Dokument ta' sessjoni

 

5.11.2014                                                                                                                B8‑0220/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

( 2014/2922(RSP) )

Linda McAvan, Norbert Neuser, Arne Lietz, Enrique Guerrero Salom, Vincent Peillon, Marlene Mizzi, Michela Giuffrida, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Doru-Claudian Frunzulică

f'isem il-Grupp S&D

 

B8‑0220/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

( 2014/2922(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp u tal-"bini tal-istat" fis-Sudan t'Isfel[1], u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel[2],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Jannar 2014 u tal-10 ta' Mejju 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2014 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 u tas-17 ta' Marzu 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Settembru 2014 tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2014 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD),

–       wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat tal-24 ta' April 2014 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, li hu appoġġat kompletament mill-UE,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kunflitt politiku beda wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, li ppjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li pprova jagħmel kolp ta' stat;

B.     billi skont stimi tan-NU, mietu aktar minn 10 000 ruħ matul xhur ta' ġlied, u billi ġew irrapportati b'mod wiesa' atti straordinarji ta' krudeltà u vjolenza etnika li jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

C.     billi s-Sudan t'Isfel huwa l-istat l-aktar żagħżugħ u l-aktar fraġli tad-dinja u huwa kklassifikat it-tieni fl-Indiċi Finali tal-Kummissjoni dwar il-Vulnerabbiltà Globali u l-Valutazzjoni tal-Kriżijiet Umanitarji;

D.     billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-IGAD;

E.     billi fit-23 ta' Jannar 2014 kien iffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied li kien ikkonfermat mill-ġdid fid-9 ta' Mejju 2014, iżda dan għadu qed jinkiser mingħajr ma jiġu implimentati miżuri punittivi;

F.     billi t-taħdititet ta' paċi ma tantx taw frott fir-rigward tas-sejbien ta' soluzzjoni dejjiema, u billi l-koordinatur tan-NU għall-għajnuna umanitarja indika li l-possibbiltajiet li tinkiseb paċi sostenibbli fil-livell politiku u f'dak interkomunitarju huma ftit;

G.     billi l-ġlied bejn il-forzi tal-President Kiir u r-ribelli leali lejn Riek Machar diġà reġa' beda hekk kif intemm l-istaġun tax-xita u x'aktarx li jintensifika matul l-istaġun xott jekk ma tinstabx soluzzjoni politika;

H.     billi hemm riskju li din il-kriżi umanitarja taffettwa reġjun ferm usa' f'żona li diġà hija suxxettibbli għall-instabbiltà, peress li gruppi ta' ribelli Sudaniżi u truppi Ugandiżi diġà ħadu sehem fil-ġlied;

I.      billi l-kunflitt wassal għal vjolenza sesswali orribbli fuq skala allarmanti, kif deskritt mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Bangura; billi għadhom jiċċirkolaw rapporti mhux konfermati dwar ir-reklutaġġ ta' suldati tfal fis-Sudan t'Isfel;

J.      billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel – li hu l-agħar livell ta' kriżi umanitarja;

K.     billi 3.5 miljun ruħ fis-Sudan t'Isfel ingħataw għajnuna umanitarja mill-bidu tas-sena; billi bis-saħħa kemm ta' mekkaniżmi ta' adattament lokali kif ukoll ta' għajnuna umanitarja internazzjonali, il-karestija ġiet evitata;

L.     billi madwar 3.8 miljun ruħ mis-Sudan t'Isfel jeħtieġu għajnuna umanitarja, 1.4 miljun ruħ huma spostati internament u aktar minn 470 000 ruħ qed ifittxu rifuġju f'pajjiżi tal-viċinat;

M.    billi l-ħtiġijiet umanitarji l-aktar urġenti huma l-ikel, l-ilma nadif, il-kura tas-saħħa, il-kenn, is-sanitazzjoni, l-iġjene, reazzjoni għal epidemiji (bħall-kolera), u l-protezzjoni; billi jinħtieġ appoġġ psikosoċjali akbar għal min ikun ġarrab vjolenza sesswali;

