Dokument ta' sessjoni
25.11.2014 B8‑0314/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
( 2014/2967(RSP) )
Reinhard Bütikofer, Pascal Durand, Heidi Hautala, Claude Turmes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
( 2014/2967(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt (IA) u l-abbozz tal-linji gwida riveduti dwar il-valutazzjoni tal-impatt rispettivi,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt (IA) bħala strumenti fi stadju bikri fil-fażi ta' żvilupp tal-leġiżlazzjoni jwettqu rwol ewlieni fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE bil-għan li tingħata informazzjoni trasparenti, komprensiva u bilanċjata dwar in-natura tal-problema li għandha tiġi indirizzata, il-valur miżjud minn azzjoni tal-UE, il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u marbutin mas-saħħa possibbli tal-għażliet ta' politika, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
B. billi t-Trattat ta' Lisbona jinkludi klawżoli soċjali u ambjentali orizzontali (Artikoli 9 u 11 TFUE) li għandhom jingħataw kunsiderazzjoni fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet tal-Unjoni, u li jeħtieġu analiżi dettaljata tal-impatt soċjali u ambjentali ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta;
C. billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha l-istess valur legali bħat-Trattati tal-Unjoni Ewropea, u billi l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom dejjem jivverifikaw il-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali;
D. billi l-linji gwida eżistenti tal-valutazzjoni tal-impatt jipprevedu rwol ċentrali li għandu jingħata lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk valutazzjoni tal-impatt hijiex meħtieġa għal inizjattiva speċifika;
E. billi l-Bord għall-Valutazzjonijiet tal-Impatt għandu rwol importanti bħala punt ta' kontroll tal-kwalità ċentrali għal valutazzjonijiet tal-impatt;
F. billi, fejn possibbli, il-linji gwida jitolbu għall-monetizzazzjoni tal-impatti; billi, filwaqt li normalment l-ispejjeż fuq żmien qasir għall-intrapriżi jistgħu jiġu monetizzati, spiss hu impossibli li l-benefiċċji fit-tul tal-azzjoni regolatorja (pereżempju, it-tnaqqis tad-debbolezzi tas-saħħa jew iż-żamma tal-ekosistemi) jiġu kwantifikati f'termini monetarji; billi għaldaqstant l-enfasi fuq il-kwantifikazzjoni fejn possibbli tintroduċi preġudizzju strutturali favur aspetti aktar kwantifikabbli bħall-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi meta mqabbla mal-benefiċċji soċjali u ambjentali, u b'hekk tonqos milli tagħti kont dovut lit-totalità tal-ispejjeż għas-soċjetà u tal-benefiċċji, u partikolarment tal-ispejjeż u benefiċċji soċjali u ambjentali;
G. billi s-semplifikazzjoni tar-regolamenti tal-UE għandha tiġi segwita b'tali mod li jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-UE għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;
H. billi valutazzjoni tal-impatt ġenwina għandha rilevanza partikolari għall-SMEs, li spiss iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet akbar minn intrapriżi kbar biex jadattaw għar-rekwiżiti legali u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, ikunu anqas kapaċi li jantiċipaw tibdiliet regolatorji fi stadju bikri;
I. billi l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" għandu l-għan li jqis l-SME fl-aktar stadji bikrin tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni issir aktar favorevoli għall-intrapriżi SME; billi hi disponibbli firxa wiesgħa ta' għodod sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;
Kamp ta' applikazzjoni
1. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex regolarment tirrevedi l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li jtejbu l-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-impatt; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali jiġu vvalutati fl-istess dettall; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-valutazzjoni kwalitattivi jingħataw kunsiderazzjoni sħiħa sabiex jiġi evitat preġudizzju strutturali favur aspetti aktar kwantifikabbli bħall-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi meta mqabbla mal-benefiċċji soċjali u ambjentali li huma importanti ukoll; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tivvaluta l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali;
2. Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm l-approċċ eżistenti tagħha li tippreżenta valutazzjoni tal-impatt għall-inizjattivi kollha li jissodisfaw tal-anqas waħda mill-kriterji li ġejjin:
– il-proposti leġiżlattivi inklużi fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CLWP);
– il-proposti leġiżlattivi li ma jkunux fil-Programm CLWP u li jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jkunu identifikabbli b'mod ċar;
– l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li jiddefinixxu l-politiki għall-ġejjini (eż. white papers, pjanijiet ta' azzjoni, programmi ta' nfiq u linji gwida għan-negozjazzjoni għal ftehimiet internazzjonali);
– atti delegati jew implimentattivi b'impatt sinifikanti fuq il-benessri;
3. Hu konvint li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma mezz importanti ta' appoġġ għat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u huma parti importanti ta' proċess regolatorju aħjar; jemmen, madankollu, li l-valutazzjonijiet tal-impatt ma jistgħux jissostitwixxu l-evalwazzjoni u d-deċiżjonijiet politiċi, u ma għandhomx jintużaw biex jegħlbu t-tfassil ta' politika immexxi fl-interess pubbliku;
4. Jistenna bil-ħerqa kjarifika mill-Kummissjoni l-ġdida dwar kif beħsiebha tipproċedi bir-reviżjoni tal-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-impatt, sabiex tagħti kont aħjar ta' dan l-approċċ fit-tħejjija tal-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-komunikazzjoni REFIT li saret dan l-aħħar mill-Kummissjoni u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Parlament f'dan il-kuntest;
5. Jenfasizza li l-ħidma dwar is-semplifikazzjoni regolatorja (REFIT) ma tistax tintuża bħala pretest biex jitbaxxa l-livell ta' ambizzjoni dwar kwistjonijiet ta' importanza ewlenija għas-sigurtà u l-benessri tal-impjegati, jew dwar il-protezzjoni tal-ambjent; iwissi kontra l-promozzjoni ta' aġenda ta' deregolamentazzjoni bl-użu tal-pretest ta' regolamentazzjoni aħjar jew bit-tnaqqis tal-piżijiet fuq l-SME; jitlob lill-Kummissjoni ma tbaxxix il-livell ta' ambizzjoni tagħha u jitlob għanijiet għal politika pubblika inklużi standards ambjentali, soċjali u dawk dwar is-saħħa u s-sigurtà ma jiġux ipperikolati;
6. Ifakkar li erba' membri mill-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi li jirrappreżentaw it-trejdjunjins u d-drittijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tas-saħħa u ambjentali tbiegħdu ruħhom mis-sejbiet ta' dan il-grupp li ġew ippreżentati fl-14 ta' Ottubru 2014 u ppubblikaw opinjoni kuntrarja; jinnota li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs kkritikaw ukoll bosta konklużjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti kont dovut ta' dan u tintegra t-tħassib tal-partijiet interessati kollha involuti fil-proċess;
7. Jopponi bil-qawwi il-proposta tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi li jkun stabbilit korp konsultattiv ta' livell għoli estern dwar regolamentazzjoni aħjar lil hinn mill-istituzzjonijiet tal-UE, li jkun responsabbli għall-valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi tal-proposti, l-ispiża relatata tal-konformità, ir-rispett għas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-għażla ta' bażi legali, u jissuġġerixxi inizjattivi għal regolamentazzjoni aħjar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali; jemmen li din il-possibilità tqajjem kwistjonijiet serji ta' leġittimità u governanza u tostakola serjament ir-rwol u l-leġittimità tal-Kummissjoni; jinsisti bil-qawwi li din ir-responsabilità għat-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi u bbilanċjati għandhom jinżammu mill-Kummissjoni taħt il-kontroll sistematiku tal-Parlament Ewropew;
Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB)
8. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-rwol tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti b'qawwa li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid din l-ommissjoni u tistipula proċeduri relatati mal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt b'mod aktar ċar f'abbozz ta' sett ġdid ta' linji gwida riveduti meta tirrispondi għall-Parlament u li kwalunkwe inizjattiva li tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt għandha tkun soġġetta għal opinjoni pożittiva mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt;
9. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tistipula proċeduri relatati mal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt; jinsab konvint li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandu jkompli jaħdem bħala korp indipendenti għall-kontroll tal-kwalità fi ħdan il-Kummissjoni u jitlob li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt; jitlob li l-kompożizzjoni tiegħu tirrifletti ir-rilevanza daqstant importanti ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jemmen li l-eżitu u l-kontroll finali dwar il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom dejjem jibqgħu taħt kontroll tal-istituzzjonijiet tal-UE; jipproponi li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt jirrapporta direttament lill-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal Regolamentazzjoni Aħjar;
10. Jenfasizza li l-membri tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandhom ikunu indipendenti u soġġetti għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew, sabiex jiġi evitat li l-istess atturi jaġixxu kemm ta' mħallfin kif ukoll ta' ġurija;
Test tal-SMEs
11. Ifakkar li fir-rieżami tagħha tal-2011 dwar is-"Small Business Act", il-Kummissjoni qieset li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; madankollu, jiddeplora l-fatt li kuntrarju għal dawk l-avviżi, it-test tal-SMEs lanqas biss huwa msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-politika dwar l-SMEs fl-aġendi tagħhom;
12. Jemmen li t-test tal-SMEs, il-kontrolli tal-idonietà u t-testijiet tal-kompetittività ma għandhomx ikunu proċessi iżolati, iżda jkunu parti minn valutazzjoni tal-impatt komprensiv li tqis, b'mod bilanċjat, l-aspetti kollha (bħall-fatturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali) u li tftittex li tivvaluta mhux biss l-ispejjeż iżda wkoll il-vantaġġi għas-soċjetà u l-potenzjal għall-ħolqien ta' swieq ġodda; jemmen li dawn il-proċessi m'għandhomx jikkompromettu l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni jew iżidu saffi addizzjonali ta' burokrazija;
13. Jitlob li t-test tal-SMEs jinżamm sabiex ikun ivvalutat kif l-SMEs jiġu effettwati matul iċ-ċiklu regolatorju, b'mod partikolari meta mqabbel ma' kumpaniji kbar; jemmen, madankollu, li l-esklużjoni awtomatika tal-mikrointrapriżi mhix l-approċċ it-tajjeb; jappoġġja l-kunsiderazzjonijiet ta' arranġamenti adattati u ta' sistemi eħfef għall-SMEs fil-valutazzjoni tal-impatt, fejn ikun jista' jintwera li dawn ma jipperikolawx l-effettività tal-leġiżlazzjoni u li l-eżenzjonijiet jew sistemi eħfef ma jkattrux il-frammentazzjoni jew li ma jxekklux l-aċċess tagħhom għas-suq intern; jemmen, barra minn hekk, li għandha tingħata aktar attenzjoni biex ikun żgurat li l-politiki u r-regolamenti proposti jissalvagwardjaw l-SMEs minn prattiki kontra l-kompetittività ta' operaturi tas-suq akbar;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ikomplu s-semplifikazzjoni amministrattiva tal-SMEs fil-livell nazzjonali bit-trasponiment xieraq tad-direttivi tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jenfasizza d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw regolamenti nazzjonali jekk l-UE tkun adottat dispożizzjonijiet minimi biss; ifakkar li l-IAs ex-post ma għandhom qatt jieħdu post id-dmir tal-Kummissjoni li taġixxi bħala gwardjan tat-Trattati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri b'mod effettiv u f'waqtu;
15. Jemmen li għandu jingħata kont akbar tal-vuċi tal-SMEs fil-proċessi leġiżlattivi bħal dawk dwar l-istandardizzazzjoni, il-proprjetà intellettwali, il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-akkwist pubbliku; jiddispjaċih li l-Kunsill żamm lura milli jagħti kont akbar tal-bżonnijiet tal-SMEs fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni;
16. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni partikolari lill-impatti fuq l-investiment, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;
Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament
17. Jitlob biex l-IAs tal-Kummissjoni jkunu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b’mod partikolari fil-livell tal-kumitati;
18. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu, tat-8 ta’ Ġunju 2011, dwar il-garanzija li l-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu indipendenti, u li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari; ifakkar li l-Unità ta’ Valutazzjoni tal-Impatt hija strument li diġà disponibbli biex iwettaq valutazzjonijiet tal-impatt; iqis li r-rikors għall-IAs parlamentari jistgħu ikunu utli qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe tibdiliet/emendi sostantivi għall-proposti inizjali tal-Kummissjoni;
°
° °
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.