Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0033/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Patrick Le Hyaric, Fabio De Masi, João Ferreira, Miguel Viegas, Inês Cristina Zuber, Paloma López Bermejo, Marina Albiol Guzmán, Ángela Vallina, Younous Omarjee, Kostas Chrysogonos, Georgios Katrougkalos, Kostadinka Kuneva, Sofia Sakorafa, Lidia Senra Rodríguez, Marie-Christine Vergiat
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
( 2014/3018(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-16 ta' Settembru 2011 (S/RES/2009(2011)), tas-17 ta' Marzu 2011 (S/RES/1973(2011)), tal-31 ta' Ottubru 2011 (S/RES/2017(2011)), tat-2 ta Diċembru 2011 (S/RES/2022(2011)), tat-12 ta' Marzu 2012 (S/RES/2040(2012)) u tas-27 ta' Awwissu 2014 (S/RES/2174(2014)) dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2014, tal-15 ta' Awwissu 2014 u tal-20 ta’ Ottubru 2014 dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra l-ħatra ta' Bernardino León bħala r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja fl-14 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Libja tal-4 ta' Ottubru u tas-6 ta' Novembru 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Libja tas-26 ta' Lulju 2014 tal-Mibgħuta Speċjali għal-Libja tal-Lega Għarbija, l-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011[1] u tat-18 ta' Settembru 2014[2] dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li għandhom il-partijiet involuti f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) dwar ir-rapporti konġunti tal-4 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja u l-aġġornament tat-23 ta' Diċembru 2014 mill-UNSMIL u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju tul il-vjolenza għaddejja bħalissa fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-intervent tan-NATO, inkluż l-iskjerament fil-Libja tas-Servizz tal-Ajru Speċjali (Special Air Service (SAS)) tar-Renju Unit fl-2011, ikkaġuna l-mewt ta' ċivili innoċenti, kriżi umanitarja u qerda enormi li wasslu għal destabbilizzazzjoni kompleta tal-istat Libjan u għal gwerra ċivili li għadha għaddejja; billi l-vjolenza li qed tiżdied ġabet il-Libja fi stat ta' kaos u gwerra f’kull sens;
B. billi l-alleanza ta' milizzji 'Żerniq il-Libja' tikkontrolla ħafna mil-Libja tal-Punent, inkluż Misrata u Tripli; billi l-ġlied armat fost il-fazzjonijiet politiċi Libjani li komplew kważi bla waqfien minn Lulju 2014 fi Tripli, Bengażi u partijiet oħra tal-pajjiż li qed iwasslu għal aktar deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, popolazzjonijiet spostati u żieda ta’ mwiet, inkluż fost it-tfal;
C. billi hemm żewġ gvernijiet rivali li jqisu li huma l-gvern leġittimu: il-Kungress Nazzjonali Ġenerali (GNC), elett fl-2012 u bbażat fi Tripli, u l-Kamra tad-Deputati (HOR) eletta f’Ġunju 2014, li mar Tobruk wara li forzi tal-milizzja ħadu kontroll tal-akbar żewġ bliet tal-pajjiż u li hi rikonoxxuta mill-parti l-kbira tal-komunità internazzjonali; billi f’Novembru 2014 il-Qorti Suprema Libjana qatgħet sentenza li fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju tal-istess sena li wasslet għall-ħolqien tal-HOR ma kinux validi; billi l-HOR ddenunċjat is-sentenza, billi stqarret li l-imħallfin fi Tripli kienu qegħdin joperaw taħt pressjoni mill-milizzji ta' 'Żerniq il-Libja' u rrifjutat li tirrikonoxxi s-sentenza;
D. billi l-gvern ta' Tripli qiegħed jakkuża lill-Eġittu, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda (EGħM) ta’ rinforz għar-rivali tiegħu f'Tobruk, fost oħrajn permezz ta' attakki mill-ajru; billi l-gvern ta' Tobruk jistqarr li t-Turkija u l-Qatar jappoġġaw lill-milizzji Iżlamisti;
E. billi l-kunflitti armati u atti oħra ta’ vjolenza madwar il-pajjiż, u l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju jippersistu, u kkawżaw mijiet ta’ mwiet, ċaqliq tal-massa u kriżi umanitarja f’ħafna żoni;
F. billi l-unità tal-istat Libjan hija mhedda u hemm riskju veru ta' separazzjoni f'tal-anqas tliet reġjuni (Fezzan, Cyrenaika u Tripolitania) jekk ma tinstabx soluzzjoni ta' kompromess u jekk ma jinbediex proċess ta' rikonċiljazzjoni;
G. billi n-NU rnexxielha tikseb ftehim b'riluttanza min-'naħat kollha' biex jersqu mal-mejda ta’ negozjar, iżda l-laqgħa li kienet prevista li ssir fil-5 ta’ Jannar 2015 ġiet posposta sine die; billi s-Summit ta’ Paċi u Sigurtà ta’ Dakar li ddiskuta s-sitwazzjoni fil-Libja sar tard f’Diċembru 2014 bl-attendenza ta' tliet Kapijiet ta’ Stat biss;
H. billi Franza ddikjarat li qed tikkunsidra intervent militari ġdid fil-Libja; billi fid-19 ta' Diċembru 2014 il-laqgħa tal-G5 tas-Saħel (iċ-Ċad, in-Niġer, il-Mali, il-Mawritanja u l-Burkina Faso) għamlet talba uffiċjali lin-NU biex toħloq forza internazzjonali; billi l-Gvern Libjan bbażat f’TOBRUK talab lil-Lega Għarbija għall-għajnuna iżda rrifjuta intervent armat tal-Punent; billi l-pajjiżi ġirien bħall-Alġerija qegħdin jirrifjutaw kwalunkwe intervent militari barrani ulterjuri fil-Libja;
I. billi, fl-4 ta’ Jannar 2015 ajruplan tal-gwerra Libjan minn forzi leali lejn gvern rikonoxxut internazzjonalment wettaq bumbardament fuq tanker taż-żejt Grieg ankrat ħdejn il-kosta fejn inqatlu żewġ membri tal-ekwipaġġ; billi f'Diċembru 2014 ròkits ikkontrollati mill-forzi ta' 'Żerniq il-Libja' ħarqu tankijiet ta' ħżin taż-żejt fl-ikbar port taż-żejt ta' Es Sridr;
J. billi f’Diċembru 2014, l-UE projbixxiet il-linji tal-ajru Libjani kollha milli jtiru fl-ispazju tal-ajru tal-UE minħabba tħassib dwar is-sikurezza tal-inġenji tal-ajru; billi fis-6 ta’ Jannar 2015 Turkish Airlines, l-aħħar kumpanija barranija li tivvjaġġa lejn il-Libja, ikkanċellat it-titjiriet kollha tagħha lejn il-pajjiż;
K. billi fit-30 ta' Diċembru 2014 sar attakk terroristiku fuq lukanda f'Tobruk fejn l-HOR kienet f'sessjoni; billi il-Kunsill Nazzjonali Libjan għal-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem (NCCLHR) waqaf jaħdem f’Novembru 2014; billi f'Settembru 2014 il-forzi ta' 'Żerniq il-Libja' daħlu bla permess fl-arkivji ta' istituzzjonijiet tal-gvern ewlenin fi Tripli u ħadu għadd kbir ta' fajls Misrata, inklużi l-arkivji tal-Ministeri għall-Ġustizzja, id-Difiża u l-Intern;
L. billi fil-11 ta’ Ottubru 2014 faqqa' ġlied serju fil-Muntanji ta’ Nafusa, lejn l-Ilbiċ ta' Warshafana, meta gruppi armati ta' Zintam ibbumbardjaw u bdew assedju tal-bliet ta’ Kikla u al-Qal'a; billi l-ġellieda ħadu kontroll ta' Kikla tard f'Novembru 2014; billi n-nofsinhar tal-Libja wkoll esperjenzat il-vjolenza, b'mod partikolari kmieni f'Ottubru 2014, meta beda l-ġlied f'Awbari l-iktar bejn il-gruppi armati mill-komunitajiet tat-Tuareg u Tabu; billi s-sigurtà ġenerali fil-pajjiż marret għall-agħar ukoll, b'attakki ta' splużjonijiet ta' karozzi f'al-Baida u f'Tobruk;
M.
billi minn tard f'Awwissu sa kmieni f'Ottubru 2014, il-forzi ta' 'Żerniq il-Libja bdew operazzjoni kontra l-gruppi armati ta' Warshafana;
billi ġie rrappurtat li ż-żewġ naħat wettqu bumbardamenti bl-addoċċ; billi l-bumbardamenti wasslu għall-qtil ta' iktar minn 100 persuna u kriżi umanitarja li fiha ġew spustati internament tal-inqas madwar 120 000 persuna f'Diċembru 2014 fil-punent tal-pajjiż, fejn in-nuqqas gravi ta' provvista ta' ikel u mediċini huwa mifrux; billi sal-aħħar ta' Novembru 2014 iktar minn 170 persuna ġew irrappurtati bħala maqtula fil-Mutanji ta' Nafusa (il-punent tal-Libja), filwaqt li madwar 450 persuna nqatlu bejn nofs Ottubru u nofs Diċembru f'Benghazi (il-lvant tal-Libja) u iktar minn 140 persuna nqatlu f'Awbari (in-nofsinhar tal-Libja);
N. billi sadattant l-armi fornuti lill-hekk imsejħa ribelli nfirxu madwar it-Tramuntana tal-Afrika kollha u ntużaw f' kunflitti u għad-destabbilizzazzjoni ta' pajjiżi bħar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Mali u s-Sirja, u tfaċċaw fl-Alġerija wkoll;
O. billi l-milizji f'Darnah u f'Sirte diġà esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Istat Iżlamiku (IS) fis-Sirja; billi ġie rrappurtat li ċerti kampijiet ta' taħriġ tal-IS huma bbażat fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Libja; billi Bernardino León, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, iddikjara li, minkejja l-fatt li l-gwerra fil-Libja mhijiex bejn il-gruppi Iżlamisti u dawk mhux Iżlamisti, iżda hija pjuttost kunflitt bejn it-tribujiet, il-milizzji fi Tripli u Misrata jidhru li għandhom rabtiet b'saħħithom mal-IS; billi żied jgħid li jekk il-kunflitt ikompli fil-pajjiż il-ġdid, hu probabbli li jiġu stabbiliti kampijiet ta' taħriġ tal-IS ġodda;
P. billi irġiel armati vvandalizzaw moskej fi Tripli; billi saru rapporti li nħatfu 20 Nisrani Kopti fit-3 ta' Jannar 2015;
Q. billi fl-2011 il-membri tan-NATO taw appoġġ sostanzjali lil parti waħda tal-gwerra ċivili fil-kunflitt Libjan – u dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali – filwaqt li qalu li ż-żona ta' divjet ta' titjiriet u l-forniment ta' armi lill-hekk imsejħa ribelli huwa konformi mal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni" (R2P);
R. billi l-UNSMIL tikkalkula wkoll li tal-inqas 100 000 Libjan ġew spustati internament mill-ġlied, u li 150 000 persuna, inkluż ħafna ħaddiema migranti, telqu l-pajjiż għar-rifuġju barra;
S. billi ħafna migranti, partikolarment dawk mill-Afrika sub-Saħarjana, qed jiffaċċjaw detenzjoni arbitrarja minn diversi gruppi armati; billi mijiet ta' migranti u rifuġjati, huma u jaħarbu l-vjolenza fil-Libja, ġew irrappurtati li mietu waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa; billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati (UNHCR) iktar minn 3 419 persuna mietu fil-Mediterran, ħafna minnhom telqu mil-Libja;
T. billi l-Libja għadha soġġetta għall-embargo internazzjonali fuq l-armi impost fl-2011 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi, minkejja li hu fis-seħħ, il-membri u l-alleati tan-NATO (l-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit, il-Qatar u l-EGħM) u, fost oħrajn, il-kumpanija Kanadiża Aeryon Labs Inc.[3], kisru l-embargo fuq l-armi; billi minkejja l-embargo, il-fluss ta’ armi lejn il-Libja għadha għaddejja;
