Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2015                                                                                                                B8‑0032/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

( 2014/3018(RSP) )

Mariya Gabriel, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Tunne Kelam, Daniel Caspary, Davor Ivo Stier, Michael Gahler, Claude Rolin, Traian Ungureanu, Dubravka Šuica, Philippe Juvin, Barbara Matera, Giovanni La Via, Pascal Arimont, Monica Macovei, Ivana Maletić, Lara Comi

f'isem il-Grupp PPE

 

B8‑0032/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

( 2014/3018(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Libja tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-6 ta' Novembru, tas-16 ta' Diċembru u tat-30 ta' Diċembru 2014, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Libja tal-20 ta' Ottubru, tas-17-18 ta' Novembru u tal-5 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Libja tal-Istati Uniti, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Spanja u r-Renju Unit tas-7 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1970, 1973 (2011) u 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) intitolat "Aġġornament dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" tat-23 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari Libjani li saru f'Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali għalihom tal-1977, kif ukoll l-obbligu li jkollhom il-partijiet involuti f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw ir-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza tal-Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Assoċjat, u l-Protokoll Fakultattiv għaliha,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),

–       wara li kkunsidra l-Pakkett tal-PEV dwar il-Libja ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kunflitt intern fil-Libja qiegħed f'periklu dejjem jiżdied li jinbidel fi gwerra ċivili fuq skala sħiħa, u b'hekk jirriżulta f'aktar tbatija għaċ-ċivili, imwiet, spostjar tal-massa u kriżi umanitarja dejjem aktar estensiva;

B.     billi nhar l-4 ta' Jannar 2015 il-Forza tal-Ajru Libjana bbumbardjat tanker taż-żejt taħt operat Grieg fiż-żona militari tal-port ta' Derna, u dan wassal biex inqatlu Grieg wieħed u membru wieħed Rumen tal-ekwipaġġ u biex indarbu tnejn oħra; billi l-port hu kkontrollat minn militanti Iżlamisti u ġie attakkat diversi drabi matul is-sena li għaddiet;

C.     billi nhar it-3 ta' Jannar 2015, fi stqarrija uffiċjali tal-gvern, ġie ddikjarat li l-milizzzja tal-Istat Iżlamiku qatlet 14-il suldat tal-armata Libjana u li l-gvern apella lill-komunità internazzjonali biex tneħħi l-embargo tal-armi fuq il-pajjiż sabiex ikun jista' jiġġieled kontra din il-milizzzja, li hu jikkwalifika bħala terroristi;

D.     billi l-ISIS qed tħarreġ lill-kumbattenti fil-Libja u qed tistabbilixxi fergħa fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż; billi nhar it-30 ta' Diċembru 2014 terroristi splodew karozza bomba f'Tobruk, indirizzata kontra sessjoni tal-Kamra tad-Deputati;

E.     billi nhar it-28 ta' Diċembru 2014 il-kmandant tal-milizzzja, il-Ġeneral Heftar, mexxa attakki mill-ajru kontra Misrata, fortizza tal-grupp ta' milizzzji Iżlamist 'Żerniq il-Libja', f'dik li hija meqjusa bħala l-vendetta għall-attakki tal-milizzji Iżlamisti tal-25 ta' Diċembru 2014 attakki fuq l-akbar terminal taż-żejt tal-Libja f'Sidra u fuq is-suldati tal-armata Libjana f'Sirte, fejn inqatlu 22 minnhom;

F.     billi nħatfu 20 Nisrani Koptiku Eġizzjan minn militanti tal-grupp Ansar al-Sharia f'Sirte, taħt il-kontroll ta' milizzji Iżlamisti, f'dak li hu l-aħħar attakk minn numru dejjem jiżdied ta' attakki fuq Insara u minoranzi reliġjużi oħra fil-Libja; billi żdiedu b'rata kontinwa d-detenzjonijiet, il-ħtif, it-tortura u l-eżekuzzjonijiet ta' min ikun issuspettat li jkun kumbattent fuq in-naħat kollha;

G.     billi nhar il-25 ta' Ġunju 2014 saru l-elezzjonijiet leġiżlattivi; billi l-Kamra tad-Deputati li ġiet eletta b'mod leġittimu ġiet imċaqalqa minn Tripli lejn Tobruk; billi l-milizzji Iżlamisti ma jirrikonoxxux lill-Kamra tad-Deputati jew il-gvern il-ġdid u fformaw gvern u parlament għalihom;

