Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0013/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Davor Škrlec, Jean Lambert, Bodil Ceballos, Jordi Sebastià, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Josep-Maria Terricabras, Judith Sargentini
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja, inkluża r-Riżoluzzjoni 2174 tas-27 ta' Awissu 2014,
– wara li kkunsidra t-tgħarrif lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' UNSMIL u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar il-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju matul il-vjolenza li għadha għaddejja fil-Libja, ippubblikat f-4 ta’ Settembru 2014 u aġġornat fit-23 ta’ Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-Libja, l-iktar reċenti dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, partikolarment dik tat-18 ta' Settembru 2014[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Frederiva Mogherini dwar il-Libja, inklużi dawk tas-16 u t-30 ta’ Diċembru 2014 u tal-10 ta’ Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tas-27 ta’ Ġunju 2014 mill-UE mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri tal-UE lil-Libja dwar il-qtil ta’ Salwa Bugaigis,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Libja mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, l-UE VP/RGħ u r-Rappreżentant Speċjali tal-SĠNU tat-3 ta’ Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta li ħarġet fit-22 ta’ Settembru 2014 minn 13-il pajjiż, inkluż l-Eġittu, il-Qatar, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda, li wiegħdet politika ta' non-interferenza fil-kwistjonijiet tal-Libja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Libja għaddiet minn sensiela drammatika ta' kriżijiet politiċi, istituzzjonali u ta' sigurt à wara li ġie mneħħi mill-poter id-dittatur Muammar Gaddafi mill-gruppi ribelli, assistiti mill-forzi tan-NATO, fl-2011;
B. billi l-Istati Membri tal-UE involuti fil-gwerra tal-2011, u fl-UE bħala entità sħiħa, għandhom responsabilità partikolari biex jassistu lill-popolazzjoni Libjana u jappoġġaw l-isforzi biex jinkisbu l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż;
C. billi ċiklu ta' eskalazzjoni ta’ ġlied qered il-pajjiż matul dawn l-aħħar sitt xhur; billi l-kunflitt kien jinvolvi prinċipalment l-oppożizzjoni bejn żewġ gruppi ta’ rivali laxki u frammentati, jiġifieri l-forzi tad-'Dinjità tal-Operazzjoni' tal-ġeneral irtirat Khalifa Haftar, b'alleanza mal-milizzji mill-belt ta’ Zintan, u l-koalizzjoni ta' 'Żerniq il-Libja', magħmula prinċipalment minn milizzji mill-belt ta’ Misrata u minoranza tal-Amazigh, flimkien ma’ gruppi Iżlamiċi u l-milizzji lokali minn bliet oħra fil-Punent tal-Libja;
D. billi l-kunflitt armat u vjolenza oħra faqqgħu f’nofs Mejju 2014 fi u madwar il-belt fil-Lvant ta' Bengażi u mbagħad fil-kapital Tripli, qabel ma nfirxu lejn il-Punent tal-Libja; billi n-Nofsinhar tal-Libja qiegħda wkoll tesperjenza vjolenza; billi l-ġlied sar f’dawn l-aħħar ġimgħat matul il-kontroll tal-akbar terminal taż-żejt tal-Libja f'Es Sider u l-akbar raffinerija f’Ras Lanuf, fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż;
E. billi s-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem marret għall-agħar ħafna kif il-Libja reġgħet spiċċat fi gwerra ċivili; billi hu rrapurtat li ż-żewġ naħat wettqu firxa sħiħa ta’ ksur u abbużi skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju, li wassal għal mijiet ta’ mwiet, għall-ispostament tal-massa u kriżi umanitarja f’ħafna żoni; billi UNSMIL rrappurtat bumbardamenti bl-addoċċ u attakki mill-ajru fuq miri ċivili u attakki estensivi kontra l-infrastruttura vitali u istituzzjonijiet eletti; billi għadd kbir ta’ attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, professjonisti tal-midja u persuni pubbliċi oħra ġew maħtufa jew mhedda jew sar serq u ħruq fi djarhom; billi l-professjonisti tal-midja jibqgħu fil-mira; billi n-NU rċeviet rapporti ta’ detenzjoni arbitrarja u tortura u maltrattament miż-żewġ naħat; billi ċ-ċivili fi Tripli, Bengażi kif ukoll fil-Muntanji ta' Nafusa u f'Awbari qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ ikel, fjuwil u neċessitajiet bażiċi oħrajn;