N.     billi l-prospettivi għall-2015 fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel għall-pajjiż huma skoraġġanti, u huwa mistenni li 2.5 miljun ruħ se jħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel f'livelli ta' kriżi u ta' emerġenza jekk il-ġlied jerġa' jibda;

O.     billi l-aċċess għall-persuni fil-bżonn ikompli jkun imfixkel minn ġlied u vjolenza, li huma diretti wkoll kontra l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u l-provvisti;

P.     billi f'Settembru 2014 il-Ministru tax-Xogħol tas-Sudan t'Isfel qal li l-ħaddiema barranin kollha jkollhom jitilqu sa nofs Ottubru, dikjarazzjoni li mbagħad irtira;

Q.     billi l-adozzjoni ta' "liġi dwar l-NGOs" bl-għan li tillimita l-ispazju li fih l-NGOs u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fis-Sudan t'Isfel ġiet posposta għal Diċembru 2014;

R.     billi r-riżorsi umanitarji internazzjonali waslu fil-limitu tagħhom minħabba diversi kriżijiet globali u li ilhom għaddejjin; billi l-kounità internazzjonali mhijiex se tkun tista' tkompli tirreaġixxi għal kriżi li ddum ħafna, la b'mod finanzjarju u lanqas b'mod operazzjonali;

S.     billi l-UE pprovdiet aktar minn terz (38 %) tal-kontribuzzjonijiet internazzjonali kollha b'reazzjoni għall-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel, u l-Kummissjoni waħedha żiedet il-baġit tagħha ta' għajnuna umanitarja għall-kriżi għal aktar minn EUR 130 miljun fl-2014;

T.     billi l-UE pprogrammat mill-ġdid "kuntratt għall-bini tal-istat" inizjalment previst bħala appoġġ baġitarju għal sħubija ma' NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jindirizzaw l-edukazzjoni u s-saħħa;

U.     billi l-Unjoni Afikana waqqfet kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-atroċitajiet tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrapportati b'mod wiesa';

V.     billi għandha tinstab soluzzjoni politika demokratika għall-kunflitt attwali, li twitti t-triq biex istituzzjonijiet miftiehma demokratikament jibnu l-istat il-ġdid li nħoloq wara r-referendum dwar l-indipendenza;

W.    billi fl-10 ta' Lulju 2014 l-UE ħabbret l-ewwel sensiela ta' miżuri diretti kontra individwi responsabbli għat-tfixkil tal-proċess ta' paċi, għall-ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u li jwettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-embargo fuq l-armi tal-UE kontra s-Sudan t'Isfel inżamm;

X.     billi l-paċi sostenibbli, il-bini tal-istat wara l-kunflitt, u sforzi biex tingħeleb il-fraġilità jeħtieġu prospettiva fit-tul kif ukoll impenn deċiż, prevedibbli u stabbli min-naħa tal-komunità internazzjonali;

1.      Jiddenunzja bil-qawwa d-diżastru allarmanti kkaġunat mill-bniedem fis-Sudan t'Isfel, li jikkontradixxi l-valuri u l-iskop tal-moviment ta' liberazzjoni tal-pajjiż;

2.      Jikkundanna bil-qawwa l-bidu mill-ġdid tal-vjolenza u l-ksur ripetut fil-passat tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jiddeplora l-kmand u l-kontroll dgħajfa tal-forzi armati, billi dan iżid il-probabbiltà ta' frammentazzjoni addizzjonali tal-forzi tal-ġlied;

3.      Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jonoraw il-ftehim u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fit-taħdititet ta' paċi f'Addis Ababa; jissottolinja l-obbligu skont id-ditt umanitarju internazzjonali li ċ-ċivili jiġu protetti u jenfasizza l-fatt li soluzzjoni politika dejjiema hija l-aħjar mod biex tintemm il-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel;

