Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2015                                                                                                                B8‑0024/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

( 2014/3017(RSP) )

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Tunne Kelam, Mariya Gabriel, Eduard Kukan, Daniel Caspary, Davor Ivo Stier, Michael Gahler, Fernando Ruas, Claude Rolin, Traian Ungureanu, Dubravka Šuica, Barbara Matera, Giovanni La Via, Pascal Arimont, Monica Macovei, Ivana Maletić, Lara Comi

f'isem il-Grupp PPE

 

B8‑0024/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

( 2014/3017(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, trattat vinkolanti li l-Eġittu rratifika fl-1982,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress tal-Eġittu adottat fis-27 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, adottata b'referendum fil-15 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Eġittu għadda minn diversi sfidi politiċi diffiċli sa mir-rivoluzzjoni tal-2011 u jeħtieġ l-appoġġ u l-assistenza tal-komunità internazzjonali biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà tiegħu;

B.     billi l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hi pass importanti fil-proċess demokratiku; billi l-Kostituzzjoni tħaddan drittijiet u libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea;

C.     billi sa mir-revoluzzjoni ta' Jannar 2011 li neħħiet mis-setgħa lil Hosni Mubarak, imħallfin Eġizzjani frekwentement imponew kastigi ħorox u kontroversjali fuq dissidenti politiċi;

D.     billi fit-2 ta' Diċembru 2014 il-Qorti Kriminali ta' Gizeh tat sentenzi tal-mewt preliminari fuq 188 akkużat għal attakk vjolenti fuq għassa tal-pulizija f'Kerdasa fl-14 ta' Awissu 2013;

E.     billi fid-29 ta' Novembru 2014 qorti Eġizzjana fil-Kajr, fi proċess ġdid, waqqgħet l-akkużi kontra l-president preċedenti Mubarak, akkużi li kienu relatati mal-qtil ta' 239 dimostrant mill-pulizija fl-irvell tal-2011; billi l-ewwel proċess fl-2012 rriżulta f'sentenza tal-mewt; billi l-President preċedenti għad fadallu tliet snin ħabs f'każ separat dwar korruzzjoni;

F.     billi s-sentenzi ta' mewt lil 1 200 persuna ingħataw fi proċessi tal-massa f'Marzu u April 2014 kontra membri tal-Fratellanza Musulmana u allegat sostenituri tal-imkeċċi President Morsi, fuq akkużi li jvarjaw minn theddid għall-ordni pubbliku għal sabutaġġ fl-involviment fil-qtil ta' uffiċjali tal-pulizija; billi fit-2 ta' Ottubru 2014 l-imħallef Eġizzjan involut fl-għoti tas-sentenzi tal-mewt fil-każijiet Minya tneħħa mill-ġudikatura kriminali;

G.     billi l-maġġoranza tas-sentenzi tal-mewt, għalkemm mhux kollha, inbidlu f'sentenzi ta' għomor il-ħabs;

H.     billi għadd ta' ġurnalisti kienu pproċessati fl-2014 fuq akkużi relatati ma' theddid għall-unità nazzjonali u mal-paċi soċjali, billi mexxew rapporti ta' aħbarijiet foloz u kkollaboraw mal-Fratellanza Musulmana; billi l-Qorti tal-Kassazzjoni fil-Kajr tat sentenza dwar nuqqasijiet proċedurali fil-proċess ta' tliet ġurnalisti tal-Al-Jazeera li ġew mogħtija sentenzi li jvarjaw minn seba' sa għaxar snin ħabs, u ordnat li jerġa' jsir il-proċess;

I.      billi fl-24 ta' Ottubru 2014 terroristi attakkaw checkpoints militari fil-penisula tas-Sinai, filwaqt li qatlu 31 membru tal-forzi tas-sigurtà Eġizzjani, u billi l-Eġittu jinsab ġenwinament quddiem theddida ta' terroriżmu u ta' estremiżmu vjolenti; billi ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-parti tat-tramuntana tal-penisula tas-Sinai wara l-attakk terrorista ta' Ottubru 2014; billi qed iseħħu atti ta' terroriżmu f'dan ir-reġjun kważi ta' kuljum;

