Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0030/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ruža Tomašić, Valdemar Tomaševski, Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, inkluża dik tat-18 ta' Settembru 2014[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Jannar 2015 tal-gvernijiet ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tappella għal waqfien mill-ġlied immedjat fil-Libja, djalogu politiku inklużiv u t-trasferiment tal-armi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, inkluża dik tal-10 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) dwar iż-żieda f'daqqa fl-attività militari fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Libja ilha mifnija mill-instabbiltà u l-ġlied intern sa mill-waqgħa tal-Kurunell Muammar Gaddafi fl-2011;
B. billi milizzji rivali bħalissa jikkontrollaw il-parti l-kbira tal-pajjiż inklużi l-akbar żewġt ibliet, Tripli u Bengażi; billi l-belt ta' Sirte saret rifuġju għall-ġellieda Iżlamisti;
C. billi minn mindu l-ġlied bejn gruppi rivali intensifika f'Mejju, mijiet ta' ċivili nqatlu u mijiet ta' eluf oħra ħarbu minn djarhom; billi dan il-ġlied intensifika anke aktar matul dawn l-aħħar ġimgħat;
D. billi minkejja l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali f'Ġunju 2014, l-aspirazzjonijiet li l-waqgħa tal-Kurunell Gaddafi ġabet magħha għall-poplu Libjan ġew imfixkla mill-firda politika u l-vjolenza; billi fi Tripli u Tobruk ilhom joperaw għal diversi xhur gvernijiet u parlamenti rivali;
E. billi fis-6 ta' Novembru 2014 il-Qorti Kostituzzjonali Suprema fi Tripli ddeċidiet li l-elezzjonijiet ta' Ġunju kienu antikostituzzjonali u li l-parlament u l-gvern ibbażati f'Tobruk u li rriżultaw minn dak il-vot għandhom jiġu xolti;
F. billi l-vjolenza reċenti fil-Libja, inkluż permezz ta' attakki mill-ajru, qed tkompli żżid it-tbatija tal-poplu Libjan;
G. billi l-maġġoranza l-kbira ta' dawk milquta minn din il-mewġa ta' vjolenza kienu persuni ċivili; billi dawk li qed iwettqu atti vjolenti jidher li ftit jew xejn jimpurtahom minn dak li x'aktarx ikun l-impatt tal-azzjonijiet tagħhom fuq partijiet innoċenti;
H. billi l-vjolenza, il-firda u l-istaġnar politiku wasslu għal deterjorament ġenerali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-Libja;
I. billi hemm ħtieġa urġenti li terġa' tiġi stabbilita l-kredibbiltà tal-proċess politiku fil-Libja bil-għan li l-ġlied jiġi fi tmiemu;
J. billi fil-jiem li ġejjin huwa ppjanat li f'Ġinevra jsir rawnd ġdid ta' djalogu politiku li għandu l-għan li jsolvi l-kunflitt attwali;
K. billi l-kontinwazzjoni tal-vjolenza u l-instabbiltà fil-Libja żżid it-theddida ta' gruppi terroristiċi u jekk ma jitrażżnux jistgħu jgħarrqu s-sitwazzjoni diġà volatili fir-reġjun kollu kemm hu;
L. billi f'Diċembru 2014 ġie rappurtat li militanti tal-Istat Iżlamiku stabbilixxew kampijiet tat-taħriġ fil-Lvant tal-Libja;
M. billi fl-2014 il-flotta navali Taljana salvat għexieren ta' eluf ta' nies li kienu fi triqithom lejn l-Ewropa mill-Afrika ta' Fuq fuq dgħajjes inadatti u mgħobbija żżejjed; billi f'Novembru 2014 ġie rappurtat li l-gwardji kostali fi Tripli kienu waqqfu r-rondi maħsuba biex jiġi evitat li l-migranti jippruvaw jaqsmu l-Mediterran;
N. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat fil-Libja żdiedu l-attakki fuq Insara Kopti mill-Eġittu, inkluż il-ħtif ta' 13-il ħaddiem f'Sirte fit-3 ta' Jannar 2015;
O. billi d-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fi Tripli wassal għar-rilokazzjoni temporanja f'Tuneż u Brussell tal-persunal li jaħdem mal-missjonijiet EUBAM u EUDEL;
1. Jesprimi tħassib dejjem akbar dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Libja, l-imwiet, u l-impatt fuq l-eluf ta' persuni li ġew imġiegħla jħallu djarhom biex jaħarbu mill-vjolenza;