4.      Ifakkar li l-għajnuna umanitarja hija vitali, iżda ma tistax issolvi problema politika, u li r-responsabbiltà ewlenija li ċ-ċivili jiġu protetti hija tal-Gvern; għalhekk, jitlob li l-ġid tal-pajjiż jitqiegħed għad-dispożizzjoni direttament għall-benessri tal-poplu tas-Sudan t'Isfel; jitlob ukoll li jiġi implimentat bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u li jerġgħu jinbdew malajr it-taħditiet li jwasslu biex jiġi ffurmat gvern tranżitorju ta' unità nazzjonali bħala l-unika soluzzjoni fit-tul;

5.      Iwissi dwar l-effetti konsegwenzjali u destabbilizzanti tal-kunflitt fuq reġjun li diġà huwa instabbli, speċjalment minħabba l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati fil-pajjiżi tal-viċinat; iħeġġeġ ukoll lill-Unjoni Afrikana tissorvelja s-sitwazzjoni fir-reġjun;

6.      Jilqa' l-kontribut tal-UE għall-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel u jitlob lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni biex jiffinanzjaw l-għadd dejjem jikber ta' kriżijiet, bi qbil mal-impenji internazzjonali tagħhom;

7.      Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun u timmobilizza riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel;

8.      Iħeġeġġ lill-UE tipprogramma mill-ġdid l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-poplu tas-Sudan t'Isfel, u tappoġġa tranżizzjoni lejn il-paċi u l-istabbiltà; għalhekk, jilqa' s-sospensjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz ta' appoġġ baġitarju għas-Sudan t'Isfel, bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet li jipprovdu appoġġ dirett lill-popolazzjoni jew appoġġ dirett għat-tranżizzjoni demokratika u għall-għajnuna umanitarja, u jitlob li l-għajnuna tingħata permezz tal-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

9.      Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tiffinanzja malajr u b'mod proporzjonat il-pjan ta' reazzjoni tas-Sudan t'Isfel u l-pjan ta' reazzjoni reġjonali għar-rifuġjati;

10.    Jiddenunzja d-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn il-komunità umanitarja u l-partijiet kollha fil-kunflitt, inkluża t-tassazzjoni illegali tal-għajnuna u l-fastidju u saħansitra l-qtil ta' ħaddiema umanitarji li jitwettqu b'impunità;

11.    Jinsisti li l-għajnuna umanitarja u l-assistenza tal-ikel iridu jiġu pprovduti lil min hu l-iktar vulnerabbli purament fuq bażi tal-ħtiġijiet, u jfakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel dwar l-obbligu tagħhom li jirrikonoxxu u jirrispettaw in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ħaddiema umanitarji, li jiffaċilitaw l-assistenza li ssalva l-ħajjiet lill-persuni fil-bżonn, irrispettivament mill-affiljazzjonijiet politiċi u l-etniċità tagħhom, u li jwaqqfu minnufih kull fastidju lill-ħaddiema umanitarji, ir-rekwiżizzjoni tal-beni umanitarji u d-devjazzjoni tal-għajnuna; jitlob, ukoll, li l-"liġi dwar l-NGOs" tiġi rtirata jew rifjutata;

12.    Jinsisti li l-għajnuna umanitarja, speċjalment fil-forma ta' servizzi bażiċi u għajnuna tal-ikel, m'għandhiex tiġi devjata lejn il-gruppi armati;

13.    Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel fis-Sudan t'Isfel, li ġiet ikkawżata mill-kunflitt u li sejra għall-agħar minħabba d-diżastri naturali rikorrenti, u li mistennija tiddeterjora drammatikament jekk il-ġlied jerġa' jibda;

14.    Jinsisti li ftehim ta' paċi jippermetti lin-nies jerġgħu lura lejn il-farms li telqu, jerġgħu jiftħu s-swieq u jerġgħu jibnu djarhom;