F. billi ż-żewġ kampi rivali qed jagħmlu l-propaganda tagħhom u t-tnejn jippretendu li l-leġittimità hija tagħhom, b’żewġ gvernijiet u parlamenti rivali bbażati rispettivament fi Tripli u Tobruk; billi fis-6 ta’ Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana qatgħet is-sentenza li l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju li stabbilixxew il-Kamra tad-Deputati bbażata f'Tobruk li hi rikonoxxuta internazzjonalment ma kinux leġittimi;
G. billi ż-żewġ partijiet fil-ġlied allegatament jirċievu għajnuna minn barra; billi ġie rappurat li l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda wettqu attakki mill-ajru u attakki fil-forma ta' operazzjonijiet speċjali kontra l-forzi ġiħadisti f’Bengażi u Darnah u kontra l-pożizzjonijiet ta' 'Żerniq il-Libja' fi Tripli; billi l-Qatar u t-Turkija allegatament kienu jagħtu għajnuna lill-forzi ta' 'Żerniq il-Libja';
H. billi ġie rrappurat li gruppi tal-milizzja marbuta mal-Istat Iżlamiku issa għandhom preżenza fil-Lvant tal-belt ta’ Derna u ġew akkużati li wettqu attivitajiet terroristiċi, inkluż li qatgħu l-irjus ta’ attivisti żgħażagħ u attakk suwiċida bil-bombi fuq il-Kamra tad-Deputati fit-30 ta’ Diċembru 2014; billi ġie rappurtat li ġew stabbiliti ċentri loġistiċi fil-periferija tan-Nofsinhar tal-Libja minn elementi tal-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU elenka żewġ partijiet tal-grupp estremista Iżlamiku Ansar al Sharia, ibbażati rispettivament f’Derna u Bengażi, bħala organizzazzjonijiet terroristiċi taħt ir-riżoluzzjoni 1267 tan-NU;
I. billi l-Mibgħut Speċjali tan-NU Bernadino León fittex attivament li jagħmilha ta' medjatur fit-taħdidiet bejn il-fazzjonijiet rivali u fit-tnedija ta' djalogu nazzjonali lejn proċess ta' rikonċiljazzjoni u l-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali; billi l-ewwel ċiklu tat-taħdidiet seħħ f'Ghadames fid-29 ta’ Settembru 2014 u kompla fi Tripli fil-11 ta’ Ottubru, filwaqt li ċiklu ieħor, inizjalment skedat għall-5 ta’ Jannar 2015, ġie pospost minħabba nuqqas ta’ qbil fuq iż-żewġ naħat; billi UNSMIL ħabbret li l-partijiet Libjani issa qablu li jorganizzaw ċiklu ġdid ta’ taħdidiet f’Ġinevra, aktarx fl-14 ta’ Jannar 2015; billi ż-żewġ kampijiet s’issa wrew li ma kinux akkaniti jew ma setgħux jinvolvu ruħhom f’kompromess;
J. billi l-Mibgħuta tan-NU għar-reġjun tas-Saħel, Hiroute Guebre Sellassie, wissiet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li l-kriżi Libjana tista’ tiddestabilizza r-reġjun kollu fil-futur qrib, u ddikjarat ukoll li netwerks terroristiċi u kriminali fil-Libja kienu qegħdin jiżviluppaw rabtiet eqreb mal-Mali u n-Niġerja ta’ fuq, bin-negozjar tal-bejgħ tal-armi u t-traffikar tad-drogi fost kummerċ illegali ieħor;
K. billi l-UNSMIL tikkalkula li tal-inqas 400 000 Libjan ġew spustati internament mill-aħħar mewġa ta' ġlied filwaqt li 150 000 oħra, fosthom ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż; billi ħaddiema umanitarji u diplomatiċi barranin, fosthom il-persunal tal-UE u tal-UNSMIL, ġew evakwati mil-Libja; billi l-influss massiċċ ta' rifuġjati Libjani fit-Tuneżija qed jitfa' pressjoni sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u l-istabbiltà ta' dan il-pajjiż ġar tagħha; billi l-awtoritajiet Libjani ma rnexxilhomx jipproteġu lill-komunità spustata ta' Tawargha minn attakki u ħtif mill-milizzji peress li dawn kienu mġiegħla jitilqu minn djarhom f’Awwissu 2011;
L. billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, li qed jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja, qed ikunu rappurtati mejta filwaqt li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, li jwassal għal kriżi ewlenija ta' rifuġjati fl-Italja u f'Malta; billi l-Libja hi l-punt ta' tluq primarju għal migranti li qed jippruvaw jaslu l-Ewropa;
M. billi fis-26 ta' Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrefera s-sitwazzjoni fil-Libja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi l-QKI tibqa’ kompetenti biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ fil-pajjiż u li tfittex lil dawk responsabbli; billi fis-27 ta' Ġunju 2011, ik-QKI ħarġet tliet mandati ta' arrest għal Muammar Gaddafi, Saif Al-Islam Gaddafi u Abdullah Al-Senussi għal reati kontra l-umanità; billi l-kumplament tal-persuni suspettati mhumiex taħt il-kustodja tal-Qorti; billi l-awtoritajiet Libjani insistew li dawn jiġu proċessati fis-sistema legali domestika Libjana; billi l-QKI irreferit il-Libja lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-10 ta’ Diċembru minħabba nuqqas ta’ konformità mat-talba tal-Qorti għall-kooperazzjoni wara li ma kixfitx lil Saif Al-Islam;
