Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0020/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2965(RSP) )
Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Roberts Zīle, Stanisław Ożóg, Ruža Tomašić, Zbigniew Kuźmiuk, Geoffrey Van Orden
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2965(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina u s-Sħubija tal-Lvant,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2014 dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-ratifika tiegħu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukriana li saru fis-26 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE enfasizzat ripetutament l-impenn u l-appoġġ qawwi tagħha lejn l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, kif ukoll lejn id-dritt tagħha li tiddeċiedi dwar l-alleati tagħha u l-futur tagħha mingħajr ma ġġarrab l-ebda pressjoni esterna;
B. billi, fis-26 ta' Ottubru 2014, fl-Ukraina saru l-elezzjonijiet parlamentari li - minkejja s-sitwazzjoni estremament diffiċli fil-pajjiż - twettqu b'mod effiċjenti, b'manjiera organizzata u paċifika u f'konformità mal-istandards internazzjonali, u li ntrebħu minn maġġoranza kbira ta' partiti li jappoġġaw integrazzjoni akbar tal-Ukraina mal-UE;
C. billi, fis-27 ta' Ġunju 2014, l-UE ffirmat - u aktar 'il quddiem irratifikat - Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina, flimkien mal-Ġeorġja u l-Moldova; billi l-iffirmar ta' dan il-ftehim jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina li jgħix f'pajjiż immexxi minn valuri Ewropej, mid-demokrazija u l-istat tad-dritt;
D. billi l-5 ta' Diċembru 2014 hija d-data tal-20 anniversarju mindu ġie ffirmat il-Memorandum ta' Budapest, fejn l-Istati Uniti, ir-Russja u r-Renju Unit impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-indipendenza u s-sovranità tal-Ukraina fi ħdan il-fruntieri eżistenti tagħha u biex iżommu lura milli jheddu jew jużaw il-forza kontra l-Ukraina;
E. billi fil-5 ta' Settembru 2014, il-Grupp ta' Kuntatt Tripartitiku laħaq qbil dwar waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ dakinhar stess; billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, jum wara l-ieħor twettaq ksur tar-reġim ta' waqfien mill-ġlied min-naħa tas-separatisti u l-forzi Russi; billi r-Russja għadha tappoġġa l-milizzji separatisti permezz ta' fluss kostanti ta' armi, munizzjoni, vetturi armati, tagħmir u merċenarji, kif ukoll unitajiet regolari Russi, inklużi tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u sistemi kontra l-inġenji tal-ajru sofistikati;
F. billi skont l-awtoritajiet Ukraini, mill-bidu tal-kunflitt sa Diċembru 2014, it-telf fost il-persunal militari qabeż l-1 250 persuna, filwaqt li ħafna nies għadhom jinsabu maqbuda mill-militanti, fosthom suldati, ġurnalisti, voluntiera u residenti lokali;
G. billi l-intervent militari dirett u indirett tar-Russja fl-Ukraina, inkluża l-annessjoni tal-Krimea, jikser id-dritt internazzjonali, inkluża l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994; billi r-Russja qed tkompli tirrifjuta l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE);
H. billi l-politika tar-Russja li tikkastiga l-ġirien tagħha - bħall-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova - minħabba l-aspirazzjonijiet Ewropej tagħhom espressi fi ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-UE, u dan tagħmlu permezz tal-aggressjoni militari u ekonomika, kif ukoll billi toħloq u tinsisti b'kunflitti ffriżati, għandha l-għan li tinterferixxi fl-affarijiet Ewropej, tiddestabbilizza lill-Ewropa u ddgħajjef l-għaqda tal-UE.