U. billi f'Mejju 2013 l-UE stabbiliet il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) Libja biex tagħti appoġġ militari lill-awtoritajiet Libjani fil-protezzjoni u l-kontroll tal-fruntiera; billi l-prijorità ta' din il-missjoni hija li tipprevjeni l-fluss ta' rifuġjati u ta' migrazzjoni lejn l-Ewropa u li tqiegħed il-bjar u l-impjanti taż-żejt taħt il-kontroll tal-istat; billi, bi spiża ta' EUR 30 miljun, EUBAM Libja hija l-missjoni l-aktar għalja li qatt nediet l-UE; billi nofs il-baġit jintefaq fuq kumpaniji tas-sigurtà privati;
V. billi l-eskalazzjoni tal-ġlieda għall-imħażen taż-żejt u l-portijiet qed tiġri fil-Lvant tal-pajjiż li hu sinjuri f'dak li għandu x'jaqsam maż-żejt, li għandu l-għaxar l-ikbar riżervi taż-żejt fid-dinja, bil-provi, u l-ikbar riżervi fl-Afrika; billi 80 % tal-PDG tal-Libja jiddependi mis-settur taż-żejt tagħha; billi il-produzzjoni taż-żejt kienet tammonta għal 1.6 miljun barmil kuljum (bpd) qabel l-intervent tal-NATO, iżda iċ-ċifra waqgħet għal inqas minn 200 000 barmil kuljum, u telgħat għal 800 000 bpd f'Ottubru 2014, u issa tammonta għal madwar 350 000 bpd u aktarx taqa' ħafna iktar;
1. Itenni l-kundanna tiegħu tal-intervent militari fil-Libja tal-2011 immexxi minn Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Kanada taħt il-patroċinju tan-NATO li wassal għas-sitwazzjoni attwali;
2. Jopponi bil-qawwa kull intervent militari estern ieħor fil-pajjiż; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li l-partijiet kollha jibdew djalogu paċifiku u politiku; jistieden lill-partijiet kollha biex jiftiehmu dwar waqfien mill-ġlied immedjat u biex jieqfu jiġġieldu bħala kundizzjoni biex jinbeda djalogu politiku inklużiv immexxi mil-Libjani sabiex jingħata bidu għar-rikonċiljazzjoni u terġa' tiddaħħal l-istabbiltà fil-pajjiż;
3. Huwa mħasseb ferm dwar id-diżintegrazzjoni ekonomika u politika attwali tal-pajjiż, li qed taggrava s-sitwazzjoni fraġli tal-popolazzjoni; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Libja;
4. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-dritt inaljenabbli tal-popli kollha li jkollhom aċċess għar-riżorsi ta' pajjiżhom stess u kontroll fuqhom; jikkundanna, għalhekk, l-attakki fuq l-infrastrutturi taż-żejt importanti, li huma essenzjali għall-ġid tal-popolazzjoni Libjana; ifakkar li ż-żejt Libjan huwa proprjetà tal-poplu Libjan u m'għandu jiġi manipulat minn l-ebda grupp;
5. Jiddeplora l-vjolenza l i qed tiżdied fil-Libja; jikkundanna l-użu tal-vjolenza, li wassal biex indarbu u mietu numru kbir ta' ċivili kif ukoll għal l-ispustament tagħhom; jitlob li dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli għal għemilhom;
6. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha ma jiksrux id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-atti kollha li jistgħu jissarfu f'reati tal-gwerra jew reati kontra l-umanità, inklużi attakki bl-addoċċ, attakki fuq faċilitajiet mediċi, għajbien infurzat, omiċidju, teħid ta' ostaġġi, it-tortura u maltrattament ieħor;