J.      billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014 fl-Eġittu seħħew f'kuntest fejn kienet ristretta ferm il-libertà tal-espressjoni, filwaqt li kull forma ta' dissens u ta' kritika, inkluż dawk minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ġew imrażżna;

K.     billi l-elezzjonijiet parlamentari kienu mħabbra uffiċjalment għall-21 ta' Marzu u l-25 ta' April 2015;

L.     billi hemm polarizzazzjoni estrema tal-midja Eġizzjana f'fazzjonijiet favur u kontra Morsi, li qed issaħħaħ il-polarizzazzjoni tas-soċjetà Eġizzjana;

M.    billi proposti ġodda ta' leġiżlazzjoni jkomplu jirrestrinġu l-ħidma ta' NGOs domestiċi u barranin, li jinsabu partikolarment imħassba dwar l-abbozz ta' liġi ġdid li jwaqqaf il-flus u materjal milli jilħqu terroristi u gruppi oħra armati imma li jimpedixxi l-NGOs milli jirċievu fondi barranin, li fuqhom jiddependu ħafna minnhom;

N.     billi l-awtoritajiet Eġizzjani issikkaw l-ingassa fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea bl-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni ripressiva, b'hekk għamluha aktar faċli għall-gvern li jsikket lill-kritiċi tiegħu u juża mezzi ripressivi fuq il-protesti;

O.     billi tal-inqas 16 000 individwu, fosthom 1 000 persuna li pprotestat, inżammu f'detenzjoni sa minn Jannar 2014, u billi ħafna minn dawk detenuti ġew arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-għaqda, l-assoċjazzjoni u l-espressjoni, jew għal allegata affiljazzjoni mal-Fratellanza Musulmana;

P.     billi fit-3 ta' Jannar 2015 militanti Iżlamisti fil-Libja ħatfu 20 Eġizzjan Kristjan fiż-żona ta' Sirte; billi dan seħħ wara l-qtil tal-koppja Eġizzjana Kopta minn Sirte u l-ħtif u l-qtil sussegwenti tat-tifla tagħhom ta' 18-il sena lejn tmiem l-2014;

Q.     billi l-awtoritajiet Eġizzjani pproċessaw mijiet ta' persuni ċivili fi qrati militari fuq il-bażi ta' digriet tas-27 ta' Ottubru 2014 mill-President Al-Sisi, digriet li kien applikat b'mod retroattiv mill-prosekuturi ċivili;

R.     billi l-livell ta' impenn tal-UE mal-Eġittu għandha tkun abbażi ta' inċentivi, bi qbil mal-prinċipju 'aktar għal aktar' tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u għandha tiddependi fuq il-progress fir-riformi tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

1.      Jenfasizza l-importanza li l-UE tagħti lill-kooperazzjoni tagħha mal-Eġittu bħala ġar u sieħed importanti; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Eġittu għall-istabbiltà tar-reġjun; jenfasizza s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Eġittu u li hu impenjat li jkompli jappoġġa l-Eġittu fil-proċess ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, filwaqt li jirrispetta u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u jippromovi l-ġustizzja soċjali u s-sigurtà;

2.      Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristi riċenti fuq il-Penisula tas-Sinai u l-atti l-oħra kollha ta' terroriżmu kontra l-Eġittu; jenfasizza li l-UE u l-komunità internazzjonali għandhom jappoġġaw u jikkooperaw mal-Eġittu fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu;