H.     billi nhar is-6 ta' Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana fi Tripli ddeċidiet li l-elezzjonijiet ġenerali tal-25 ta' Ġunju 2014 kienu inkostituzzjonali u li għaldaqstant il-Kamra tad-Deputati f'Tobruk, li kellha r-rikonoxximent internazzjonali, u l-Gvern al-Thinni huma illegali u għandhom jiġu xolti;

I.      billi l-Kamra tad-Deputati rrifjutat din id-deċiżjoni, waqt li qalet li din id-deċiżjoni toħroġ mil-limiti tal-mandat tal-qorti, li saret taħt pressjoni mill-milizzji Iżlamisti fi Tripli u li l-Kamra tad-Deputati u l-gvern se jibqgħu jiffunzjonaw;

J.      billi d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema rriżultat fi sfida ulterjuri għall-unità tal-Libja, b'xi gruppi Iżlamisti li qed jappellaw għall-indipendenza għall-provinċja tal-Lvant ta' Ċirenajka;

K.     billi nhar id-19 ta' Diċembru 2014 Summit tal-G5 tas-Saħel bejn il-mexxejja tal-ħames stati membri tiegħu, il-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer, iċ-Ċad u l-Burkina Faso, ippreżentaw talba uffiċjali lill-Kunsill ta' Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana biex jifformaw forza ta' intervent militari internazzjonali għal-Libja;

L.     billi l-ġlied reċenti ffaċilita bil-kbir it-tixrid u l-insedjar ta' gruppi terroristiċi bħall-ISIS fil-pajjiż; billi, jekk ma jiġix indirizzat, dan jista' jirrappreżenta theddida ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE;

M.    billi nhar it-8 ta' Jannar 2015 il-fergħa Libjana tal-ISIL iddikjarat li wettqet l-eżekuzzjoni ta' żewġ ġurnalisti Tuneżini;

N.     billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qed tkompli tmur lura fil-pajjiż kollu, inklużi każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, ħtif, qtil illegali, tortura u vjolenza kontra ġurnalisti, uffiċjali, figuri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

O.     billi jeżistu rapporti ta' involviment estern fil-vjolenza fil-Libja, anki fil-forma ta' azzjoni militari u l-forniment ta' armi u munizzjon, kif ukoll azzjonijiet imwettqa li jaggravaw id-diviżjonijiet lokali, biex b'hekk iħallu impatt fuq l-istrutturi ta' governanza dgħajfa u għalhekk jippreġudikaw it-tranżizzjoni demokratika tal-Libja; billi xi Stati tal-Golf u xi atturi reġjonali oħrajn issa qegħdin jappoġġaw il-partijiet rivali fit-taqlib intern Libjan li qiegħed jiħrax;

P.     billi r-Riżoluzzjoni 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tawtorizza l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' assi fil-konfront ta' "l-individwi u l-entitajiet li l-Kumitat ikun stabilixxa li huma involuti fi jew qed jipprovdu appoġġ għal atti oħra li jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha";

1.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi ż-żieda fil-vjolenza fil-Libja, u b'mod partikolari lill-aktar episodji riċenti ta' attakki minn milizzji u terroristi, inkluż il-bumbardament fatali ta' tanker taż-żejt fil-port ta' Derna nhar l-4 ta' Jannar 2015, l-attakk mill-ajru tat-28 ta' Diċembru 2014 fuq Misrata u l-ħtif ta' Nsara Koptiċi, li kollha jkomplu jippreġudikaw il-prospetti għal riżoluzzjoni politika paċifika u ritorn għall-proċess ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija;

2.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-kunflitt qed iwassal għal polarizzazzjoni politika ulterjuri u kriżi umanitarja dejjem tikber fil-Libja; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jieqfu mill-vjolenza, joqogħdu lura minn azzjonijiet li joħolqu aktar firda u polarizzazzjoni, jiddikjaraw pubblikament li mhumiex se jittolleraw azzjonijiet ta' dan it-tip u jfittxu soluzzjonijiet permezz ta' djalogu politiku;

3.      Itenni l-appoġġ qawwi u sħiħ tiegħu għall-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Bernardino León, fl-isforzi tagħhom biex jgħaqqdu lill-partijiet fil-konflitt flimkien fi djalogu nazzjonali inklużiv (il-proċess Ghadames), immirat lejn waqfien sħiħ mill-ġlied u pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni lejn demokrazija li tippermetti l-parteċipazzjoni politika tal-partijiet ikkonċernati kollha, jippromwovu l-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u jżommu responsabbli lil min jippreġudika l-prospetti għal djalogu u min ikun responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jiddispjaċih li d-djalogu nazzjonali nnegozjat min-NU ġie kontinwament imdewwem;

