprijotti tissolva b'mod konklussiv u kostruttiv permezz ta' soluzzjoni komprensiva tal-problema Ċiprijotta; billi dawn jinkludu ftehim dwar ir-responsabilità federali dwar id-delinjament ta' żoni marittimi u s-soluzzjoni ta' tilwim, dan kollu skont l-UNCLOS, u dwar is-sjieda federali tar-riżorsi naturali, inklużi l-idrokarburi; billi konverġenza oħra taħt il-kapitolu ta' negozjar dwar l-Ekonomija kienet tikkonċerna t-tqassim ta' profitt rilevanti;

G.     billi n-negozjati dwar l-adeżjoni mat-Turkija nbdew fit-3 ta' Ottubru 2005, u billi r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha tal-UE kien komponent neċessarju tal-proċess tal-adeżjoni;

H.     billi l-UE tirrikonoxxi biss ir-Repubblika ta' Ċipru bħala soġġett tad-dritt internazzjonali, u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Istati Membri kollha tal-UE min-naħa tat-Turkija tibqa' prekundizzjoni għall-adeżjoni;

I.      billi t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, twettaq riformi adegwati u effikaċi, u żżomm relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u allinjament progressiv mal-UE;

J.      billi konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali għadha kundizzjoni sine qua non għall-pajjiżi kandidati kollha għal sħubija mal-UE;

K.     billi t-Turkija tħeġġet bosta drabi ma toħroġx dikjarazzjonijiet u ma tiħux azzjoni li tisfida d-dritt tar-Repubblika ta' Ċipru li tisfrutta r-riżorsi tal-idrokarburi fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru għall-benefiċċju taċ-Ċiprijotti kollha;

L.     billi l-UE ripetutament enfasizzat id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha tal-UE, li jinkludu d-dħul fi ftehimiet bilaterali, u l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħhom bi qbil mal-acquis tal-UE u mad-dritt internazzjonali, inkluż l-UNCLOS u d-dritt internazzjonali konswetudinarju rilevanti;

M.    billi, għall-benefiċċju tal-atturi kollha involuti u bl-iskop li tissaħħaħ l-istabilità u li jkun hemm konformità mal-politika barranija ferm reklamata ta' problemi żero, it-Turkija għandha tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, ittemm il-preżenza militari illegali tagħha u, inter alia, issolvi t-tilwim kollu dwar il-fruntieri marittimi, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU, l-UNCLOS u d-dritt internazzjonali b'mod ġenerali;

N.     billi t-Turkija għandha l-potenzjal li jkollha rwol essenzjali fid-diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija u r-rotot ta' transitu taż-żejt, il-gass u l-elettriku minn pajjiżi ġirien tal-UE, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet sovrani tal-ġirien tagħha;

O.     billi t-Turkija ma rrevokatx it-Telex ta' Navigazzjoni;

1.      Jikkundanna l-ksur kostanti min-naħa tat-Turkija tad-dritt internazzjonali kontra r-Repubblika ta' Ċipru, f'dan il-każ il-Liġi tal-Baħar, inklużi kemm l-UNCLOS kif ukoll il-Liġi konswetudinarja internazzjonali tal-Baħar;

2.      Iħeġġeġ lit-Turkija tirrevoka n-NAVTEX tagħha b'mod immedjat, u ma twettaq l-ebda azzjoni oħra li tikkostitwixxi ksur ċar tad-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru, inkluż id-delinjament taż-żoni marittimi tagħha, il-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali dwar iż-ŻEE tagħha u l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħha għall-benefiċċju taċ-Ċiprijotti kollha;

3.      Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-Turkija tinsisti bil-politika aggressiva tagħha kontra r-Repubblika ta' Ċipru, li tipperikola l-istabilità fir-reġjun; jinnota, barra minn hekk, li minħabba l-viċinanza taż-żona marittima "ddeżinjata" mit-Turkija għall-ilmijiet territorjali tar-Repubblika ta' Ċipru, il-ksur tat-Turkija qed jitqies ukoll bħala theddida għas-sigurtà taċ-ċittadini Ċiprijotti, kif ukoll qed iżid mal-isfiduċja fir-rigward tal-konformità ma' sejba ta' soluzzjoni futura min-naħa tat-Turkija;

4.      Jitlob lit-Turkija tirrispetta d-drittijiet sovrani tar-Repubblika ta' Ċipru, Stat Membru tal-UE, filwaqt li jfakkar li dawn jinkludu d-dritt li tidħol fi ftehimiet bilaterali u li twettaq esplorazzjoni u sfruttament tar-riżorsi naturali tagħha bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi internazzjonali tal-Baħar b'mod ġenerali;

5.      Jitlob lill-Gvern Tork jiffirma u jirratifika l-UNCLOS, li hija parti mill-acquis communautaire, mingħajr dewmien ulterjuri;

6.      Jesprimi tħassib serju u nuqqas ta' soddisfazzjon rigward in-nuqqas ta' impenn ġenwin min-naħa tat-Turkija lejn in-negozjati diretti; jiddeplora l-aggressjoni reċenti tat-Turkija, u jħeġġeġ lil Ankara tabbanduna din il-politika intransiġenti kontra r-Repubblika ta' Ċipru u ma twettaqx azzjonijiet li jmorru kontra l-proċess ta' paċi;

7.      Jenfasizza li tali provokazzjonijiet mhux se jiġu injorati, u jfakkar lit-Turkija li l-adeżjoni tagħha, inkluż il-ftuħ tal-kapitoli, jibqgħu dipendenti mill-issodisfar tal-impenji kuntrattwali kollha tagħha lejn l-Unjoni Ewropea u lejn l-Istati Membri kollha tagħha;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

[1] ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 98. 
[2] Testi adottati P7_TA(2012)0116
[3] Testi adottati P7_TA(2013)0184
[4] Testi adottati P7_TA(2013)0277  
[5] Testi adottati, P7_TA(2014)0235