N. billi ż-żejt jirrappreżenta 95 % tad-dħul tal-Istat tal-Libja u 65 % tal-PDG tal-pajjiż; billi l-Libja għandha l-akbar riservi taż-żejt fl-Afrika u l-ħames l-akbar fid-dinja;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-Libja spiċċat fi gwerra ċivili bla sens; jinsab allarmat ħafna minn din is-sitwazzjoni, li qed ikollha impatt devastanti fuq il-popolazzjoni ċivili u l-istituzzjonijiet Libjani, u tipperikola li tkompli tiddestabbilizza reġjun usa';
2. Jitlob lill-partijiet fil-kunflitt biex immedjatament iwaqqfu kull ostilità u jimpenjaw lilhom infushom fi djalogu politiku inklużiv; f'dan ir-rigward, jesprimi l-appoġġ kollu tiegħu għall-isforzi tan-NU, u b'mod partikolari lir-Rappreżentant Speċjali Bernardino Leon, fil-faċilitazzjoni ta' dan il-proċess bil-għan li jiġu stabbiliti istituzzjonijiet konsenswali li jfittxu aġenda wiesgħa ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali; jinsisti li tingħata attenzjoni lill-involviment tan-nisa u tal-minoritajiet f'dan il-proċess;
3. Jikkundanna l-vjolenza li għaddejja u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaqa minn partijiet fil-ġlied madwar il-pajjiż; jibqa’ mħasseb ħafna dwar id-deterjorazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta’ detenzjoni arbitrarja, ħtif, qtil u tortura illegali, kif ukoll vjolenza kontra ġurnalisti, attivisti politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata r-responsabbiltà għall-każijiet kollha ta' ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju; jinnota d-dikjarazzjoni minn UNSMIL li ħafna każijiet ta' ksur u abbuż kommessi fil-Libja jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI, u jitlob biex din tal-aħħar tingħata r-riżorsi politiċi, loġistiċi u finanzjarji sabiex tkun tista' tinvestiga dawn ir-reati; jemmen li t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà internazzjonali jistgħu jiddisswadu lill-milizzji milli jwettqu aktar abbużi u ksur, u jitlob li jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU jew mekkaniżmu simili biex tinvestiga l-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju;
5. Jenfasizza li l-aħħar riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tippermetti li l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet internazzjonali jitwessa'u biex ikunu indirizzati dawk kollha li qed jippruvaw ifixklu l-proċess; jistieden lill-komunità internazzjonali biex tieħu miżuri urġenti kontra dawk li jostakolaw id-djalogu u biex tinforza b’mod effettiv l-embargo tal-armi tan-NU fuq il-Libja;
6. Iwissi kontra espressjonijiet ġenerali ta’ appoġġ internazzjonali għal kull naħa fil-kunflitt, peress li dawn jirriskjaw li jsejsu iktar il-pożizzjonijiet estremisti u jimminaw l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni f’dan il-mument kritiku; b’mod partikolari, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieqfu milli jipprovdi kwalunkwe forma ta’ assistenza militari lill-entitajiet Libjani qabel il-konklużjoni ta’ proċess ta’ rikonċiljazzjoni politika;
7. Jemmen li l-aktar tweġiba effettiva biex tiġi indirizzata l-preżenza militari Iżlamiċi radikali inkwetanti fil-Libja hija, fl-aħħar mill-aħħar, fl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet domestiċi inklużivi li jistgħu jiddefendu l-istat tad-dritt u jiġġieldu b’mod effettiv dawn il-gruppi li jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u r-reġjun usa’;
8. Jilqa' l-ħidma inizjali tal-kumitati tematiċi tal-Assemblea għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni, u jinkoraġġixxi lill-assemblea biex tipproċedi bil-ħidma tagħha b’mod trasparenti u inklużiv; jenfasizza l-importanza tax-xogħol ta' din l-assemblea, u jistieden lil-Libjani kollha biex ikomplu jirrispettaw l-indipendenza tagħha biex tkun tista’ tikkompleta l-mandat tagħha;
9. Jiddenunzja l-indħil kontinwu u bil-moħbi minn atturi reġjonali fix-xena domestika tal-Libja, li kkontribwixxa sew għad-diżintegrazzjoni gradwali tal-pajjiż; jistieden lill-ġirien tal-Libja u atturi reġjonali oħrajn, b’mod partikolari l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda, biex iżommu lura minn kull azzjoni li tista’ tkabbar it-tensjonijiet fi ħdan il-pajjiż; jilqa’ d-dikjarazzjonijiet reċenti fuq l-istess linji li nħarġu reċentement mill-Unjoni Afrikana fil-laqgħa tagħha tat-3 ta' Diċembru 2014 u mil-Lega tal-Istati Għarab fil-5 ta’ Jannar 2015;
