Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0001/2015 /REV
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
József Szájer, Lara Comi
f'isem il-Grupp PPE
B8‑0001/2015 /REV
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
( 2014/2829(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid’ ( COM(2014)0910 ) u l-Annessi 1 sa 4 tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta' Ġunju 2014 u tat-18 ta’ Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-President u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jitqabblu mar-riżorsi finanzjarji disponibbli;
B. billi l-politika u l-azzjoni tal-UE, imwettqa id f'id mal-Istati Membri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistgħu u jridu jkollhom influwenza reali biex jgħinu liċ-ċittadini jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà li qed tinbidel malajr;
C. billi l-Ewropa trid issegwi l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq, u tiggarantixxi tkabbir sostenibbli bil-għan li lill-ġenerazzjoni li jmiss toffrilha impjiegi minflok dejn;
1. Jilqa' l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CWP) u jenfasizza l-fatt li tnaqqis sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji jista' jinkiseb biss billi nnaqqsu l-għadd ta' proposti leġiżlattivi u billi, minflok, niffukaw fuq il-prijoritajiet ewlenin;
2. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2015 mill-iktar fis possibbli, biex b'hekk uriet li hija lesta taġixxi fil-pront, u jilqa' l-fatt li s-CWP huwa indirizzat lejn l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, b'tali mod li jsarraf il-Linji Gwida Politiċi ppreżentati mill-Kummissjoni f'Novembru 2014 fi 23 proposta konkreta;
3. Jemmen bis-sħiħ li l-isforzi jridu jiġu kkonċentrati lejn ftit prijoritajiet ewlenin u jitlob lill-Kummissjoni biex ma tiħux inizjattivi li mhumiex essenzjali;
4. Jappoġġa l-bidla fil-metodu li għandha l-għan li ssir tindifa biex tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi fuq proposti leġiżlattivi li m'għadhomx jintużaw li mhumiex adegwati u li m'għadhomx jissodisfaw il-prijoritajiet u t-tħassib taċ-ċittadini tal-UE;
5. Jitlob, għalhekk, li l-ispejjeż tal-piżijiet burokratiċi jitnaqqsu b'25 % u li l-valutazzjonijiet indipendenti jiġu stabbiliti sabiex ikejlu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż relatati tal-proposti l-ġodda, inkluż it-test mandatorju tal-SMEs. Dawn iż-żewġ miżuri jgħinu jneħħu l-burokrazija fil-livelli kollha, dak Ewropew, nazzjonali u reġjonali, u jgħinu lill-atturi ekonomiċi u ċ-ċittadini kollha fil-ħajja ta' kuljum tagħhom;
6. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata b'mod sħiħ, imħaffef u effikaċi, fl-oqsma bħas-suq uniku, id-dritt ambjentali, is-settur finanzjarju u dak bankarju u l-PAK, il-PKS u l-Politika ta' Koeżjoni li ġew riveduti reċentement;
7. Jappoġġa bis-saħħa l-miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa u jenfasizza l-bżonn li flus il-kontribwenti jintużaw b'mod iktar effiċjenti, u li jittieħdu iktar passi favur il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
8. Jemmen li l-progress rapidu f'TTIP ambizzjuża, ibbilanċjata u komprensiva li tirrispetta l-istandards soċjali, ambjentali u tal-konsumatur tal-UE huwa essenzjali għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' tkabbir ġodda; jitlob li jsir iktar progress f'negozjati kummerċjali oħrajn u li l-pakkett ta' Bali tad-WTO jiġi rratifikat u implimentat; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni industrijali tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);
9. Jappoġġa r-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, kif intalab bosta drabi, u l-proposta għall-ipprogrammar konġunt mal-Kummissjoni u l-Kunsill biex titjieb l-effiċjenza tal-proċess leġiżlattiv;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.