3.      Jenfasizza l-importanza tal-Eġittu bħala attur internazzjonali u jittama li jkompli jkollu rwol fit-tnedija tan-negozjati ġenwini ta' paċi li jwasslu fi tmiemu l-konflitt bejn l-Għarab u l-Iżrael; għandu fiduċja, barra minn hekk fil-kontribut kostruttiv tal-Eġittu fit-tiftix għall-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran, attwalment l-aktar fil-Libja u fil-Lvant Nofsani, li attwalment qed jiffaċċaw sfidi kbar u konfrontazzjonijiet miftuħa; itenni r-rieda tal-UE li taħdem mal-Eġittu bħala sħab fir-reġjun biex ikunu indirizzati dawn id-theddidiet serji;

4.      Jilqa' u jinkoraġġixxi passi li ħa l-Gvern Eġizzjan bħala appoġġ għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-komunitajiet reliġjużi; ifakkar fid-dispożizzjoni inkluż fl-Artikolu 235 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, li tistipula li l-parlament elett ġdid, matul l-ewwel terminu leġiżlattiv, irid joħroġ liġi li tirregola l-kostruzzjoni u r-rinnovament tal-knejjes b'mod li tkun garantita l-libertà tal-prattika reliġjuża għall-Kristjani;

5.      Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li s-suċċess fuq terminu twil tal-Eġittu u tal-poplu tiegħu jiddependi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u fuq il-fatt li jkunu stabbiliti u ankrati istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu wkoll impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-prinċipji tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali;

6.      Itenni, bi qbil mas-sejbiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, li l-elezzjonijiet ma laħqux l-istandards internazzjonali applikabbli u ma rrispettawx b'mod sħiħ id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Kostituzzjoni ġdida adottata, minħabba li kien hemm limitazzjoni għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea u regolamentazzjoni insuffiċjenti dwar l-iffinanzjar tal-kampanja, id-dritt li tipparteċipa bħala kandidat u d-dritt għall-vot;

7.      Jistieden lill-Gvern Eġizzjant jindirizza n-nuqqasijiet fl-elezzjonijiet presidenzjali fit-tħejjijiet għall elezzjonijiet parlamentari mħabbra għall-21 ta' Marzu u l-25 ta' April 2015;

8.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-proċessi tal-massa mill-qrati Eġizzjani u l-għadd kbir ta' sentenzi ta' mewt mogħtija minnhom; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani biex iżommu u jirrispettaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiegħu l-Eġittu hu parti, u l-aktar l-Artikolu 14 tiegħu dwar id-dritt ta' proċess ġust u fil-ħin abbażi ta' akkużi ċari u li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-konvenuti;

9.      Itenni l-oppożizzjoni tal-UE għall-użu tal-piena kapitali u li l-UE għamlet l-abolizzjoni tagħha prijorità tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem;

10.    Jinnota l-proċess mill-ġdid tal-ġurnalisti tal-Al-Jazeera imma jibqa' mħasseb dwar it-trażżin fuq il-midja u fuq l-oppożizzjoni politika fl-Eġittu; iħħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġiżżjani biex minnufih jeħilsu lill-ġurnalisti detenuti talli wettqu attivitajiet leġittimi ta' rappurtar ta' aħbarijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll ta' persuni arrestati sempliċement għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' libertà ta' espressjoni u tal-assemblea paċifika;

11.    Jenfasizza r-rwol vitali li għandha l-midja u s-soċjetà ċivili fil-proċess demokratiku; jistieden lill-Gvern tal-Eġittu jiżgura li l-leġiżlazzjoni dwar l-assoċjazzjonijiet u li hi marbuta mal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tat-twemmin tkun kumpatibbli b'mod sħiħ mal-istandards internazzjonali u mal-liġi umanitarja internazzjonali; jenfasizza li hi biss soċjetà pluralista u inklużiva li tista' tiżgura stabbiltà u sigurtà fl-Eġittu fuq terminu twil;

12.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu passi konkreti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, jiġu implimentati bis-sħiħ, biex b'hekk juru li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u għandhom jibdew billi jirrilaxxaw minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri tal-kuxjenza;

13.    Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistidinhom jipprijoritizzaw il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-ġustizzja;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Eġizzjan, lill-Parlament Eġizzjan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.