4.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Kamra tad-Deputati eletta f'Tobruk bħala l-uniku parlament leġittimu b'segwitu għall-elezzjonijiet ta' Ġunju 2014; itenni l-appell tiegħu lill-Kamra tad-Deputati u l-gvern uffiċjali biex iwettqu l-kompiti tagħhom abbażi tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fi djalogu politiku nazzjonali inklużiv fl-interess tal-pajjiż kollu;

5.      Jinsab ippreokkupat serjament minħabba l-preżenza dejjem akbar ta' organizzazzjonijiet u movimenti estremisti fil-Libja; jemmen li r-reġjun qiegħed fir-riskju li jispiċċa f'kaos qerriedi simili għal dak li qed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq; jemmen li dawn il-gruppi jirrappreżentaw theddida ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun kollu, u anke għas-sigurtà tal-Ewropa;

6.      Jappella lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex ikomplu jappoġġaw l-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jwaqqfuh milli jkompli jinfirex aktar u milli jistabbilixxi bażijiet ġodda fil-Libja;

7.      Jissottolinja l-impatt destabbilizzanti li l-kunflitt Libjan qed ikollu fuq pajjiżi oħra fir-reġjun tas-Saħel; jappella lill-pajjiżi ġirien u l-atturi reġjonali l-oħra biex jappoġġaw l-isforzi tal-UNSMIL indirizzati lejn id-djalogu u biex joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tmur kontra dan;

8.      Jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika mill-UE u l-komunità internazzjonali biex jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja, il-qagħda ta' min jiġi spostjat internatament u tar-refuġjati u dik taċ-ċivili li qed jaffaċċjaw taqlib fl-aċċess għas-servizzi bażiċi;

9.      Itenni l-appell tiegħu lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex teżamina mill-ġdid il-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, li attwalment tinsab inattiva u hi stazzjonata fit-Tuneżija, b'mod li titqies il-bidla drammatika fis-sitwazzjoni fil-pajjiż;

10.    Ifakkar fir-Riżoluzzjoni 2174 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), adottata nhar is-27 ta' Awwissu 2014, li twessa' s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti fuq il-Libja biex jinkludu r-responsabilità kriminali ta' min jappoġġa jew ikun involut f'atti li "jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jippreġudikaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha"; jappella lill-UE biex, bi qbil mad-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-30 ta' Diċembru 2014, tkun lesta timplimenta miżuri restrittivi kontra l-individwi u l-entitajiet li jkunu qed jalimentaw il-vjolenza; jappella lill-komunità internazzjonali biex tħejji wkoll għal miżuri ta' dan it-tip;

11.    Ifakkar li l-partijiet kumbattenti għandhom jinżammu responsabbli u jiġu soġġetti għal prosekuzzjoni mill-qrati nazzjonali jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, li għandha ġurisdizzjoni fuq id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità, il-ġenoċidju u l-istupru bħala delitt tal-gwerra li jkunu twettqu fil-Libja mill-15 ta' Frar 2011, skont ir-Riżoluzzjoni 1970 tal-KSNU;

12.    Jappella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri fil-Libja u jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u biex, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u taħt kmand u kontroll nazzjonali (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż, kif ukoll jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-inizjalar ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jfasslu mekkaniżmu għall-monitoraġġ tiegħu; jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha wkoll tagħti prijorità għal assistenza fir-rifoma tas-sistema ġudizzjarja Libjana, kif ukoll f'oqsma oħrajn li jkunu kruċjali għall-governanza demokratika;

13.    Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Libjani għandhom jamministraw l-isfruttament u l-bejgħ taż-żejt u jappella lill-komunità internazzjonali biex toqgħod lura minn kwalunkwe tranżazzjoni ma' atturi oħra;

14.    Jibqa' mħasseb dwar il-proliferazzjoni tal-armi, il-munizzjon u s-sustanzi splussivi u l-kuntrabandu tal-armi fil-Libja, li jġibu magħhom riskju għall-istabilità fil-reġjun;

15.    Ifaħħar lit-Tuneżija talli attwalment qed tospita madwar 1.5 miljun rifuġjat Libjan; jappella lill-UE biex tassisti lit-Tuneżija b'mod finanzjarju u loġistiku f'dan il-kompitu;

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Kamra tad-Deputati Libjani, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.