15.    Jikkundanna bil-qawwa l-qtil extraġudizzjarju u tal-massa, l-attakki deliberati fuq iċ-ċivili, l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji, l-għajbien sfurzat, it-trattament ħażin u t-tortura, l-użu ta' suldati tfal, u l-vjolenza sesswali fuq in-nisa – li qed jintużaw bħala armi tal-gwerra – mill-partijiet kollha; huwa tal-fehma li l-President Kiir u Riek Machar għandhom jagħmlu ħilithom biex iwaqqfu s-suldati taħt il-kontroll tagħhom milli jwettqu tali abbużi kontra l-poplu;

16.    Jinsab partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jenfasizza l-fatt li tiftix tal-kisba tal-poter bil-vjolenza jew bil-firda fost il-gruppi etniċi huwa kuntrarju għall-istat tad-dritt demokratiku u jikser id-dritt internazzjonali;

17.    Jitlob li jsiru negozjati biex tinstab soluzzjoni ekwa u sostenibbli li tippermetti lill-mexxejja tas-Sudan t'Isfel jegħlbu d-differenzi tagħhom b'mod paċifiku u demokratiku, u jitlob li jkun hemm proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali fl-interess tal-poplu tas-Sudan t'Isfel inġenerali;

18.    Jitlob li jsiru investigazzjonijiet kredibbli, trasparenti u komprensivi li jissodisfaw l-istandards internazzjonali – partikolarment mill-kummissjoni ta' inkjesta tal-UA – fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta' delitti serji minn kwalunkwe parti fil-kunflitt; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi tranżitorji ta' ġustizzja, bl-appoġġ internazzjonali meħtieġ kollu, biex jippromwovu kemm ir-rikonċiljazzjoni kif ukoll ir-responsabbiltà; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jaderixxi għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mill-aktar fis possibbli;

19.    Jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' tribunal ibridu speċjali b'involviment internazzjonali biex il-mexxejja jinżammu responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq miż-żewġ naħat fil-kunflitt, kif ippropona s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon u kif irrakkomanda rapport tal-UNMISS dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20.    Jilqa' r-responsabbiltà kollettiva għall-kunflitt meħuda mill-partijiet kollha, iżda jinsisti li wara l-paroli jridu jiġu l-fatti; jiddispjaċih għall-fatt li ma sar ebda progress sinifikanti fit-taħditiet ta' paċi bil-medjazzjoni tal-IGAD;

21.    Ikompli, madankollu, jappoġġa l-medjazzjoni mmexxijja mill-IGAD u l-isforzi tagħha li twitti t-triq għal djalogu politiku inklużiv; jitlob, ukoll, li l-UE tkompli tassisti lill-IGAD kemm f'termini sostantivi kif ukoll f'termini finanzjarji, u li tkompli tikkontribwixxi persunal għall-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u verifika tal-waqfien mill-ġlied;

22.    Jiddispjaċih rigward l-ineffikaċja tas-sanzjonijiet individwali imposti mill-UE u jitlob li l-IGAD u l-komunità globali jimponu sanzjonijiet immirati; jappoġġa t-tkomplija tal-embargo fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel u jħeġġeġ l-adozzjoni ta' embargo fuq l-armi tan-NU;

23.    Jappoġġa, u jqis bħala essenzjali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fin-negozjati għall-paċi;

24.    Jistieden lill-pajjiżi tal-viċinat kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun usa', u biex isibu mod kif tinstab soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali; jenfasizza li l-kooperazzjoni mas-Sudan, b'mod partikolari, tkun tirrappreżenta titjib fir-relazzjonijiet;

25.    Jilqa' l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, Alexander Rondos; jirrakkomanda li l-isforzi kollha tiegħu għandhom ikunu bl-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema;

26.    Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jirratifika l-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP);

27.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0546
[2] Testi adottati, P7_TA(2014)0042