Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0023/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
( 2014/3017(RSP) )
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
( 2014/3017(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu[1] u dik tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha: il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta' Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, adottata b'referendum fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi tal-24 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra d-Digriet Presidenzjali Nru 136 tal-Eġittu dwar it-tisħiħ tas-sanzjonijiet kontra r-reat ta' vandaliżmu fuq il-faċilitajiet pubbliċi u tal-gvern tas-27 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-"Programm ta' Appoġġ għat-Triq Lejn id-Demokrazija" tal-Gvern interim tal-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-diskorsi tal-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi tal-1 ta' Jannar 2015 dwar l-estremiżmu Iżlamiku u tas-6 ta' Jannar 2015 dwar il-ħtieġa ta' relazzjonijiet paċifiċi u kostruttivi bejn il-Musulmani u l-Insara fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon tal-25 ta' Ottubru 2014 dwar l-attakki terroristiċi fis-Sinaj,
– wara li kkunsidra d-diskors ta' Anita Nirody, il-Koordinatur Residenti tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Rappreżentant Residenti tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) fl-Eġittu, tad-9 ta' Diċembru 2014 dwar l-isforzi tal-Eġittu biex jimmodernizza u jsaħħaħ it-trasparenza tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni u ta' responsabbilizzazzjoni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Eġittu hu firmatarju tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Gvern Eġizzjan kellu rwol essenzjali fil-medjazzjoni għal tregwa u mbagħad għal waqfien mill-ġlied ta' tul indeterminat bejn l-Iżrael u l-Palestina, wara kunflitt ta' seba' ġimgħat li wassal għall-mewt ta' madwar 2 200 Palestinjan u 70 Iżraeljan f'Lulju u Awwissu 2014;
B. billi r-rappreżentant tal-Eġittu fin-Nazzjonijiet Uniti, Amr Abu Al-Atta, ippreżenta riżoluzzjoni adottata mis-60 sessjoni plenarja tan-Nazzjonijiet Uniti f'Novembru 2014, li fiha jindirizza s-sitwazzjoni fil-Palestina u jenfasizza kwistjonijiet reċenti f'Ġerusalemm tal-Lvant;
C. billi fil-5 ta' Jannar 2015 l-Eġittu fforma "ċellola ta' kriżi" għal 20 ċittadin, kollha kemm huma Nsara, li sfaw maħtufa f'żewġ inċidenti separati fil-Libja;
D. billi matul is-sajf tal-2014, uffiċjali tal-ISIS inkarigati mill-operazzjonijiet u mill-intelligence infiltraw fil-Peniżola tas-Sinaj u ħakmu lill-ġiħadisti lokali ta' Ansar Beit al-Maqdas, u b'hekk fetħu front ġdid perikoluż kontra l-Eġittu u l-Iżrael; billi l-armata Eġizzjana ħabbret l-intenzjoni tagħha li tespandi ż-żona ta' lqugħ fis-Sinaj, tul il-fruntiera ta' Gaza, sa żewġ kilometri;
E. billi fl-24 ta' Ottubru 2014, 28 suldat Eġizzjan inqatlu u 30 oħra sfaw midruba meta karozza bomba splodiet fil-punt ta' kontroll tas-sigurtà ta' Karm al-Aawadis f'Sheikh Zuweid fit-Tramuntana tas-Sinaj;
F. billi, fl-istqarrija tiegħu waqt żjara f'quddiesa tal-Milied Kopta fis-6 ta' Jannar 2015, il-President tal-Eġittu Abdul Fattah al-Sisi appella għal "rivoluzzjoni reliġjuża" u talab lill-mexxejja Musulmani jagħtu l-għajnuna tagħhom fil-ġlieda kontra l-estremiżmu;
G. billi l-UE hija marbuta mal-Eġittu permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2004 u li huwa ffukat fuq il-kooperazzjoni fir-riforma demokratika u soċjali, il-modernizzazzjoni ekonomika, il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-kummerċ;
H. billi l-Eġittu għadu għaddej minn perjodu ta' taqlib politiku, li qed jirriżulta fi ksur serju tad-dritt għal proċess ġust, tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, tal-libertà tar-reliġjon u tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
I. billi fit-23 ta' Ġunju 2014 tliet ġurnalisti tal-Al-Jazeera kienu akkużati b'"falsifikar tal-aħbarijiet" u b'appartenenza għal, jew għoti ta' għajnuna lil, ċellola terroristika, u ngħataw sentenzi ta' bejn 7 u 10 snin ħabs; billi f'Diċembru 2014 qorti Eġizzjana talbet li tliet ġurnalisti arrestati tal-Al-Jazeera jsirilhom proċess mill-ġdid, liema talba rrikonoxxiet nuqqasijiet kbar fil-kundanni oriġinali iżda ħalliet dawn l-irġiel fi stat ta' priġunerija inġusta;
