Dokument ta' sessjoni
5.11.2014 B8‑0221/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru
( 2014/2921(RSP) )
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru
( 2014/2921(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Ottubru 2014 mill-kelliem tal-President tal-Kunsill Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, inklużi dawk dwar ir-rapporti ta' progress tat-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Frar 2014 mill-mexxejja tal-komunità Ċiprijotta Griega u l-komunità Ċiprijotta Torka,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-3 ta' Ottubru 2014 it-Turkija ħarġet direttiva dwar it-Telex ta' Navigazzjoni (NAVTEX) li b'mod illegali tidentifika żona kbira fil-parti t'isfel taż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) tar-Repubblika ta' Ċipru biex fiha, mill-20 ta' Ottubru sat-30 ta' Diċembru 2014, isir stħarriġ sismiku mill-bastiment Tork Barbaros fuq il-bażi tal-liċenzji ta' esplorazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ċiprijotti Torok lill-korporazzjoni taż-żejt Torka, TPAO, biex twettaq attivitajiet ta' esplorazzjoni f'isem il-poplu Ċiprijott Tork;
B. billi wħud miż-żoni riżervati fl-ambitu ta' din id-direttiva NAVTEX jestendu minn żoni 'l barra mill-kosta ta' Famagusta u 'l barra mill-kosta ta' Larnaca sal-ilmijiet fin-Nofsinhar ta' Limassol, u bl-ebda mod ma jinsabu 'l ġewwa miż-żoni li t-Turkija illegalment qed issostni li jinsabu fiż-żona ekonomika esklussiva tagħha stess;
C. billi fis-7 ta' Ottubru 2014, wara li t-Turkija ħabbret li kienet qed tirriżerva żoni għal stħarriġ sismiku fin-Nofsinhar ta' Ċipru, il-President Anastasiades iddeċieda li jissospendi l-parteċipazzjoni tiegħu fin-negozjati appoġġjati min-NU;
D. billi n-negozjati u soluzzjoni politika jibqgħu l-uniku mod biex jintlaħaq ftehim ġust, sostenibbli u negozjat dwar il-kwistjoni ta' Ċipru; billi dan ikun possibbli biss jekk iż-żewġ partijiet jiżguraw klima pożittiva u kostruttiva;
E. billi l-Istat Maġġur Ġenerali tal-forzi armati Torok ħabbar li l-bastiment TCG Gelibolu, li qed jipparteċipa f'operazzjoni kontinwa tal-flotta Torka bl-isem ta' "Tarka Mediterranja", ingħata l-kompitu tal-missjoni li "jmexxi operazzjonijiet ta' sigurtà marittima biex jipprovdi moviment mingħajr periklu u fis-sigurtà għall-batimenti fil-baħar u sabiex jimpedixxi t-terroriżmu", u jkompli jissorvelja l-attivitajiet tal-pjattaforma ta' tħaffir SAIPEM 10 000 fil-blokk tat-tħaffir għall-esplorazzjoni Nru 9, minn distanza ta' 5 mili nawtiċi (9 kilometri);
F. billi l-istimi jissuġġerixxu li l-kampijiet tal-gass Aphrodite jista' jkun fihom madwar 5 triljun metru kubu ta' gass; billi dan id-depożitu u depożiti oħra tal-gass jinsabu fin-Nofsinhar ta' Ċipru u ġewwa ż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru;
G. billi t-theddida tat-Turkija għar-Repubblika ta' Ċipru tikkoinċidi mal-ħatra reċenti ta' Espen Barth Eide bħala l-Konsulent Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar Ċipru, u qed taffettwa b'mod negattiv il-possibilità li tintlaħaq soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru;
H. billi stqarrija bil-miktub maħruġa b'segwitu għal-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali ta' Sigurtà Tork (MGK) tat-30 ta' Ottubru 2014 wiegħdet li t-Turkija se tkompli tipproteġi d-drittiiet u l-interessi tagħha fil-blata kontinentali fil-Baħar Eġew u l-Lvant tal-Mediterran u fiż-żona ekonomika b'liċenzja miċ-Ċiprijotti Torok;
I. billi l-Gvern ta' Ċipru diġà ffirma ftehim li jassenja d-drittijiet għall-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' riżervi potenzjali ta' idrokarburi fis-sottoswol ta' qiegħ il-baħar lil kumpaniji barranin, li diġà bdew operazzjonijiet ta' tħaffir;
J. billi t-Turkija mhijiex firmatarja tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li r-Repubblika ta' Ċipru ffirmat u rratifikat; billi t-Turkija ma tirrikonoxxix il-ftehimiet dwar iż-ŻEE li r-Repubblika ta' Ċipru kkonkludiet mal-Eġittu, il-Libanu u l-Iżrael;
K. billi d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri tal-UE jinkludu d-dritt li jikkonkludu ftehimiet bilaterali u d-dritt li jesploraw u jisfruttaw ir-riżorsi naturali tagħhom skont il-UNCLOS;
L. billi t-Turkija hija impenjata f'negozjati ta' adeżjoni mal-UE bl-intenzjoni li ssir Stat Membru;
1. Jiddeplora l-attitudini provokattiva tat-Turkija u l-indħil fid-drittijiet sovrani ta' Ċipru fi ħdan iż-ŻEE; ifakkar li tali ndħil huwa illegali skont id-dritt internazzjonali, inkluż il-UNCLOS, u għandu l-potenzjal li jxejjen l-isforzi lejn proċess ta' negozjazzjoni;
2. Jistieden lill-Gvern Tork iwaqqaf l-istħarriġ sismiku li qed iwettaq fiż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru, juri moderazzjoni u jirrispetta s-sovranità ta' Ċipru b'rabta mal-ilmijiet territorjali u ż-ŻEE tiegħu;
3. Jistieden lit-Turkija turi rieda tajba billi tirtira l-bastimenti tagħha mill-ilmijiet ta' Ċipru, tnaqqas it-tensjoni u immedjatament twaqqaf l-azzjonijiet illegali u provokattivi tagħha ġewwa ż-ŻEE ta' Ċipru biex tiffaċilità t-tkomplija tal-proċess ta' negozjati;
4. Jirrikonoxxi d-dritt ta' Ċipru li jiżviluppa r-riżorsi fi ħdan iż-ŻEE tiegħu; jinnota, madankollu, li r-riżorsi tal-gżira għandhom jinqasmu b'mod ekwu fost iċ-Ċiprijotti kollha fil-kuntest ta' soluzzjoni ġenerali li tibbenefika n-naħat kollha, u li l-kwistjoni tal-gass naturali ma għandhiex tostakola l-isforzi biex tinstab soluzzjoni, iżda pjuttost isservi bħala għodda għal dawn l-isforzi;
5. Itenni għal darb'oħra l-appoġġ qawwi tiegħu għar-riunifikazzjoni ta' Ċipru fuq il-bażi ta' soluzzjoni ġusta għaż-żewġ komunitajiet, li tikkonsisti f'federazzjoni bikomunali u biżonali b'ugwaljanza politika, u sħubija fin-NU u l-UE għal Ċipru magħqud, li jippossjedi personalità legali internazzjonali waħda u sovranità waħda, u li joffri ċittadinanza waħda ta' Ċipru magħqud;
6. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Konsulent Speċjali l-ġdid tan-NU dwar Ċipru, Espen Barth Eide, biex jipprova jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-qafas neċessarji biex it-taħditiet bejn iż-żewġ komunitajiet ta' Ċipru jitkomplew; jinnota li l-azzjonijiet tat-Turkija pperikolaw dawn l-isforzi f'mument meta l-progress kien possibbli;
7. Jistieden lit-Turkija turi rieda politika ġenwina bil-għan li tinstab soluzzjoni sostenibbli u komprensiva għad-diviżjoni li ilha snin twal tikkaratterizza lill-gżira, soluzzjoni li tkun verament ta' benefiċċju għaċ-Ċiprijotti kollha; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-pakkett Ċiprijott Grieg ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja ġie rrifjutat min-naħa Ċiprijotta Torka;
8. Jistieden lill-Gvern Tork jiffirma u jirratifika l-UNCLOS, li s-sħubija fiha hija parti mill-acquis communautaire u bħala tali hija prerekwiżit għad-dħul tat-Turkija fl-UE; ifakkar lit-Turkija li, bħala pajjiż kandidat għad-dħul fl-UE, għandha taġixxi f'konformità mal-valuri tal-UE u tevita azzjonijiet ostili fil-konfront ta' kwalunkwe Stat Membru;
9. Jitlob li l-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-attivitajiet tat-Turkija fiż-ŻEE tar-Repubblika ta' Ċipru u tirrapporta lura lill-Parlament;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President u l-Parlament tar-Repubblika ta' Ċipru, lill-mexxej tal-komunità Ċiprijotta Torka u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.