2. Jiddeplora l-vjolenza li għaddejja u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Libja mill-partijiet kollha u jappella biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja f'konformità mad-dritt internazzjonali;
3. Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-vjolenza biex jimpenjaw ruħhom għal waqfien inkondizzjonat mill-ġlied u biex jinvolvu ruħhom mingħajr kundizzjonijiet fl-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, bil-għan li l-gruppi rivali jinġiebu flimkien f'taħditiet ta' paċi sinifikanti;
4. Jilqa' l-fatt li fil-jiem li ġejjin huwa ppjanat li jsir rawnd ġdid ta' djalogu politiku f'Ġinevra, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fil-proċess bil-għan komuni li jintemm il-kunflitt;
5. Ifaħħar l-isforzi bla waqfien tar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino León, biex jiġi negozjat dan id-djalogu politiku;
6. Jikkondividi t-tħassib tal-ġirien tal-Libja li l-vjolenza kontinwa tista' tinfirex fil-pajjiżi li jmissu magħha, bil-periklu li dan ikompli jiddestabbilizza r-reġjun u jiffavorixxi t-tixrid tat-terroriżmu; jemmen ukoll li l-vjolenza fil-Libja hija ta' theddida diretta għall-Unjoni Ewropea;
7. Jikkundanna t-tattiċi ta' dawk l-individwi u l-gruppi fil-Libja li qed ifixklu konxjament l-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex jinkisbu l-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż;
8. Jemmen li huwa biss bid-djalogu politiku li tista' tissolva b'mod paċifiku l-kriżi fil-Libja u tintemm il-vjolenza;
9. Jappoġġja l-implimentazzjoni ta' miżuri restrittivi kontra dawk li jwettqu atti ta' vjolenza fil-Libja, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
10. Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tar-rifuġjati li qegħdin jaħarbu mil-Libja lejn l-Ewropa fuq dgħajjes perikolużi u mgħobbija żżejjed; jiddispjaċih ukoll li f'dawn l-aħħar xhur mijiet ta' persuni mietu huma u jaqsmu l-baħar;
11. Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-poplu Libjan jissodisfa l-ambizzjoni tiegħu li jistabbilixxi Stat demokratiku, stabbli u prosperu, f'konformità mal-impenji stabbiliti fil-politiki tal-viċinat tagħha għan-Nofsinhar tal-Mediterran;
12. Jilqa' l-azzjonijiet meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Al-Qaeda biex jiġu elenkati l-Ansar Al Sharia Benghazi (AAS-B) u l-Ansar Al Sharia Derna (AAS-D), gruppi li kienu responsabbli għal atti ta' terroriżmu fil-Libja, fosthom bumbardamenti, ħtif ta' persuni u qtil;
13. Jemmen li azzjoni bħal din tibgħat messaġġ qawwi u ċar mill-komunità internazzjonali li hija se tieħu azzjoni kontra gruppi estremisti li jheddu l-paċi u s-sigurtà fil-Libja;
14. Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif u l-attakki reċenti fil-konfront ta' ħaddiema Insara Kopti fil-Libja, u jappella biex dawk miżmuma jinħelsu minnufih;
15. Jemmen li ż-żieda reċenti fil-vjolenza hija tentattiv dirett biex jiġu mminati l-isforzi li għandhom l-għan li jiżguraw il-paċi u r-rikonċiljazzjoni politika;
16. Ifakkar lil dawk involuti fl-attività militari li l-azzjonijiet tagħhom huma bi ksur tar-Riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-2014, u li dawk li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja se jiffaċċjaw sanzjonijiet immirati;
17. Jistieden lill-atturi reġjonali kollha, inklużi l-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana, biex jaħdmu ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra sabiex itemmu l-vjolenza fil-Libja u jgħinu fil-bini ta' pajjiż stabbli, inklużiv u demokratiku;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Unjoni Afrikana u lil-Lega Għarbija.