I. billi t-traġedja tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines fir-reġjun ta' Donetsk qajmet għadab kbir fost l-opinjoni pubblika internazzjonali u Ewropea; billi n-NU u l-UE talbu li ssir investigazzjoni internazzjonali bir-reqqa dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident;
J. billi, fis-17 ta' Novembru 2014, il-Kunsill saħħaħ il-miżuri restrittivi tal-UE kontra s-separatisti li joperaw fil-Lvant tal-Ukraina, u 13-il persuna u 5 entitaijet ġew soġġetti għall-iffriżar tal-assi u ġew projbiti milli jivvjaġġaw fl-UE;
K. billi għadhom qed isiru ħafna abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-Lvant tal-Ukraina kif ukoll fil-Krimea, imġarrba b'mod partikolari mit-Tatari tal-Krimea, fost oħrajn permezz tal-intimidazzjoni u mewġa ġdida ta' każijiet ta' persuni nieqsa;
1. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ukraina u n-nazzjoni tal-Ukraina; itenni għal darba oħra l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri, kif ukoll l-għażla Ewropea tal-Ukraina;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-Federazzjoni Russa talli qed tkompli bi gwerra ibrida mhux iddikjarata kontra l-Ukraina bl-użu ta' forzi Russi regolari u bl-appoġġ ta' gruppi armati b'mod illegali; iħeġġeġ lir-Russja twaqqaf il-fluss ta' armi u militanti lejn il-Lvant tal-Ukraina; jenfasizza li l-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Ukraina jikkostitwixxu att ta' aggressjoni;
3. Jissottolinja l-fatt li s-sanzjonijiet kontra r-Russja adottati kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Uniti qed ikollhom impatt dirett fuq l-ekonomija tar-Russja; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex isaħħu s-sanzjonijiet u jadottaw sett ċar ta' punti ta' riferiment li, meta jinkisbu, jistgħu jimpedixxu l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-Russja jew iwasslu għat-tneħħija ta' dawk preċedenti, u dawn il-punti ta' riferiment jinkludu; l-irtirar tat-truppi u l-merċenarji kollha tar-Russja mit-territorju tal-Ukraina, il-waqfien tal-provvista tal-armi u t-tagħmir lit-terroristi, ir-rispett sħiħ tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied min-naħa tar-Russja; l-istabbiliment ta' kontroll u verifika internazzjonali effikaċi tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied u l-istabbiliment mill-ġdid tal-kontroll tal-Ukraina fuq it-territorju kollu tagħha, inkluża l-Krimea;
4. Jitlob, fdan ir-rigward, is-simplifikazzjoni tal-embargo miltari u reġim ta' sanzjonijiet sabiex ma ssir l-ebda kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fis-settur tad-difiża, anki f'dak li għandu x'jaqsam mat-teknoloġiji tal-ispazju;
5. Iqis l-annessjoni tal-Krimea bħala illegali u jirrifjuta li jirrikonoxxi l-ħakma de facto tar-Russja fuq il-peniżola permezz, fost oħrajn, id-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' oġġetti mill-Krimea u Sevastopol li m'għandhomx ċertifikat Ukrain u li jiġi pprojbit l-għoti ta' viżi ta' Schengen lil residenti tal-Krimea b'passaporti Russi; jilqa' d-deċiżjoni ta' Mastercard u Visa li jwaqqfu s-servizzi kolla fir-reġjun tal-Krimea anness mir-Russja;
6. Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi jniżżel l-hekk imsejħa repubbliki popolari ta' Donetsk and Luhansk;
7. Jinsab imħasseb sew dwar il-qagħda umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem li kulma jmur qiegħda tiddeterjora fl-Ukraina u fil-Krimea; jiddeplora l-intimidazzjoni u l-abbuż li qed isir fuq it-Tatari tal-Krimea, l-Ukraini etniċi u dawk kollha li rrifjutaw iċ-ċittadinanza Russa fil-Krimea; jissottolinja l-fatt li r-Russja hija direttament responsabbli għad-deterjorament tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea u fir-reġjun ta' Donbas li ġew annessi b'mod illegali;
8. Ifaħħar lill-awtoritajiet tal-Ukraina dwar l-andament organizzat u effiċjenti tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fis-26 ta' Ottubru 2014, minkejja s-sitwazzjoni estremament diffiċli fil-pajjiż;