10. Jinsisti fuq iż-żamma tan-newtralità tal-istituzzjonijiet Libjani ewlenin, b’mod partikolari l-Bank Ċentrali, il-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt u l-fond tal-ġid sovran, li huma awtorizzati min-NU biex jirċievu dħul miż-żejt minn barra l-pajjiż; jappella, f’dan il-kuntest, għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza internazzjonali li jiffriża dan id-dħul - minbarra l-infiq fuq il-pagi - sakemm jiġi ffurmat il-gvern ta’ unità nazzjonali, bħala inċentiv biex fazzjonijiet li qed jiġġieldu jaqblu b'kompromess politiku;
11. Jitlob lill-awtoritajiet Libjani jimpenjaw standards għoljin ta' trasparenza fis-settur estrattiv domestiku sabiex ir-riżorsi naturali Libjani jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha, u partikolarment biex jaċċettaw ir-rekwiżiti tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) mill-iktar fis possibbli; itenni t-talba tiegħu lill-kumpaniji Ewropej involuti fil-Libja biex jikxfu n-negozji finanzjarji tagħhom fis-settur tal-enerġija;
12. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi ambjentali li jirriżultaw mill-qerda ta’ tankijiet ta’ ħażna taż-żejt wara l-ġlied reċenti fil-Lvant tal-Libja;
13. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull sforz sabiex jappoġġaw lin-NU u inizjattivi mhux militari oħra biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali; jitlob, b'mod partikolari, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom biex jirrispondu għat-tbatija tal-poplu Libjan, partikolarment fiż-żoni l-aktar milquta, u li jkunu lesti biex jirrispondu jekk is-sitwazzjoni tkompli tiggrava;
14. Iqis li l-UE naqset milli tiżviluppa u timplimenta strateġija tajba u komprensiva biex tassisti t-tranżizzjoni ta' wara Gaddafi; jikkundanna, b'mod partikolari, in-nuqqas persistenti ta' koordinazzjoni bejn il-politiki tal-Istati Membri tal-UE lejn il-Libja u l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom s-SEAE fit-tħeġġiġ ta' approċċ komuni u effikaċi tal-UE;
15. Iħeġġeġ lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Istrument ta' Stabbiltà u Paċi (ISP) fir-rigward tal-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni, u li b' mod urġenti tappoġġa l-medjazzjoni, f'koordinazzjoni mal-UNSMIL; iħeġġeġ ugwalment lill-UE biex tappoġġa l-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment il-gruppi tan-nisa, li jippruvaw isibu soluzzjonijiet mhux vjolenti għall-kriżijiet multipli tal-pajjiż;
16. Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti tal-falliment tas-sistema ġudizzjarja fil-Libja u dwar nuqqasijiet serji biex jinżammu standards ta' proċess ġust; jistieden lill-awtoritajiet Libjani jikkooperaw bis-sħiħ mal-Qorti Kriminali Internazzjonali billi jassistuha fl-investigazzjonijiet tagħha u jikkonformaw mas-sentenzi tagħha; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet Libjani li jagħtu drittijiet bażiċi xierqa ta' proċess lill-akkużati tal-QKI Abdullah Sanussi u Saif al-Islam Gaddafi; ifakkar fl-oppożizzjoni assoluta għall-piena tal-mewt fil-każijiet kollha, indipendentement min-natura tar-reat kommess, u jistieden lil-Libja tneħħi l-piena kapitali; jistieden lill-UE tqis li tkun lesta li tagħti appoġġ biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt fil-pajjiż;
17. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-migranti, tal-applikant għall-ażil u tar-rifuġjati fil-Libja minħabba li s-sitwazzjoni diġà prekarja tagħhom qed tkompli teħżien; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex effettivament jgħinu lill-Italja fl-isforzi ta' min ifaħħar biex tindirizza l-flussi li qed jiżdiedu ta' migranti u rifuġjati mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja; iqis li Programm tal-UE Operazzjoni Triton stabbilit reċentement jonqos milli tipprovdi rispons adegwat għall-isfidi preżenti, u jitlob li jkun hemm reviżjoni drastika ta’ dan il-programm; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, u b'mod partikolari lill-Italja, biex tikkonforma strettament mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali dwar ir-rifuġjati, inkluż ir-rispett għan-non-refoulement u l-valutazzjoni ta' sitwazzjonijiet individwali;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lill-UNSC, lill-UNGA, lill-UNHCR, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.