Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2015                                                                                                                B8‑0010/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani

( 2015/2512(RSP) )

Javier Nart, Marielle de Sarnez, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Louis Michel, Johannes Cornelis van Baalen, Gérard Deprez, Pavel Telička, Fredrick Federley, Marietje Schaake

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0010/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ taż-żewġ 'marò' Taljani

( 2015/2512(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

–       wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet kollha kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli dwar il-każ tal-marò Taljani Massimiliano Latorre u Salvatore Girone,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fil-15 ta' Frar 2012, f'żona li suppost tagħmel parti mill-ilmijiet internazzjonali, żewġ sajjieda lokali nqatlu u żewġ fizzjali tal-armata navali Taljana, Massimiliano Latorre u Salvatore Girone, fis-servizz fuq it-tanker taż-żejt Taljan Enrica Lexie ġew arrestati;

B.     billi fit-12 ta' Settembru 2014 l-Indja ppermettiet lil Massimiliano Latorre, li kien intlaqat minn iskemija waqt id-detenzjoni, jirritorna l-Italja għal perjodu ta' erba' xhur bil-għan li jingħatawlu l-kuri mediċi; billi fis-6 ta' Jannar 2015 huwa kien sottopost għal intervent kirurġiku f'qalbu u li għad għandu bżonn assistenza medika; billi Salvatore Girone attwalment għadu jinsab fl-Indja;

C.     billi l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Paolo Gentiloni, ħabbar li sejjaħ b'urġenza lill-ambaxxatur Taljan fl-Indja għall-konsultazzjonijiet;

D.     billi ż-żewġ marò kienu qegħdin fl-Oċean Indjan biex iwettqu operazzjonijiet kontra l-piraterija f'żona partikolari meqjusa f'riskju għoli minħabba l-attività tal-pirati;

E.     billi ż-żewġ fizzjali tal-armata navali Taljana huma rġiel denji ta' fiduċja, minħabba l-fatt li, waqt il-perjodu ta' detenzjoni tagħhom, irritornaw minn jeddhom fl-Indja wara li ngħataw l-awtorizzazzjoni biex jmorru l-Italja, b'hekk reġgħu poġġew lilhom infushom għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Indjani;

F.     billi ta' min jiġi rikonoxxut li l-piraterija toħloq sitwazzjonijiet ta' stress enormi u ta' pressjoni qawwija immens għall-ekwipaġġi militari u għall-entitajiet ta' protezzjoni kollha;

1.      Itenni t-tħassib qawwi tiegħu għaż-żewġ fizzjali tal-armata navali Taljana, li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea, detenuti fl-Indja minn Frar 2012;

2.      Iħeġġeġ liż-żewġ Stati, minħabba li l-pożizzjoni li fiha kien it-tanker taż-żejt Taljan trendi l-kwistjoni tas-sovranità ġuridika fil-każ speċifiku diskutibbli, jilħqu qbil biex il-kwistjoni tiġi riferuta għand il-Qorti Permanenti ta' Arbitraġġ stabbilita fil-qafas tal-ewwel Konferenza ta' Paċi tal-Aja, u jħeġġeġ, bħala konsegwenza, biex it-tribunal kompetenti jsolvi l-każ bl-akbar urġenza;

3.      Jisħaq fuq il-fatt li l-każ għandu jkun riżolt fir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar;

4.      Jesprimi tħassib enormi dwar l-inċertezza ġuridika li tikkaratterizza l-każ taż-żewġ marò Taljani li, wara tliet snin, għadhom qegħdin jistennew li jsiru jafu x'se jsir minnhom;

5.      Jiddeplora d-dewmien min-naħa tal-awtoritajiet Indjani fit-tmexxija tal-każ taż-żewġ marò Taljani;

6.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-awtoritajiet Indjani u Taljani.