7. Ifakkar lill-partijiet kollha involuti fil-ġlied fil-Libja li huma marbuta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju; ifakkar li l-partijiet kollha għandhom jirrispettaw il-projbizzjoni ta’ attakki diretti fuq ċivili u faċilitajiet ċivili bħal sptarijiet, skejjel, ajruporti u portijiet;
8. Jinkuraġġixxi lill-pajjiżi tar-reġjun, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana jappoġġaw waqfien mill-ġlied immedjat u djalogu kostruttiv biex tinstab soluzzjoni; jappoġġa, f'dan ir-rigward, inizjattivi bħal dawk tal-Alġerija bi sħab mal-ġirien tal-Libja biex jitnieda djalogu nazzjonali bejn il-fazzjonijiet li qed jiġġieldu;
9. Jinkoraġġixxi, b’mod partikolari, lill-istati tas-Saħel u tal-Magreb u l-Maxreq sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex ma jħallux lill-gruppi terroristiċi jaqsmu l-fruntieri u jfittxu rifuġju fir-reġjun tas-Saħel; jitlob lil dawn l-istati jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni sabiex jiżviluppaw strateġiji effettivi u inklużivi għall-prevenzjoni tal-espansjoni ta' dawk il-gruppi kif ukoll biex tiġi evitata l-proliferazzjoni tal-armi kollha u l-kriminalità organizzata transnazzjonali fir-reġjun;
10. Jitlob li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet u l-fornimenti kollha ta' armi lil-Libja u lir-reġjun, li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-istati tal-Golf, u li jitwaqqaf il-finanzjament lill-milizzji kollha mill-istati tal-Golf u indirettament mill-pajjiżi tal-Punent, li jfisser, b'mod partikolari, it-tmiem tax-xiri ta' żejt minn bjar taż-żejt immexxija mill-milizzji; jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-ksur tal-embargo fuq l-armi impost bir-riżoluzzjoni 1970 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
11. Ifakkar fil-fatt li l-UE, ħafna mill-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti, li għal deċennji appoġġaw lil Gaddafi, u aktar tard l-intervent militari tan-NATO fil-Libja, iġorru responsabbiltà partikolari għas-sitwazzjoni attwali fil-Libja;
12. Jesprimi tħassib kbir rigward il-kriżi umanitarja fil-Libja li ġiegħlet lil eluf ta' rifuġjati jaħarbu mill-pajjiż; jinkuraġġixxi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli jqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa biex jgħinu lir-rifuġjati; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni spustati;
13. Jitlob lill-UE tibdel minnufih il-politika tagħha dwar ir-rifuġjati mit-Tramuntana tal-Afrika; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu kontra Frontex u jemmen li, b'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement minqux fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-operat tagħha m'għandux jirriżulta fir-ritorn ta' persuni fil-Libja jew fi kwalunkwe pajjiż fejn ħajjithom tkun f'riskju;
14. Jitlob lill-UE twaqqaf il-missjoni EUBAM Libya, billi din tkompli timmilitarizza l-fruntiera Libjana u qed twassal għall-mewt tar-rifuġjati; jemmen li l-UE trid tibgħat biss għajnuna umanitarja u ċivili lil-Libja;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Presidenti u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-EUBAM Libya, lill-UNSMIL u lill-Gvern u lill-Kamra tad-Deputati tal-Libja.