Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0037/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
( 2014/2829(RSP) )
Vicky Ford
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
( 2014/2829(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 u t-tliet annessi tagħha,
• 'Inizjattivi ġodda';
• 'Lista ta' proposti pendenti li qed jiġu rtirati jew modifikati';
• 'Azzjonijiet REFIT',
– wara li kkunsidra l-'Linji Gwida Politiċi' tal-President tal-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ewropa tinsab f'tellieqa globali li fiha l-ekonomiji kompetittivi biss se jkunu kapaċi li joħolqu l-impjiegi u jgħollu l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom;
B. billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċa kriżi tal-kompetittività profonda f'ekonomija globali li kulma jmur qed tkun dejjem iżjed diffiċli;
C. billi l-parti l-kbira tar-reġjuni l-oħra tad-dinja qed jikbru aktar malajr, b'livelli akbar ta' produttività u innovazzjoni;
D. billi l-kriżi tad-dejn pubbliku taż-żona tal-euro għamlet ħsara kbira lill-ekonomija Ewropea u kkawżat tbatijiet kbar lil miljuni ta' persuni;
E. billi r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej f'ħafna pajjiżi urew nuqqas ta' sodisfazzjon mifrux rigward ħafna aspetti tal-UE u enfasizzaw il-ħtieġa għal riforma;
PARTI 1: OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI 2015
1. Jilqa' s-sejħa tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 għal regolamentazzjoni aħjar, is-sussidjarjetà u t-trasparenza, u jappoġġa l-prinċipju ta' diskontinwità politika u l-irtirar ta' ħafna inizjattivi; jaqbel li l-attenzjoni għandha tkun fuq inizjattivi li jwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi u li jippermettu lin-negozji jiffjorixxu; jemmen li l-ewwel prijorità għandha tkun li jkun żgurat li l-politiki eżistenti jkollhom impatt pożittiv fuq il-kompetittività, ikunu implimentati sew, u adattati għall-iskop tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi miri ambizzjużi imma realistiċi biex titnaqqas il-burokrazija żejda;
2. Jemmen li kull proposta leġiżlattiva ġdida għandha tgħaddi mit-test tal-kompetittività, li jirrikjediha li turi effett pożittiv nett fuq il-kompetittività qabel ma tkun imressqa mill-Kummissjoni;
3. Jenfasizza li filwaqt li hu meħtieġ investiment pubbliku b'miri ċari, pereżempju biex jitjiebu l-istandards edukattivi u tiżviluppa l-infrastruttura, it-tkabbir fuq terminu twil ma jintlaħaqx billi tiżdied l-ispiża pubblika b'mod li jkun meħtieġ li jiżdied il-piż tat-taxxi fuq individwi u negozji li diġà jinsabu taħt pressjoni, jew billi jsir aktar self ta' flus li jkun irid jitħallas lura mill-ġenerazzjonijet futuri; jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet tajbin li jistimulaw l-investiment tas-settur privat li hu essenzjali għall-irkupru ekononomiku tal-Ewropa fuq terminu twil;
4. Jappoġġa strateġija ta' tkabbir li l-objettiv tagħha jkun li tiżgura li jkun hemm qafas tal-politika xieraq li jippermetti lin-negozji u lill-imprendituri jifjorixxu, u jinħolqu l-impjiegi, jiġi ġġenerat il-ġid u jogħlew l-istandards tal-għajxien; jinnota li l-istrateġija Ewropa 2020 stabbiliet linja għall-futur, imma jiddispjaċih li ma kienx hemm rieda politika biżżejjed biex jingħata momemtum suffiċjenti li jiżgura implimentazzjoni sħiħa;
5. Jenfasizza li l-infiq pubbliku Ewropew ma jistax ikun eżentat mill-isforzi konsiderevoli li qed jagħmlu l-Istati Membri biex jikkontrollow l-infiq pubbliku tagħhom u jinsisti li l-baġit tal-Unjoni jrid ifittex tnaqqis biex iħaffef il-piż fiskali fuq min iħallas it-taxxi; jemmen li l-baġit tal-UE għandu jkun indirizzat b'mod ċar biex jgħin l-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi strutturali, speċjalment it-telf tal-kompetittività u l-qgħad konsegwenti li qed jikber; jinsisti dwar il-ħtieġa li jitnaqqas l-infiq tal-amministrazzjoni tal-UE (pereżempju billi tispiċċa l-ħtieġa li l-Parlament jiltaqa' fi Strasburgu) u li jkun hemm tnaqqis reali fil-baġit tal-UE;
6. Jinsisti fuq il-prinċipju tal-valur miżjud Ewropew li għandu jirrappreżenta l-pedament tal-infiq kollu, li għandu jkun iggwidat ukoll mill-prinċipji tal-effiċjenza, l-effikaċja u l-valur għall-flus, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit mill-Artikolu 5 TUE u kif inhu ankrat fil-Protokoll 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;
7. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-ssussidjarjetà fid-dettal mhijiex imsemmija fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni; jinsab konvint li l-aderenza għal dan il-prinċipju aktar milli għal xi kunċett ta' 'unjoni dejjem eqreb' tista' tidderieġi l-Unjoni Ewropea f'direzzjoni li tkun aktar popolari mal-popli tal-pajjiżi Ewropej tagħna; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni fi stadju bikri tidentifika kif tirrikonoxxi u taderixxi aħjar għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u b'mod partikolari kif tista' tirrifletti aħjar din il-politika fl-interazzjonijiet tagħha mal-parlamenti nazzjonali; jinsisti li tħassib dwar governanza ekonomika m'għandux ikun kopertura għaċ-ċentralizzazzjoni tal-politiki soċjali u tal-impjieg;
8. Jiddeplora l-prijorità apparentement baxxa li l-Kummissjoni l-ġdida qed tagħti biex ikun hemm ġestjoni effettiva tar-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, u speċifikament in-nuqqas komplet ta' ambizzjoni biex tkun żgurata dikjarazzjoni pożittiva tal-assigurazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jikkundanna n-nuqqas tal-Kummissjoni l-ġdida li jkollha Kummissarju kompletament iddedikat għall-Kontroll tal-Baġit kif repetutament mitlub mill-Parlament Ewropew; jemmen li l-fatt li ma kienx maħtur Kummissarju full-time juri li l-Kummissjoni l-ġdida jew ma tapprezzax biżżejjed l-enormità tal-isfida li qed tiffaċċja jew ftit jinteressaha li tindirizzaha; itenni s-sejħa tieħu lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu li tista' ħalli tintroduċi dikjarazzjonijiet standard ta' ġestjoni mill-Istati Membri, iffirmati fil-livell politiku xieraq, li jkopru l-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża; jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti sabiex ikun żgurat li l-infiq kollu jikseb ir-riżultati mixtieqa b'mod li jkun kosteffettiv;
PARTI 2: PROPOSTI SPEĊIFIĊI GĦALL-PROGRAMM TA' ĦIDMA
'Spinta Ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment'
9. Jemmen li sabiex jinħoloq ambjent aktar ospitabbli għall-ħolqien tal-impjiegi, il-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu r-riformi strutturali meħtieġa biex jindirizzaw il-fatturi li ġejjin: nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħitliet, l-intraprenditorija, id-demografija, l-aċċess għas-suq, l-aċċess għall-finanzji, ir-riġiditajiet tal-suq tax-xogħol, l-ispejjeż amministrattivi u regolamentazzjoni aħjar;
10. Itenni l-importanza li s-suq uniku jsir aktar profond u jitlob li l-attenzjoni lil l-Kummissjoni qed tagħli lil 'regolamentazzjoni aħjar' twassal għal ambjent b'saħħtu għan-negozji Ewropej, tneħħi l-burokrazija żejda u l-piżijiet regolatorji kif ukoll l-ostakli għall-investiment u tinkoraġġixxi tal-inqas xi leġiżlazzjoni ġdida;
11. Jilqa' l-enfasi fuq l-investiment tas-settur privat u jitlob biex jitneħħew aktar ostakli għall-investiment fl-Unjoni, partikolarment investiment għan-negozji żgħar u ta' daqs medju;
12. Jilqa' l-prijorità politika tal-Kummissjoni li tħaffef il-piż regolatorju, u jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) timplimenta b'mod rapidu l-impenji stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha;
13. Jenfasizza l-importanza li l-proposti regolatorji u leġiżlattivi kollha jkunu bbażati fuq evidenza min-negozji u minn esperti u partijiet interessati oħra u jistieden lill-President tal-Kummissjoni jonora l-wegħda tiegħu li jżomm is-servizzi ta' Konsulenti Xjentifiku Ewlieni;
14. Jilqa’ l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati r-riżultati tar-rieżami tal-10 liġijiet l-aktar ta’ piż għall-SMEs, li se jgħinu lin-negozji joħolqu aktar opportunitajiet ta' impjieg; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità urġenti lit-titjib ta’ dawn il-liġijiet inkwistjoni b’modi li jkun indirizzat it-tħassib tal-SMEs; jemmen li jeħtieġ jiġi żgurat li l-UE tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji, b' mod partikulari l-SMEs u l-mikroimpriżi, u tqis miżuri ta’ appoġġ għalihom, fil-proċess ta’ politika;
15. Jisħaq fuq it-tendenza reċenti tal-kumpaniji li jreġġgħu lura l-produzzjoni u s-servizzi lejn l-Ewropa u fuq l-opportunitajiet li dan iġib miegħu għall-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-UE tista' tgħin lin-negozji jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti minn dan ir-'reshoring';
16. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodernizza r-regoli dwar id-dritt tal-awtur; madankollu, jitlob li fi kwalunkwe riforma bħal din, tibqa' titqies is-sussidjarjetà filwaqt li tingħata attenzjoni sħiħa għall-implikazzjonijiet kulturali u l-ugwaljanza tal-aċċessibbiltà kif ukoll għall-prinċipju li fejn il-prattika tajba diġà wasslet għal relazzjoni sodisfaċenti bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti kummerċjali ta' tali drittijiet, dawn l-arranġamenti għandhom ikunu rispettati u jkunu jistgħu jitkomplew mingħajr tfixkil;
17. Iħeġġeġ sabiex il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ġdid jitfassal b'mod li jikkumplimenta l-Fondi Strutturali, u li kull strument finanzjarju innovattiv li jkun promoss flimkien ma' dak il-fond sabiex jiżdied l-impatt tal-fondi strutturali għandu jkun imfassal b'mod sostenibbli u li jikkunsidra l-aħjar interessi tar-reġjuni; jitlob biex il-fond ikun strutturat b'mod li jevita n-nazzjonalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tal-qliegħ;
18. Jilqa' l-impenn qawwi tal-Kummissjoni lejn tfassil aħjar tal-liġijiet u l-aġenda REFIT; jappoġġa l-użu tal-kontroll tal-idoneità, u jitlob li dawn jingħataw aktar attenzjoni mill-Kummissjoni; jinsab inkoraġġit mill-approċċ muri fil-Programm ta' Ħidma 'clearing the desks' u jemmen li bidu ġdid hu preċiżament dak li hu meħtieġ f'ħafna oqsma ta' politika; iwissi li, fejn il-proposti jkunu rtirati sabiex jiġu sostitwiti minn proposti ġodda, dawn l-inizjattivi ġodda m'għandhomx jintroduċu aktar piżijiet fuq il-popli u n-negozji affettwati;
19. Jappoġġa żviluppa kontinwu u modernizzazzjoni tal-liġijiet tal-proprjetà intellettwali tal-UE u b'mod partikolari l-isforzi sabiex jitjieb il-mod li bih jiffunzjona d-dritt tal-awtur; jimpenja lilu nnifsru li jeżamina fid-dettall il-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, bi qbil mal-għan tiegħu li jiffaċilita t-tkabbir u l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali; ifakkar lill-Kummissjoni li għandu jinstab bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-atturi kollha involuti fl-attivitajiet relatati mad-dritt tal-awtur, u li mingħajr infurzar adegwat id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jwasslux il-valur għal dawk kollha kkonċernati;
20. Jilqa' l-enfasi fuq l-investiment u jitlob biex ikun hemm aktar tneħħija ta' ostakli għall-investiment fl-Unjoni kollha; jilqa' l-irtirar tal-iskema tal-kumpens għall-investitur; jappoġġa miżuri li jippermettu lis-servizzi finanzjarji tal-konsumaturi jagħti aktar benefiċċji lill-konsumaturi;
21. Jemmen li l-esternalitajiet tal-iżviluppi fis-settur finanzjarju msemmi hawn fuq għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ bir-reqqa; jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp ta' standards differenti fost kompetituri ugwali bħala konsegwenza tal-istandardizzazzjoni tar-regolamenti finanzjarji; jinnota l-avvanz konsiderevoli fis-settur bankarju tal-UE sa mill-2008, u b’mod partikolari fl-2013; jemmen li tkun opportuna analiżi komprensiva tal-aspetti kompetittivi tal-ammont kbir ta' elementi ġodda tar-regolamentazzjoni finanzjarja ġdida tal-UE;
'Suq Uniku Diġitali Konness'
22. Jappoġġa bil-qawwa l-prijoritizzazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali minħabba l-opportunitajiet li l-attivitajiet diġitali jistgħu jiġġeneraw għall-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota li t-temi li ġejjin jeħtieġ li jkunu indirizzati: il-fiduċja, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, iċ-ċiberkriminalità u s-sigurtà, il-kontenut diġitali u d-dritt tal-awtur, l-interoperabbiltà u l-istandards, il-pagamenti elettroniċi, il-kuntrattar elettroniku, it-tfigħ tal-offerti u l-fatturazzjoni, il-gvern elettroniku, l-infrastruttura diġitali, l-akkwist elettroniku, l-informazzjoni tas-settur pubbliku u data miftuħa, ir-roaming u l-intermedjarji onlajn;
23. Jappoġġa bis-sħiħ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġodda fis-Suq Uniku Diġitali li jipprijoritizzaw it-tkabbir u jissuġġerixxi li dawn l-inizjattivi għandhom ikunu parti mill-'Att dwar is-Suq Uniku Diġitali'; jenfasizza li inizjattivi mhux leġiżlattivi u leġiżlattivi li għandhom l-akbar potenzjal li jiġġeneraw it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, inkluż il-kummerċ elettroniku, għandu jkollhom prijorità fl-Att dwar is-Suq Uniku Diġitali li jsegwi l-approċċ tal-Atti tas-Suq Uniku;
24. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tistimola l-kummerċ elettroniku minħabba li l-konsumaturi jistgħu jiffrankaw aktar minn €11.7bn fis-sena jekk ikunu jistgħu jagħżlu minn firxa wiesa' ta' prodotti u servizzi meta jixtru onlajn; f'dan ir-rigward, jenfasizza li kwistjonijet relatati mas-servizzi onlajn, - l-aċċess għall-kontenut diġitali, il-prevenzjoni tal-frodi, ir-reġistrazzjoni tas-siti tal-web, il-promozzjonijiet tal-bejgħ u l-ittikkettar -kollha ġew identifikati bħala ostakli għas-Suq Uniku Diġitali;
25. Jenfasizza r-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar l-'Att dwar is-Suq Uniku Diġitali', li kienet adottata minn maġġoranza kbira u li ddeskriviet oqsma ta' tkabbir ewlenin li jridu jkunu indirizzati fis-suq uniku diġitali, inklużi l-kummerċ elettroniku, 'big data' u 'cloud computing'; ifakkar li din ir-riżoluzzjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll dwar l-importanza kruċjali tal-aċċessibbiltà u tas-sikurezza onlajn;
26. Jistenna l-istrateġija tal-Kummissjoni, li se tidentifika l-isfidi ewlenin biex ikun ikkompletat Suq Uniku Diġitali sigur, affidabbli u dinamiku; jilqa', partikolarment, is-simplifikazzjonijiet għall-konsumaturi meta jagħmlu xiri diġitali onlajn imma jinnota l-importanza li l-konsumaturi jibqa' jkollhom l-istess livell ta' protezzjoni bħal dik tas-suq tradizzjonali tagħhom;
27. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonkludi r-Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data; jitlob, f'dan ir-rigward, li kull riforma għal-liġi tal-protezzjoni tad-data tkun proporzjonata, funzjonabbli, u tipproteġi kemm lill-konsumaturi u d-drittijiet tal-privatezza kif ukoll tippermetti lin-negozji, lill-ekonomija u l-innovazzjoni li jiffjorixxu;
28. Jitlob li jsir monitoraġġ tax-xejriet fil-forniment tas-servizzi fir-riforma mistennija tat-telekomunikazzjoni, b'referenza partikolari għal offerti f'kontenut u servizzi raggruppati biex ikun żgurat li l-operaturi l-kbar ma jabbużawx minn pożizzjonijiet dominanti għad-detriment tal-konsumaturi;
29. Jenfasizza li l-elementi mhux kontroversjali tal-Pakkett tal-Kontinent Konness fir-rigward tal-kuntratti tal-konsumaturi u tal-konsum tad-data għandhom ikunu prijoritizzati fin-negozjati dwar il-pakkett sabiex jista' jsir progress;
30. Jenfasizza tħassib sinifikanti dwar miżuri tat-taxxa fl-ekonomija diġitali, partikolarment dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) u l-Punt ta' Kuntatt Waħdieni Żgħir (MOSS) speċjalment għal entitajiet mikro u jħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tqis b'mod urġenti l-ħtieġa ta' livell limitu għal tali negozji;
'Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti li Tħares ’il Quddiem fil-Politika dwar it-Tibdil fil-Klima'
31. Jenfasizza l-importanza tal-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u sigurtà tal-provvista tal-enerġija; iqis li l-politika tal-kompetizzjoni hija ta' importanza vitali biex titħeġġeġ id-diżaggregazzjoni u biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni attwali tas-suq; jinnota li r-regolamentazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat trid issir fl-istess spirtu bħal kull regolamentazzjoni oħra;
32. Jenfasizza, fid-dawl tal-ġrajjiet li għaddejjin fl-Ukraina, li s-sigurtà tal-enerġija trid tissaħħaħ permezz ta' għadd ta' miżuri mifruxa fuq numru ta' għażliet, bħad-diversifikazzjoni tal-fornituri, titjib fl-effiċjenza tal-enerġija biex jonqos il-konsum u żieda fl-użu ta' sorsi tal-enerġija indiġeni, kif ukoll f'investiment sostanzjali fl-infrastruttura; jitlob biex tkun iċċarata l-idea ta' 'akkwist kollettiv' tal-gass u ta' prodotti tal-enerġija oħra; jenfasizza li biex ikun hemm aktar kooperazzjoni dwar in-negozjati tal-enerġija din trid timxu id f'id mat-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba li hi importanti għas-sigurtà tal-provvista fuq terminu twil filwaqt li tikkontribwixxi għal għanijiet ta' diversifikazzjoni;
33. Jistenna proposti li jelaboraw fuq l-'Unjoni tal-Enerġija' u jappoġġa sforzi li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u miżuri li se jtejbu l-infrastruttura transkonfinali, bħall-interkonnetturi maħsuba għal dan il-għan; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-iżvilupp ta' sorsi indiġeni tal-enerġija jkunu parti ewlenija tal-Unjoni tal-Enerġija ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li hi r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom u kwalunkwe dekarbonizzazzjoni futura u politika ta' tnaqqis tal-emissjonijiet trid tikkunsidra l-ħtieġa li tkun żgurata s-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni (mhux sostenibbiltà b'mod iżolat kif kien il-każ fil-passat);
34. Jinnota, f'dan il-kuntest ta' qafas strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija, il-ftehim reċenti fil-Kunsill Ewropew ta' Ottubru dwar il-politika dwar il-klima u l-enerġija 2030, u partikolarment jilqa' n-nuqqas ta' miri rinnovabbli vinkolanti għal kull Stat Membru, minħabba li l-miri attwali urew li huma inflessibbli, jiswew il-flus u kkontrollaw l-investiment lejn teknoloġiji oħra dwar enerġija b'livell baxx tal-karbonju bħall-Ġbir u Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS); jinsisti, madankollu, li fil-kuntest ta' dan il-qafas hu ferm importanti li dispożizzjonijiet li jipproteġu setturi industrijali f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jinżammu;
35. Jinnota li l-Kummissjoni se tirrevedi l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet biex tawtorizza Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); jissuġġerixxi li l-2015 hu kmieni wisq biex tkun proposta xi bidla ġdida għall-qafas legali tal-UE dwar l-OĠM minħabba li l-impatt tad-Direttiva riveduta dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' OĠM (2001/18/KE) irid l-ewwel ikun valutat;
36. Jinnota l-ewwel impenn tal-Viċi President Timmerman li jżomm il-proposta għal Direttiva dwar il-Livelli Massimi tal-Emissjonijiet Nazzjonali (NEC), u jressaq proposti modifikati biex jirriflettu aħjar is-sinerġiji mal-pakkett tal-enerġija u l-klima 2030 kif ukoll inaqqas il-piżijiet amministrattivi, minħabba l-importanza li tkun indirizzata l-kwalità tal-arja biex ikun indirizzat it-tħassib sinifikanti dwar is-saħħa pubblika u l-urġenza li jintlaħqu limiti internazzjonali 2020 miftehma; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-emendi addizzjonali kollha jsegwu strettament l-aġenda ta' regolamentazzjoni intelliġenti u jiffaċilitaw implimentazzjoni aħjar; jitlob li d-deċiżjoni li tkun modifikata l-proposta oriġinali ma jirriżultax f'ebda dewmien bla ħtieġa;
37. Jemmen li investiment fl-ekonomija ċirkulari jista' jkun kompletament kumpatibbli mal-aġenda tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività u għandu l-potenzjal li joħloq sitwazzjoni vantaġġuża għall-partijiet interessati kollha involuti; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri dwar l-ilħiq ta' dawn il-miri u jekk meħtieġ tirrikonsidra l-irtirar;
38. Jitlob li l-Kummissjoni tiċċara l-iskadenzi u l-proċess dwar l-irtirar u l-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva modifikata ġdida dwar l-Ekonomija Ċirkulari;
39. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-proposti tagħha għal Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija u għal Direttiva dwar Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali minħabba piżijiet finanzjarji u amministrattivi bla ħtieġa li dawn se jimponu fuq in-negozji Ewropej b'hekk jheddu t-tkabbir u l-impjiegi;
'Suq Intern Aktar Profond u Ġust b'Bażi Industrijali Msaħħa'
40. Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tipprovdi Strateġija tas-Suq Intern għall-prodotti u s-servizzi biex ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku u tkompli ssaħħaħ setturi industrijali u tas-servizzi ewlenin fejn hemm l-akbar potenzjal ekonomiku, inkluż is-servizzi tan-negozji, il-kostruzzjoni, il-bejgħ bl-imnut; il-professjonijiet regolati u s-servizzi msaħħa u l-forniment tal-prodotti;
41. Jappoġġa bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi u timmodifika l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ; jinnota li l-proposta attwali ġabet tħassib minn xi organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u jemmen li kull proposta modifikata għandha tkun ibbażata fuq kuntratti mudell, li jkunu aktar sempliċi biex il-konsumaturi u n-negozji jifhmuhom; jinnota, barra minn hekk u fil-kuntest ta' din il-proposta, li hu essenzjali għall-konsumaturi li jkollhom l-istess livell ta' protezzjoni onlajn kif jirċievu offlajn fis-suq tradizzjonali tagħhom;
42. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti tas-Suq Uniku, l-evalwazzjoni tal-problemi ta' implimentazzjoni u l-analiżi ta' ostakli u opportunitajiet eżistenti, filwaqt li jkun żgurat li l-miżuri ġodda kollha jkunu valutati rigward l-impatt, ippruvati għall-futur u tajbin għall-era diġitali;
43. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jsaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku miftehma, partikolarment fir-rigward tas-settur tal-prodotti u tas-servizzi u li jsir użu akbar tal-evalwazzjoni reċiproka u tal-prinċipji rikonoxxuti reċiprokament;
44. Jitlob biex isir użu akbar tat-test ta' proporzjonalità, b'rabta mal-proċess ta' valutazzjoni reċiproka, biex jiġu identifikati regolamenti sproporzjonati li jostakolaw il-provvista ta' servizzi, u biex din il-leġiżlazzjoni tiġi revokati, jekk dan jitqies bħala neċeesarju, minn għadd sinifikanti ta' Stati Membri;
45. Jitlob li jiġi abolit it-'test dwar il-bżonnijiet ekonomiċi', li jista' jintuża biex jiġi ristrett l-aċċess għas-swieq;
46. Jenfasizza r-rwol tal-akkwist pubbliku fiż-żieda fl-innovazzjoni u fl-aċċess kruċjali għas-swieq;
47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Uniku sabiex dawn ikunu jistgħu jgħinu lill-fornituri fi kwalunkwe diffukultà li jista' jkollhom meta jkunu qed jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor (b'hekk mhux biss tassisti dawk koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi), inkluża informazzjoni dwar is-sistema fiskali applikabbli;
48. Jappoġġa inizjattivi li jikkontribwixxu biex tiġġedded il-bażi industrijali tal-pajjiżi Ewropej, li jeħtieġu sostenn f'termini ta' riċerka u innovazzjoni, aċċess għall-finanzji, u wkoll ambjent regolatorju mtejjeb li jista' jagħti aktar flessibbiltà lill-kumpaniji; jistenna l-miżuri speċifiċi li se jkunu proposti biex itaffu l-piżijiet regolatorji u amministrattivi fuq l-SMEs;
49. Jenfasizza implimentazzjoni kontinwa ta' Orizzont 2020, partikolarment l-isforzi tiegħu lejn attenzjoni akbar biex riċerka ta' livell dinji tiġi trasformata fi prodotti u servizzi li jistgħu jikkontribwixxu biex jagħtu l-ħajja lill-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej;
50. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-proposta dwar il-groundhandling u jenfasizza li l-monopolji li għadhom jeżistu f'uħud mill-ajruporti ewlenin tal-UE għandhom jiġu indirizzati permezz ta' proposta ġdida dwar il-groundhandling, b'attenzjoni xierqa għal dawk l-Istati Membri fejn dawn is-servizzi jinsabu diġà liberalizzati; jitlob li jintlaħaq livell ta' liberalizzazzjoni u kompetizzjoni akbar billi jiżdied l-għadd ta' fornituri tas-servizzi f'ajruporti kbar tal-UE għaliex dan itejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tal-operazzjonijiet tal-ajruport u jnaqqas it-tariffi għall-utenti u l-passiġġieri tal-ajruport; jenfasizza, madankollu, li l-proposta l-ġdida m'għandhiex tmiss kwistjonijiet soċjali, partikolarment trasferimenti tal-persunal, lanqas it-tfassil u l-infurzar tal-istandards tal-kwalità minima għas-servizzi tal-groundhandling;
51. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ċarezza u trasparenza tal-qafas regolatorju u t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-allokazzjoni tal-investiment tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa fir-rigward tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport; jenfasizza l-importanza taċ-ċarezza minħabba li l-Fond se jiffaċilita investiment privat fi proġetti aktar sikuri tal-infrastruttura tat-trasport, partikolarment f'ċentri industrijali, filwaqt li jinnota li l-għanijiet ġenerali u l-prijoritajiet ta' finanzjament tal-politika tas-CEF u tat-TEN-T iwasslu biex jingħata finanzjament tal-UE lil proġetti inqas profittabbli fuq skala kbira ta' interess komuni (madwar disa' kurituri tan-netwerk ewlenin), biex jiżviluppaw netwerk tat-trasport multimodali komprensiv tal-UE, u jindirizzaw in-nuqqas ta' infrastruttura u ta' aċċessibbiltà xierqa u l-interoperabbiltà baxxa bejn il-partijiet u r-reġjuni differenti tal-UE;
52. Jenfasizza li l-Federazzjoni Russa għadha qed tirrifjuta li tirrispetta l-ftehim dwar l-eliminazzjoni gradwali tad-drittijiet ta' titjiriet fuq is-Siberja u li, fil-kuntest tas-sanzjonijiet reċenti tal-UE kontra r-Russja, ir-Russja qed thedded li tipprojbixxi l-linji tal-ajru Ewropej milli jużaw l-ispazju tal-ajru tas-Siberja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta miżuri legali effettivi (inkluż miżuri reċiproċi billi tirrifjuta jew tillimita l-użu tal-ajru spazjali tal-Unjoni għat-trasportaturi tal-ajru tal-Federazzjoni Russa) biex iġġiegħel lir-Russja ttemm it-tariffi illegali li qed iqiegħdu lit-trasportaturi tal-Unjoni taħt kundizzjonijet diskriminatorji fuq terminu twil u jfixklu kompetizzjoni ħielsa u ġusta bejn il-linji tal-ajru fuq rotot bejn l-UE u l-Asja;
53. Jaqbel mal-irtirar tal-proposta mhix aġġornata dwar it-tariffi tas-sigurtà tal-avjazzjoni; filwaqt li jappoġġa l-ħtieġa ta' tariffi ġusti u proporzjonati għas-sigurtà tal-avjazzjoni, jinsab xettiku dwar il-futur ta' din il-proposta, minħabba l-għadd ta' diffikultajiet li se tiffaċċja, inkluż l-ambitu tad-direttiva, kwistjonijiet relatati mal-ispiża u l-finanzjament tal-istat; jemmen li l-prinċipji komuni rigward tariffi tas-sigurtà imposti f'ajruport tal-Komunità għandhom ikunu allinjati mad-Direttiva dwar Tariffi tal-Ajruport;
'Unjoni Ekonomika u Monetarja Aktar Profonda u Aktar Ġusta'
54. Jenfasizza li s-sussidjarjetà fil-qasam tat-tassazzjoni hija vitali għas-saħħa demokratika u ekonomika tal-Ewropa; jirrifjuta kwalunkwe mossa biex it-tħassib relatat mal-governanza ekonomika jintuża bħala skuża biex jiġu imposti politki dwar it-taxxa fil-livell tal-UE;
55. Jilqa' l-idea ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali jew Suq Kapitali Uniku, iżda se jsegwi mill-qrib il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni u l-pjan ta' azzjoni emerġenti sabiex jiżgura li dan ikun ambizzjuż fil-viżjoni tiegħu u ma jkunx biss tneħħija teknika tal-ostakli;
56. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi tas-suq sabiex tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-assi tal-investituri fi ħdan dawk l-entitajiet;
57. Jinnota li l-impenji globali li jċaqilqu l-prodotti nnegozjati bilateralment f'infrastruttura tas-suq multilaterali jżidu l-istress li qed jitqiegħed fuq dawn l-istituzzjonijiet;
58. Jaqbel għalhekk, li l-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament rilevanti għandhom juru governanza xierqa ġestjoni tar-riskju b'saħħitha għall-benefiċċju tas-sistema kollha kemm hi;
59. Jitlob li l-enfasi tibqa' fuq konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir; jemmen li l-ispinta lill-investiment m’għandhiex titqies bħala alternattiva għar-riformi strutturali meħtieġa;
60. Għandu dubji dwar ċerti dettalji tal-pakkett ta' investiment, u jistaqsi b'mod speċifiku: Il-fond ta’ investiment kif se jagħżel u jipprijoritizza l-proġetti? Kif se jissaħħaħ l-investiment privat? Il-fond kif se jevita sitwazzjoni ta' privatizzazzjoni tal-profitti u nazzjonalizzazzjoni tat-telf?;
61. Jilqa' r-rikonoxximent min-naħa tal-Kummissjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi tat-taxxa tagħhom;
62. Ifakkar fl-oġġezzjoni qawwija tiegħu kontra Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF) sakemm din ma tiġix implimentata fuq livell globali, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' appoġġ għall-proposta preċedenti għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK);
63. Jinnota li l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet tat-taxxa jista' jkun ta' għajnuna, iżda jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE ma jaffordjawx li jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv meta qed jipprovaw jiksbu investiment u rkupru ekonomiku;
64. Jitlob li ssir analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro;
65. Jitlob li jsiru paraguni bejn l-irkupru taż-żona tal-euro u l-irjupru f'pajjiżi u reġjuni terzi;
66. Jitlob enfasi ikbar fuq il-forom ta' finanzjament mhux bankarju, bħalma huma l-kapital ta' riskju u l-finanzjament kollettiv;
'Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Raġonevoli u Bbilanċjat mal-Istati Uniti'
67. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni favur ir-rieżami tal-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE, kif ukoll l-enfasi proposta fuq il-kontribuzzjoni tagħha għall-impjiegi u t-tkabbir madwar l-UE; jitlob li r-rieżami jkollu bażi wiesgħa u jkun strateġiku u jħares 'il quddiem, filwaqt li jkopri l-aspetti kollha tal-politika kummerċjali u ta' investiment inklużi negozjati bilaterali, plurilaterali u multilaterali u miżuri awtonomi b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tar-relazzjonijiet kummerċjali, mhux biss mal-pajjiżi emerġenti kbar u s-sħab strateġiċi ewlenin iżda wkoll ma' pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) li attwament, l-UE, ma għandhiex ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi magħhom;
68. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi biex tinġieb ’il quddiem aġenda kummerċjali ambizzjuża mas-sħab kummerċjali fuq livell globali, inkluża ħidma biex jitlestew in-negozjati dwar Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) profonda, komprensiva u bbilanċjata, filwaqt li jinnota li l-politika kummerċjali ma għandhiex tkun limitata għal dan il-qasam iżda għandha tinkludi kull ftehim kummerċjali u ta’ investiment multilaterali, plurilaterali u bilaterali u li qed jiġi nnegozjat bħalissa;
69. Jirrikonoxxi l-potenzjal enormi ta' Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) ta' suċċess, peress li traħħas l-esportazzjoni u tagħmilha iktar faċli għan-negozji ta' kull daqs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, bil-prospett li l-ekonomiji Ewropej jiżdiedu b'EUR 100 biljun permezz ta' aċċess aħjar għas-suq u l-qerda jew it-tnaqqis tat-tariffi;
70. Jirrikonoxxi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru dwar it-trasparenza tan-negozjati TTIP, u jqis dan bħala pass importanti kemm lejn it-titjib tat-trasparenza, kif ukoll lejn il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-aċċess għad-dokumenti, filwaqt li jinżamm il-livell ta' kunfidenzjalità neċessarju sabiex in-negozjaturi kummerċjali jaslu għal ftehim finalni sod; jesprimi r-rieda tiegħu li jaħdem flimkien mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Komunikazzjoni, possibilment diġà fl-2015;
71. Jirrikonoxxi l-benefiċċji kbar għall-partijiet kollha ta' Ftehim ta’ Kummerċ u Investiment Bilaterali sod mal-Indja, u jitlob li n-negozjati jingħataw impetus ġdid; jitlob ukoll li jerġgħu jibdew malajr it-taħditiet bl-għan ta' ftehim komprensiv li jkopri, inter alia, is-settur tas-servizzi (servizzi tal-assigurazzjoni, bankarji, postali, legali, ta' riklamar, ta' distribuzzjoni u tal-konsumaturi, eċċ.) u s-settur industrijali (tal-karozzi, tal-inbid u l-ispirti, tal-infrastruttura), u filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji iktar b'saħħithom għall-proprjetà intellettwali;
72. Jitlob lill-Kummissjoni biex, bħala parti mill-ħidma tagħha fl-2015, tipproponi abbozzi ta’ direttivi indirizzati lill-Istati Membri għall-immodernizzar tal-Ftehim eżistenti mal-Messiku; jitlob li dawn id-Direttivi jinkludu dispożizzjonijiet ambizzjużi għall-ftuħ reċiproku tas-swieq, jindirizzaw it-tariffi, l-ostakli mhux tariffarji u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ f'firxa wiesgħa ta’ setturi, inkluż iżda mhux biss: is-servizzi finanzjarji, is-servizzi professjonali, l-assigurazzjoni, l-akkwist pubbliku, il-kimiki, l-ikel ipproċessat, il-kummerċ fl-enerġija, il-proprjetà intellettwali u l-industriji awtomobilistiċi;
73. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx impenn biex tirtira l-proposta tagħha għal regolament li jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-UE fl-akkwist pubbliku, minkejja oppożizzjoni qawwija minn għadd kbir ta’ Stati Membri għal dawk li ħafna jqisu bħala miżura protezzjonista li tista' tinvolvi diffikultajiet kummerċjali sinifikanti ma' ċerti sħab kummerċjali, inklużi l-għeluq possibbli ta’ swieq b'ritaljazzjoni mhux biss fl-akkwist pubbliku iżda anki f'setturi ewlenin oħra; jemmen li l-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni jkunu indirizzati aħjar f’negozjati bilaterali għal ftehimiet ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi jew billi aktar pajjiżi jitħeġġu sabiex jissieħbu fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;
74. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward it-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim tal-UE ma’ Singapor u d-dewmien konsiderevoli li dan ikun ifisser biex dan il-ftehim jidħol fis-seħħ;
'Żona ta’ Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali Bbażati fuq Fiduċja Reċiproka'
75. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirtira proposti leġiżlattivi li ma sabux appoġġ fil-Kunsill, u f’dan il-kuntest jemmen li huwa korrett li tirtira d-direttiva dwar il-liv tal-maternità, filwaqt li jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
76. Jappoġġa bis-sħiħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità transkonfinali; jiddispjaċih, madankollu, li minkejja l-oppożizzjoni sinifikanti fi ħdan il-Kunsill u tħassib serju fir-rigward tal-proporzjonalità, il-bażi ġuridika, is-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni ma rtiratx il-proposta għall-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
77. Jappoġġa bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni biex tgħin fl-indirizzar ta’ theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri b’rabta ma’ ġellieda barranin u t-terroriżmu; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi l-adozzjoni espedjenti tad-Direttiva dwar il-PNR tal-UE bħala prijorità fil-programm ta’ ħidma tagħha;
78. Jilqa’ l-fatt li ċ-ċiberkriminalità se tkun prijorità fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; jitlob azzjoni qawwija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal online;
79. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni talbet li l-kumpaniji elenkati fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiżguraw li jissodisfaw kwota ta’ 40 % tas-sess sottorappreżentat fuq il-bordijiet tagħhom; jinnota li l-Kummissjoni nnifisha hija magħmula minn 32 % nisa u 68 % irġiel; jinsisti li l-ħatriet fuq bordijiet tal-kumpaniji għandhom ikunu fuq il-mertu biss, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'Borża u miżuri relatati ( COM(2012)0614 );
80. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex jittieħdu sensiela ta’ passi li jistgħu jitkejlu biex jinqerdu l-prattiki li jkunu ta’ ħsara għan-nisa u l-bniet, inklużi ż-żwieġ tat-tfal u dak furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), il-qtil għall-unur, l-isterilizzazzjoni furzata, l-istupru fil-kunflitti, it-tħaġġir u l-forom l-oħra kollha ta’ brutalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jissaħħaħ l-appoġġ disponibbli għall-vittmi ta’ tali brutalità;
81. Jappoġġa bil-qawwa azzjoni biex tintemm kull forma ta’ diskriminazzjoni, u l-politiki li jirrikonoxxu l-importanza tal-familja bħala l-fundament tas-soċjetà; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;
'Lejn Politika Ġdida dwar il-Migrazzjoni'
82. Jaqbel li hemm bżonn ta’ approċċ sod iżda ġust fir-rigward tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jappoġġa bis-sħiħ it-talba tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li jiġi miġġieled l-abbuż tas-sistema tal-immigrazzjoni tal-UE;
83. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-tħassib kbir li jeżisti f’xi Stati Membri dwar l-abbuż tal-benefiċċji soċjali fost ir-residenti minn Stati Membri oħra; jenfasizza li l-benefiċċji u l-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali huma kompletament f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu;
84. Jappoġġa l-ħtieġa li l-migrazzjoni li tkun marbuta mal-politika esterna tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, fosthom ir-reġjuni tal-Afrika Sub-Saħarjana, l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani, permezz tal-programmi ta’ ritorn u risistemazzjoni, u l-ftehimiet ta' ġestjoni tal-migrazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi ta’ tranżitu; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toffri assistenza ulterjuri permezz ta' assistenza umanitarja, politika u ta’ taħriġ;
85. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti rigward il-kwalità tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-proċeduri tal-asil fl-UE, peress li dawn iż-żewġ fatturi għandhom impatt sinifikanti fuq l-indirizzar tal-pressjonijiet migratorji b’mod effettiv u effiċjenti;
86. Jappoġġa bis-sħiħ it-talba tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri stretti li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin, kif ukoll l-għoti ta’ assistenza lil pajjiżi terzi permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġu enfasizzati r-riskji tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza u timplimenta miżuri konkreti biex tindirizza l-prattika tal-mistħija tal-iskjavitù moderna;
87. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif ir-rwol futur tal-FRONTEX u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil jista’ jitjieb fil-futur sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-pressjonijiet migratorji li qed tiffaċċja l-UE, kemm fiż-żamma tas-sigurtà tal-fruntieri esterni kif ukoll fil-prevenzjoni ta’ telf tal-ħajja fuq il-baħar;
88. Jitlob analiżi sħiħa, li għandha titwettaq mill-Kummissjoni, dwar l-effikaċja tal-użu ta’ riżorsi u finanzjament tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil, b’mod partikolari l-użu ta’ Fondi tal-Affarijiet Interni u speċjalment fir-rigward tal-asil, l-integrazzjoni, il-kontrolli fil-fruntieri u r-ritorni;
'Attur Globali Aktar b’Saħħtu'
89. Jirrispetta d-dritt tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet unilaterali dwar il-politika tal-affarijiet barranin, ta’ sigurtà u ta’ difiża u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ reazzjonijiet komuni permezz tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tat-theddid u l-isfidi eżistenti u emerġenti komuni;
90. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jaħdem f’kooperazzjoni, u mhux f’kompetizzjoni, ma’ organizzazzjonijiet bħan-NU, in-NATO u l-G20, sabiex ikun żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jaffrontaw b’mod effettiv l-isfidi barranin u ta’ sigurtà eżistenti u emerġenti, b’mod partikolari fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Unjoni;
91. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-opportunità mogħtija mis-Sena għall-Iżvilupp 2015 sabiex twaqqaf programm ta’ rieżami regolari tal-Ftehim ta’ Cotonou, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
92. Jemmen li jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ għanijiet u mir fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) futuri sabiex l-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 issir aktar koerenti u effettiva, u li għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-ġid fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw stess, fuq il-kummerċ u fuq l-appoġġ għall-SMEs, billi jinħoloq ambjent li jiffavorixxi proprjetarji ta’ negozji żgħar u jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi finanzjarji; jinkoraġġixxi sforzi ġodda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-flussi illegali tal-kapital bħala prijorità prevalenti fil-finanzjament tal-iżvilupp;
93. Jitlob sett ta’ għanijiet uniku, konvinċenti u komunikabbli biex jinqered il-faqar estrem permezz tal-iżvilupp sostenibbli sal-2030, li għandu jiffoka fuq: it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-ġid, inklużi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli bħala element ewlieni fl-iżvilupp sostenibbli; il-paċi, il-governanza tajba, it-trasparenza u istituzzjonijiet responsabbli; u l-libertà mill-vjolenza, u l-istat tad-dritt;
94. Jitlob li jiġu kkonċentrati mill-ġdid l-isforzi għall-iżvilupp fuq il-kummerċ u l-investiment għall-iżvilupp, u jenfasizza l-importanza tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs) li ġew innegozjati, peress li dawn huma strumenti għall-iżvilupp essenzjali bbażati fuq ir-reċiproċità u l-liberalizzazzjoni kummerċjali fost il-membri reġjonali; jemmen li d-diskussjonijiet dwar l-FSE s-sena d-dieħla huma opportunità biex jintalab monitoraġġ effiċjenti ta’ dawn il-ftehimiet u jiġi żgurat li r-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi AKP jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ żvilupp tagħna;
95. Jitlob miżuri fuq perjodu ta’ żmien twil biex jiġu evitati tifqigħat ta' mard futuri; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment sostanzjali fis-sistemi tal-kura tas-saħħa lokali, peress li l-polikliniċ b'ammont adegwat ta’ persunal u li jkunu forniti tajjeb jgħinu lill-pajjiżi affiljati jindirizzaw mhux biss il-kriżijiet temporanji, iżda wkoll il-mard ġeneralment iktar prevalenti bħall-malarja u l-mard tad-dijarea;
'Unjoni ta’ Bidla Demokratika'
Kwistjonijiet istituzzjonali
96. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-wegħdi li għamel il-President Juncker ta’ aċċettazzjoni ta’ “patt ġust” mar-Renju Unit u Stati Membri oħra li jixtiequ jirkupraw oqsma ta’ sovranità; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati billi tintroduċi l-kwistjoni fl-ewwel tal-KIG li jmiss u biex iżżommha bħala suġġett kontinwu sakemm in-negozjati jkunu jistgħu jiġu konklużi;
97. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Qorti biex tippermetti li l-imħallfin tagħha jippreżentaw opinjonijiet kuntrarji, skont il-prattika eżistenti ta’ qrati internazzjonali oħra u b’mod speċifiku dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu;
98. Jinnota l-opinjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward il-ftehim dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); għandu dubji dwar kemm hu ta' valur li titkompla din l-adeżjoni, minħabba l-inċertezza u l-kumplessità miżjuda li se jirriżultaw mill-fatt li jkun hemm żewġ ġurisdizzjonijiet li jikkompetu fil-qasam tad-drittijiet tal-Konvenzjoni u d-drittijiet tal-Karta; għadu jemmen li l-adeżjoni ma għandhiex tkun ta’ prijorità għall-UE, u li, minflok, ir-riforma tal-KEDB għandha tiġi mfittxija mill-partijiet kontraenti tagħha sabiex ittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, bħala prijorità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
99. Jilqa’ l-impenji favur it-tfassil aħjar tal-liġijiet u t-trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ reviżjoni futura ta’ ftehimiet interistituzzjonali; jemmen li dawn it-tipi ta’ riformi istituzzjonali huma meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja u jiġi mmodernizzat l-prospetti u l-attitudnijiet ta’ istituzzjonijiet ta' spiss skaduti; madankollu jesprimi diżappunt kbir li r-riforma ma kinitx motivatur iktar espliċitu għal dan il-Programm ta’ Ħidma;
Kwistjonijiet baġitarji
100. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-introduzzjoni ta' dixxiplini u proċessi aktar b'saħħithom peress li dan jippermetti infiq aħjar u aktar effiċjenti; jemmen li l-problema ta' ħlas eżistenti għandha tiġi indirizzata b’mod urġenti u għandhom jinstabu soluzzjonijiet fit-tul u sostenibbli;
101. Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun baġit ta' investment iffokat fuq il-kisba ta’ riżultati konkreti; jemmen li l-baġit irid jiffoka fuq l-oqsma ta’ infiq li joffru valur miżjud ċar u li jista’ jintwera, bl-istrumenti kollha jintefqu bl-aktar mod effikaċi possibbli; jitlob f’dan ir-rigward aktar skrutinju u skrutinju aħjar;
102. Ifakkar li l-infiq pubbliku Ewropew ma jistax jiġi eżentat mill-isforzi konsiderevoli tal-Istati Membri biex jikkontrollaw l-infiq pubbliku tagħhom; jinsisti li jsir tnaqqis effiċjenti fil-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE, li għal kwalunkwe sejħa għal persunal biex jiġu indirizzati prijoritajiet ġodda ikun hemm tnaqqis kumpensatorju f’postijiet oħra, u li għaldaqstant isir tnaqqis sinifikanti fil-baġits tal-istituzzjonijiet tal-UE;
103. Jinsisti li l-baġit tal-Unjoni m’għandux iżid piżijiet fiskali addizzjonali fuq il-kontribwenti u għandu jkun indirizzat b’mod ċar biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi strutturali attwali, inkluża l-kisba mill-ġdid tal-kompetittività tagħna;
104. Jemmen li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-proċedura baġitarja annwali irid jiġi reviżjonat; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill għandu jistabbilixxi l-baġit, filwaqt li l-Parlament flimkien mal-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet ta’ nfiq u jagħmlu skrutinju sħiħ tal-infiq kollu f’termini ta’ riżultati;
Il-Politika Agrikola Komuni
105. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK); itenni, madankollu, li din is-simplifikazzjoni għandha tmur lil hinn minn sempliċement traqqim leġiżlattiv u għandha tiffoka fuq is-simplifikazzjoni tal-bosta piżijiet regolatorju li jiffaċċjaw il-bdiewa madwar l-UE; jinnota f’dan ir-rigward li l-aktar riforma reċenti tal-PAK żiedet sostanzjalment il-kumplessità tal-PAK;
106. Jinnota l-impenn tal-Kummissjoni li tagħmel rieżami tal-miżuri ta' "ekoloġizzazzjoni" fi ħdan il-pagamenti diretti wara l-ewwel sena ta’ applikazzjoni; madankollu, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li dan ir-rieżami jsir rieżami sħiħ ta’ nofs it-terminu tal-aspetti kollha tal-PAK, u mhux biss tal-miżuri ta' ekoloġizzazzjoni, bil-għan li l-politika ssir iktar ġusta u ta’ anqas piż fuq il-bdiewa u l-amministrazzjonijiet nazzjonali u jiġi żgurat li l-bdiewa Ewropej ikunu jistgħu jkunu kompetittivi fis-suq globali;
107. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex idewwem l-introduzzjoni ta’ miżuri ta' ekoloġizzazzjoni fl-ewwel pilastru tal-PAK b'sena, sabiex jingħata żmien ħalli jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji li ħafna amministrazzjonijiet nazzjonali qed ikollhom fit-tentattivi tagħhom biex jimplimentaw dawn ir-riformi;
108. Jenfasizza li l-UE għandha standards għoljin ħafna għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa, li huma vitali biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi tal-UE, u jtenni li dawn l-istandards m’għandhomx jiġu kompromessi jew innegozjati 'l barra fil-kuntratti kummerċjali li l-UE qiegħda tfittex li tikkonkludi ma’ pajjiżi terzi.
Il-Politika Komuni tas-Sajd
109. Jiddispjaċih li ma hemm l-ebda referenza għall-implimentazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) riformata, meta mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem se jkun hemm numru ta’ bidliet sinifikanti fil-PKS: it-tisħiħ tal-aspett reġjonali tal-PKS, l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tar-rimi filwaqt li tiġi pprovduta ċertezza legali għas-sajjieda, is-sodisfar tal-miri ta’ rendiment massimu sostenibbli, u l-ġbir tad-data kollha meħtieġa għal ġestjoni aħjar ta’ riżorsi tas-sajd Ewropej; jirrikonoxxi li għad hemm bżonn ta’ riformi ulterjuri;
110. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri b’mod speċjali fir-rigward tal-appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira u ż-żamma ta’ metodi ta’ sajd tradizzjonali u aktar kontroll nazzjonali u reġjonali tal-prattiki tas-sajd u l-istokkijiet tal-ħut;
111. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' valutazzjoni tal-impatt dwar is-sajd bħala passatemp u l-impatt tiegħu fuq ir-riżorsi tal-ħut tal-UE, li se jkun konformi mar-regoli eżistenti tal-PKS;
112. Jirrikonoxxi li l-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sajd Imħallat tal-Baltiku u d-dħul fis-seħħ tal-obbligu ta’ ħatt l-art, kif previsti fir-riformi tal-PKS, se jissostitwixxu għadd ta’ regolamenti li attwalment huma imblukkati fil-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sajd Imħallat tal-Baltiku u l-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art;
113. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq is-sajd intensiv perjodiku fir-reviżjoni li jmiss tar-regolament dwar il-Miżuri Tekniċi, filwaqt li jfakkar li din it-teknika hija sostenibbli u innovattiva u tikkontribwixxu biex jitnaqqas l-iskartar;
114. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem b’mod speċifiku mal-Islanda biex jintleħaq ftehim tas-sajd li jipproteġi s-saħħa fit-tul tal-kavalli;
Il-Politika Reġjonali
115. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li toħloq sħubija iktar mill-qrib mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-parlamenti nazzjonali sabiex titjieb l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-Fondi Strutturali, u li tintroduċi regoli ġodda għall-Fondi għall-perjodu 2014-2020 kemm jista’ jkun mingħajr xkiel; jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni fit-titjib tal-aċċessibbiltà għall-fondi u l-qerda tal-irregolaritajiet u l-frodi;
o
o o
116. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.