Dokument ta' sessjoni
25.11.2014 B8‑0316/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
( 2014/2967(RSP) )
Dennis de Jong, João Ferreira
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
( 2014/2967(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-valutazzjoni tal-impatt u l-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-valutazzjoni tal-impatt rilevanti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-valutazzjonijiet tal-impatt bħala għodda fi stadju bikri meta tkun qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni jiżvolġu rwol kruċjali fl-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni intelliġenti bl-iskop li jipprovdu evidenza trasparenti, komprensiva u ekwilibrata dwar in-natura tal-problema li trid tiġi indirizzata, il-valur miżjud ta' azzjoni mill-UE u l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' mogħdijiet ta' azzjoni alternattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha;
B. billi l-linji gwida eżistenti tal-valutazzjoni tal-impatt jipprevedu rwol ċentrali li għandu jingħata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk valutazzjoni tal-impatt hijiex meħtieġa għal inizjattiva speċifika jew le;
C. billi l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandu rwol importanti bħala punt ta' kontroll tal-kwalità ċentrali għall-valutazzjonijiet tal-impatt;
D. billi valutazzjoni tal-impatt xierqa u indipendenti hija ta' rilevanza partikolari għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, anke dawk mutwi u kooperattivi, li spiss jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet minn intrapriżi kbar biex jadattaw għal rekwiżiti ġuridiċi u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, huma inqas kapaċi jantiċipaw bidliet regolatorji fi stadju bikri;
E. billi l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" għandu l-għan li jqis l-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-aktar stadji bikrin tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni issir aktar favorevoli għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; billi hi disponibbli firxa wiesgħa ta' għodod sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;
F. billi l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt attwali jipprevedu gwida speċifika fis-sura ta' "test tal-SMEs", anke għall-miżuri possibbli ta' mitigazzjoni; billi l-abbozz tal-linji gwida riveduti ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-test tal-SMEs;
G. billi hu importanti li l-partijiet interessati, bħall-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, it-trade unions u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, ikunu jistgħu jagħtu kontributi prezzjużi lill-konsultazzjonijiet pubbliċi; billi, madankollu, dawn l-organizzazzjonijiet huma mhedda min-nuqqas ta' biżżejjed fondi; billi għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti bħala rimedju għal dan;
Kamp ta' applikazzjoni
1. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li regolarment tirrevedi l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li jitjiebu l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt;
2. Jinsab imħasseb, madankollu, mill-fatt li l-abbozz tal-linji gwida riveduti hu ħafna inqas speċifiku mil-linji gwida eżistenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni għall-valutazzjonijiet tal-impatt u li l-abbozz iħalli ħafna aktar possibilità ta' interpretazzjoni f'idejn id-direttorat ġenerali responsabbli fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk hijiex rikjesta valutazzjoni tal-impatt jew le; jemmen li l-prattiki eżistenti li jinvolvu l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt u s-Segretarjat Ġenerali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jinżammu;
3. Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm l-approċċ eżistenti tagħha li tippreżenta valutazzjoni tal-impatt għall-inizjattivi kollha li jissodisfaw tal-anqas waħda minn dawn il-kriterji li ġejjin:
– il-proposti leġiżlattivi inklużi fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni;
– il-proposti leġiżlattivi li ma jkunux fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni u li jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jkunu identifikabbli b'mod ċar,
– l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li jiddefinixxu l-politiki għall-ġejjieni (eż. white papers, pjanijiet ta' azzjoni, programmi ta' nfiq u linji gwida għan-negozjazzjoni għal ftehimiet internazzjonali);
– l-atti delegati jew ta' implimentazzjoni li x'aktarx ikollhom impatti sinifikanti;
4. Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni ta' valutazzjoni tal-impatt jista', f'ċerti każijiet ma jikkorrispondix mal-proposti adottati meta dawn jinbidlu ladarba jitressqu għal approvazzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; jitlob li l-abbozz tal-linji gwida riveduti jinkludi d-dikjarazzjoni li l-valutazzjoni tal-impatt għandha tiġi aġġornata biex tiżgura l-kontinwità bejn il-kwistjonijiet ikkunsidrati fiha u kwalunkwe proposta li finalment tiġi adottata mill-Kummissjoni;
Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt
5. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-rwol tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti b'qawwa li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid din l-ommissjoni u tistipula proċeduri relatati mal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt b'mod aktar ċar f'abbozz ta' sett ġdid ta' linji gwida riveduti meta tirrispondi għall-Parlament u li kwalunkwe inizjattiva li tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt għandha tkun soġġetta għal opinjoni pożittiva mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt;
6. Hu tal-opinjoni li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt għandu jkun kompletament indipendenti, u jaqdi mhux biss lill-Kummissjoni, imma meta jkun rilevanti anke lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew;
It-test tal-SMEs
7. Ifakkar li, fir-rieżami tagħha tal-2011 tas-"Small Business Act", il-Kummissjoni ikkunsidrat li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi deċiżjonali nazzjonali tagħhom; jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; jiddeplora madankollu l-fatt li, bil-kontra għal dak li tħabbar, it-test tal-SMEs lanqas biss hu msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-valutazzjoni tal-impatt;
8. Jinsisti li t-test tal-SMEs, kif stabbilit fl-Anness 8 għal-linji gwida, għandu jinżamm sabiex jiġi evitat li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jintlaqtu b'mod sproporzjonat jew jiġu żvantaġġati mill-inizjattivi tal-Kummissjoni meta mqabbla ma' kumpaniji kbar;
9. Jisħaq fuq il-fatt li. f'każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi għażliet li jkopru mekkaniżmi u/jew flessibbiltajiet alternattivi sabiex jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-inizjattiva (kif previst fl-Anness 8.4); jilqa', f'dan ir-rigward, l-esklużjoni a priori tal-mikrointrapriżi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' proposta leġiżlattiva bħala għażla politika ddikjarata fl-abbozz tal-linji gwida riveduti;
10. Jikkunsidra li l-prattika attwali, fejn kuntratti qafas jiġu konklużi ma' korporazzjonijiet kbar, effettivament jeskludi lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-universitajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet ta' riċerka milli jikkompetu għal dawn il-kuntratti; jappella lill-Kummissjoni biex tbiddel din il-prattika;
Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament
11. Jappella biex il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni jiġu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b’mod partikolari fil-livell tal-kumitati;
12. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta’ valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti[1], li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari; ifakkar ukoll li l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt hija strument li diġà disponibbli biex iwettaq valutazzjonijiet tal-impatt; jikkunsidra li hemm bżonn partikolari li jsir rikors għall-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari qabel l-adozzjoni kwalunkwe tibdiliet/emendi sostantivi għal proposta inizjali tal-Kummissjoni;
Il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali
13. Jikkritika b'qawwa n-nuqqas ta' konsiderazzjoni li wriet il-Kummissjoni fir-rigward tal-konsegwenzi soċjali għan-nies fil-pajjiżi tal-programm; hu tal-opinjoni li, anke b'mod ġenerali, l-effetti soċjali tal-proposti u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għadhom ma tqisux biżżejjed;
14. Jilqa' l-pjanijiet għal valutazzjonijiet tal-impatt soċjali kif iddikjarat fil-prijoritajiet politiċi tal-President Juncker, imma jikkunsidra li t-tali valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għandhom ukoll jiġu integrati fil-linji gwida tal-valutazzjonijiet tal-impatt, b'mod li jiġu inklużi l-effetti tal-proposti fuq l-impjiegi, il-faqar u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll l-impatt ambjentali fil-valutazzjonijiet tal-impatt fil-futur;
°
° °
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.