9. Jikkundanna l-organizzazzjoni u t-twettiq ta' elezzjonijiet "presidenzjali u parlamentari" illegali u illeġittimi 'fir-Repubblika Popolari ta' Donetsk' u 'fir-Repubblika Popolari ta' Luhansk' li saru fit-2 ta' Novembru 2014; jiddeplora l-fatt li r-Russja qisithom bħala leġittimi, u dan il-fatt dgħajjef l-arranġamenti tal-Ftehim ta' Minsk;
10. Itenni l-appell tiegħu lir-Russja biex jeħilsu minnufih lill-priġunieri politiċi Ukraini, inkluża Nadiya Savchenko, li reċentement ġiet eletta fil-Verkhovna Rada tal-Ukraina u li bħalissa għaddejja bi strajk tal-ġuħ;
11. Jilqa' t-tiswir tal-Gvern ta' Yatsenyuk u jittama li dan jimplimenta kif xieraq u mingħajr dewmien ir-riformi meħtieġa sabiex l-Ukraina toqrob lejn l-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li ssir riforma u tiżdied l-effiċjenza tal-Verkhovna Rada billi, fost l-oħrajn, tittawwal l-iskadenza ta' ġimgħatejn għat-tressiq tal-emendi għal atti propost, tiġi ggarantita vacatio legis xierqa għar-regolamenti adottati, kif ukoll parteċipazzjoni akbar tad-deputati fil-ħidma tal-assemblea; itenni t-talba tiegħu sabiex jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-ħatra ta' esperti barranin għal karigi importanti fl-amministrazzjoni l-ġdida;
12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini biex ikomplu jiżviluppaw servizz pubbliku professjonali u indipendenti għalkollox imsejjes fuq l-aħjar prattiki u esperjenzi tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw jibagħtu esperti u impjegati taċ-ċivil b'esperjenza li jistgħu jassistu fit-taħriġ tal-kontrapartijiet Ukraini tagħhom;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fl-għoti ta' assistenza lill-Ukraina, billi jorganizzaw konferenza dwar id-donatur u l-investiment u jikkooperaw mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bil-għan li jiddefinixxu l-passi ulterjuri sabiex jindirizzaw l-irkupru ekonomiku u finanzjarju tal-Ukraina;
14. Jistieden, f'dan ir-rigward, lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni Ewropea biex jieħdu azzjoni konkreta u jorganizzaw trasport speċjali għall-provvisti u t-tagħmir militari mhux letali, inklużi gogils għall-viżjoni billejl u korazza kontra l-balal għas-suldati Ukraini li qed jiġġieldu fil-Lvant tal-pajjiż;
15. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu assistenza teknika u militari lill-forzi armati tal-Ukraina biex b'hekk iżidu l-kapaċitajiet u l-effiċjenza tagħhom fil-kumbattiment;
16. Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina u jissottolinja l-prospettiva rikonoxxuta ġuridikament tal-Ukraina għal sħubija eventwali mal-UE, li fil-prinċipju tingħata skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qabel is-Summit ta' Riga fl-2015;
17. jissottolinja, fid-dawl tal-fatt li tħabbar li ser jitwaqqaf il-proġett South Stream, iż-żieda fl-importanza strateġika tas-Sistema Ukraina għat-Trasport tal-Gass, u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi pjanijiet għall-modernizzazzjoni adegwata tal-pipelines tal-Ukraina; jilqa' s-solidarjetà li wriet l-UE, kif ukoll iż-żieda fl-ammonti ta' gass li qed jaslu fl-Ukraina permezz tal-flussi fid-direzzjoni opposta li ġejjin mill-Istati Membri tal-UE;
18. Jilqa' l-isforzi tal-Gvern Ukrain tal-Prim Ministru Yatsenyuk li jiddiversifika l-provvisti tal-enerġija, u li jiftaħ l-akkwist pubbliku tiegħu għal kumpaniji internazzjonali, pereżempju f'dak li għandu x'jaqsam mal-forniment ta' fjuwils nukleari u l-provvista ta' tagħmir lill-impjanti li jiġġeneraw l-enerġija elettrika.
19. Jiddeplora l-propaganda Russa, immirata lejn l-Ukraina, fil-midja tal-istat, propaganda li fis-soċjetà Russa tqanqal il-mibegħda u l-preġudizzju fil-konfront tal-pajjiż;
20. Jistieden lill-UE turi solidarjetà billi, hija u tirreaġġixxu għall-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukraina u f'pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant, titkellem b'vuċi waħda;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.