J. billi f'Ottubru 2014 il-President al-Sisi ħareġ digriet, il-Liġi 136 tal-2014, li jqiegħed il-"faċilitajiet pubbliċi u essenzjali" kollha taħt ġurisdizzjoni militari għas-sentejn li ġejjin;
K. billi prosekuturi ċivili użaw id-digriet ta' Ottubru retroattivament u rreferew lill-ġurisdizzjoni militari l-kawżi ta' ċivili li diġà kienu qed jiġu investigati jew li kienu qed jiffaċċjaw proċess fi qrati ċivili;
L. billi b'hekk il-qrati militari Eġizzjani joperaw taħt l-awtorità tal-Ministeru tad-Difiża u mhux taħt l-awtoritajiet ġudizzjarji ċivili, u l-imħallfin qed jaqdu lil uffiċjali militari;
M. billi t-tfal jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati militari;
N. billi l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, hija u tinterpreta l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (li l-Eġittu huwa stat firmatarju tagħha), qalet li l-qrati militari "taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq iċ-ċivili";
O. billi, wara l-attakk terroristiku f'Awwissu 2013 fuq għassa tal-pulizija qrib Kerdasa, li fih mietu ħdax-il pulizija u żewġ ċivili, qorti kriminali Eġizzjana tat sentenzi ta' mwiet tal-massa kontra 188 imputat fit-2 ta' Diċembru 2014;
P. billi, qabel dan il-każ, imħallef fil-gvernaturat ta' Minya impona 1 212-il sentenza tal-mewt f'Marzu u April 2014, wara żewġ proċessi li oriġinaw minn attakki fuq għases tal-pulizija fl-2013 li ħallew mejta tal-anqas żewġ pulizija oħra;
Q. billi fl-2013 studju governattiv sab li 99,3 % tan-nisa Eġizzjani rrappurtaw li kienu ffastidjati f'xi punt f'ħajjithom, u billi għadu rari li l-irġiel Eġizzjani jinżammu responsabbli għal stupru jew għal episodji ta' fastidju sesswali;
R. billi, għalkemm l-omosesswalità mhijiex speċifikament ipprojbita skont il-liġi Eġizzjana, l-istat xorta jippersegwita u jibgħat il-ħabs individwi LGBT fuq akkużi ta' "debuxxjar" u "atti pubbliċi indeċenti";
S. billi, qabel ma l-President Morsi tneħħa f'Lulju 2013, il-gvern tiegħu ddominat mill-Fratellanza Musulmana kien wera disprezz fil-konfront tal-ħarsien tad-drittijiet, b'żieda fil-prosekuzzjonijiet ta' ġurnalisti, fl-abbużi tal-pulizija u fil-vjolenza settarja;
1. Jirrikonoxxi r-rwol strateġiku tal-Eġittu fit-trattament tal-infiltrazzjoni ta' ċelloli terroristiċi tal-ISIS fil-Peniżola tas-Sinaj, fl-iżvelar ta' ċelloli ta' reklutaġġ tal-ISIS fil-bqija tal-pajjiż u fl-istabbiltà tar-reġjun tal-Mediterran;
2. Japprezza l-isforzi produttivi tal-Eġittu maħsuba biex jagħtu kontribut għall-waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Palestina matul is-sajf tal-2014;
3. Jilqa' r-riformi istituzzjonali tal-Eġittu u l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jimmodernizza u jsaħħaħ it-trasparenza tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni u ta' responsabbilizzazzjoni;
4. Jinnota bi tħassib li, anki wara d-depożizzjoni tal-President Morsi, numru kbir ta' avversarji politiċi, dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, bloggers, trejdunjonisti, attivisti tas-soċjetà ċivili u minoranzi ntbagħtu l-ħabs mingħajr proċess ġust;
5. Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani, lill-President al-Sisi u lill-Gvern interim li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu ma għandhiex iżżommhom milli jaqdu l-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jistieden lill-atturi politiċi kollha jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel u bla vjolenza lejn l-elezzjonijiet demokratiċi previsti fl-aħħar ta' Marzu 2015;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u t-tixrid tal-użu ta' proċessi militari kontra ċ-ċivili wara l-adozzjoni tal-Liġi 136;
8. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfasslu u jimplimentaw strateġija komprensiva u mmirata biex jinvolvu lill-partiti politiċi u lill-atturi Eġizzjani kollha fi djalogu ġenwin u inklużiv bil-għan li jissaħħaħ il-proċess demokratiku u li jitwaqqaf iċ-ċiklu ta' vjolenza fuq in-naħat kollha;
9. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tat-terroriżmu u tal-użu eċċessiv tal-forza min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu.