Dokument ta' sessjoni
12.1.2015 B8‑0039/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
( 2014/2829(RSP) )
Gabriele Zimmer
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
( 2014/2829(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 ( COM(2014)0910 ),
– wara li kkunsidra l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ( COM(2014)0903 ),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (EU) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013 ( COM(2014)0905 );
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE qed tkompli tissielet mal-agħar kriżi ekonomika u soċjali sa minn mindu twaqqfet, bl-ekonomiji li qed jistaġnaw u t-theddida dejjem toqrob ta' deflazzjoni, livell għoli ta' qgħad, tnaqqis tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi dejjem jiżdiedu, u li qed tippreżenta sfidi mingħajr preċedenti għall-UE;
B. billi parti kbira mill-kriżi attwali għandha l-għeruq tagħha fit-tnedija tal-euro, peress li l-munita għandha difetti kbar fid-disinn strutturali tagħha, fatt li retrospettivament jissuġġerixxi li ma kinitx adattata għall-iskop tagħha; jemmen li d-difetti jinkludu nuqqas ta' sorveljanza, peress li mijiet ta' biljuni ta' euro ħarġu mill-pajjiżi hekk imsejħa tal-qalba lejn il-periferija tal-UE, u nuqqas ta' previġġenza, peress li ma twaqqfu l-ebda strutturi ta' rimedju biex jittrattaw il-ħsara kkawżata minn dan il-moviment transnazzjonali massiv u f'daqqa tal-munita; billi l-Istati Membri kollha jikkondividu responsabilità għan-nuqqasijiet inerenti fid-disinn tal-euro, u billi l-piż tad-dejn li rriżulta minn dawn id-difetti huwa sproporzjonat b'mod massiv, b'xi pajjiżi li gawdew filwaqt li oħrajn spiċċaw imġiegħla f'depressjoni serja; billi dawn id-difetti fundamentali u l-iżbilanċ għad irid jiġu indirizzati;
C. billi l-istituzzjonijiet tal-UE qed jimponu restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-baġits nazzjonali; billi din il-politika se tirriżulta f'qgħad dejjem jiżdied, tnaqqis qawwi fis-salarji, età tal-pensjoni ogħla, anqas infiq pubbliku f'oqsma bħall-edukazzjoni u s-saħħa, u se toħnoq id-domanda filwaqt li twitti t-triq għall-introduzzjoni ta' programm ta' privatizzazzjoni radikali, biex b'hekk toħloq il-kundizzjonijiet biex tkompli taggrava l-kriżi ekonomika attwali;
D. billi seba' snin wara li faqqgħet il-kriżi finanzjarja, l-industrija finanzjarja tibqa' mhux regolata biżżejjed u għad hemm ir-riskju ta' banek "żombi", li jinżammu ħajjin minkejja t-test tal-istress li l-BĊE għamel dan l-aħħar, u dan jostakola l-flussi ta' kreditu lill-intrapriżi u d-djar;
E. billi d-diskussjonijiet dwar l-hekk imsejħa Unjoni tas-Swieq Kapitali jevidenzjaw il-fatt li l-lobby tas-swieq finanzjarji hija aktar b'saħħitha minn qatt qabel hekk kif qed tipprova timmassimizza l-libertà ta' azzjoni tagħha, u terġa' tapprofitta ruħha billi tagħti ħajja ġdida lis-suq għal prodotti tossiċi bħat-titoli ggarantiti b'assi;
F. billi r-rimedji adottati, bħal mhuma l-pakketti għal governanza ekonomika, ineħħu b'mod permanenti l-għażliet politiċi mill-gvernijiet sovrani u eletti demokratikament tal-Istati Membri u mill-kontroll demokratiku tal-popli tal-Ewropa, inkluż mill-parlamenti nazzjonali, u jistabbilixxu awsterità permanenti li qed tmexxi lill-Ewropa lejn depressjoni ekonomika fit-tul;
G. billi s-sistemi fiskali huma mfassla b'mod li jiffavorixxu lill-intrapriżi l-kbar aktar milli liċ-ċittadin ordinarju; billi l-awsterità u l-miżuri stretti ta' dixxiplina fiskali, flimkien mat-telf kbir mid-dħul governattiv li jirriżulta mill-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, iqiegħdu pressjoni ulterjuri fuq il-baġits tal-Istati Membri u jippreġudikaw l-interessi tal-kontribwenti u l-ħaddiema fl-Unjoni;
H. billi qed titqajjem kwistjoni importanti ta' ġustizzja soċjali minħabba l-fatt li, filwaqt li l-poplu tal-Ewropa qed ibati b'mod irreparabbli mill-programmi ta' awsterità u r-riformi strutturali neoliberali, il-ftehimiet fiskali sigrieti, l-evażjoni tat-taxxa fuq livell globali u t-trasferiment tal-profitti lejn rifuġji fiskali huma perfettament legali;
I. waqt li jindika li l-iskandlu li qed jiċċirkonda r-rwol tal-President tal-Kummissjoni fl-iskemi ta' evażjoni tat-taxxa fil-Lussemburgu xekkel il-kredibilità tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-objettiv iddikjarat tagħha li tiġġieled kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa u fir-rigward tal-promozzjoni ta' sistema fiskali ġusta li biha jikkontribwixxu l-partijiet kollha tas-soċjetà;
J. billi l-kriżi klimatika għadha ta' theddida għall-istabilità, is-saħħa u l-għajxien tas-soċjetajiet madwar id-dinja, kif ukoll għall-benessri tal-annimali u l-bijodiversità; billi l-politika tal-UE dwar il-klima hija insuffiċjenti u l-ħtieġa għal bidla reali għas-sistema ta' produzzjoni s'issa ntfiet mix-xewqa li tiġi promossa l-kompetittività tal-Unjoni fis-suq globali;
K. billi l-politiki s'issa mhux talli naqsu milli jerġgħu jistabbilixxu ekonomija sostenibbli u inklużiva li tkun tista' tipprovdi impjiegi deċenti għal miljuni ta' nies fl-Unjoni Ewropea li jkunu qiegħda jew li xogħolhom ma jisfruttax il-potenzjal tagħhom, kif ukoll livell għoli ta' servizzi ta' assistenza soċjali, filwaqt li tħares l-ambjent, iżda talli dawn il-politiki inkapaċi ħolqu wkoll nuqqas ta' fiduċja profond fost iċ-ċittadini li l-UE tista' tipprovdi tweġibiet għall-problemi li jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;
L. billi aktar trasparenza, ftuħ u demokratizzazzjoni tal-UE, inkluż parteċipazzjoni aktar b'saħħitha miċ-ċittadini fit-tiswir tal-futur tal-Unjoni, huma essenzjali biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadin fl-UE u għaldaqstant għas-sopravivenza fit-tul tal-Unjoni;
M. waqt li jindika li hemm bżonn ta' bidla politika fundamentali lil hinn mill-politiki li bħalissa qed issegwi l-Kummissjoni, lejn politiki li jsaħħu lill-UE u l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu tkabbir ekonomiku sostenibbli, livell massimu ta' impjiegi u biex jiġġieldu l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi fl-introjtu;
TAQSIMA 1
1. Jesprimi n-nuqqas ta' sodisfazzjon kbir tiegħu dwar il-fatt li l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 ma jinkludix il-proposti leġiżlattivi li ġew elaborati u diskussi fil-leġiżlatura preċedenti;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-prinċipju tal-Kummissjoni ta' nuqqas ta' kontinwità politika, peress li dan jippreġudika kompletament id-drittijiet tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur; jinsisti li d-deċiżjoni li jiġi rtirat dossier leġislattiv trid tkun ir-riżultat tal-proċedura deċiżjonali; jopponi bil-qawwa l-irtirar propost tal-proposta dwar il-Lif tal-Maternità, kif ukoll tal-Pakkett dwar l-Iskart, ir-Rieżami tal-Politika dwar Arja Nadifa u l-Inizjattiva favur Ekonomija Ċirkolari, li ġie identifikat li huma kruċjali għat-tkabbir sostenibbli u għall-benesseri u s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE;
3. Jiddeplora profondament it-tentattiv riċenti mill-Kummissjoni li tindaħal fl-elezzjoni nazzjonali fil-Greċja; jinsisti li l-Kummissjoni toqgħod lura milli tindaħal fil-proċess demokratiku tal-Istati Membri;
4. Jiddispjaċih li, minkejja l-wegħda inerenti fit-titolu "Bidu Ġdid", il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni huwa essenzjalment tkomplija tal-politiki falluti ta' konsolidament fiskali, riformi strutturali u deregolamentazzjoni;
5. Jemmen, għalhekk, li l-Programm ta' Ħidma jonqos milli jindirizza l-isfidi ewlenin li qed taffaċċja l-UE llum, bħall-ekonomiji li qed jistaġnaw, it-theddida ta' deflazzjoni, livell għoli ta' qgħad, tnaqqis tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, inugwaljanzi soċjoekonomiċi li qed jiżdiedu u livelli għoljin ta' dejn pubbliku u estern; jinsisti li l-kriżi ekonomika, soċjali, klimatika u politika tista' tingħeleb biss permezz ta' politika radikali ġdida li tqiegħed lin-nies, l-annimali u l-ambjent,minflok l-interessi tas-swieq finanzjarji, fil-qalba tal-politiki kollha;
6. Jikkritika l-inizjattiva emblematika tal-Programm ta' Ħidma – il-Pjan ta' Investiment propost – bħala kompletament insuffiċjenti biex tqanqal l-investiment, minħabba li hija kunċettwalment difettuża, peress li tipproponi l-privatizzazzjoni tal-profitti u s-soċjalizzazzjoni tar-riskji, u jonqsuha r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex taffronta d-distakk massiv bejn id-domanda u l-investiment fl-UE; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-"Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi" jinbidel bi "Programm Ewropew ta' Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali" li jkun b'saħħtu u qawwi b'mod li jqanqal tkabbir kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat;
7. Jiddeplora profondament il-fatt li d-dimensjoni soċjali u ambjentali hija assenti mill-Programm ta' Ħidma; jiddeplora bl-istess mod l-assenza ta' politiki rigward il-kultura, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni; jissottolinja l-fatt li l-miżuri ta' awsterità ppreġudikaw lis-servizzi pubbliċi u pperikolaw l-impatt tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-irkupru ekonomiku; ifakkar li l-appoġġ għall-professjonijiet u l-industriji kreattivi, kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja, irid ikun prijorità għolja sabiex jiġu miġġielda l-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanzi;
8. Jissottolinja l-fatt li l-livell ta' dejn pubbliku u estern fil-pajjiżi periferiċi tal-UE hu fost l-ogħla fid-dinja, u dan iservi ta' prova tan-natura assimetrika tal-proċess ta' integrazzjoni; ifakkar li dan id-dejn oriġina fil-parti l-kbira mis-salvataġġi tal-istituzzjonijiet finanzjarji li qabel kienu involuti fi prattiki spekulattivi u abbużivi, minħabba n-nuqqas ta' regolamentazzjoni u kontroll demokratiku xierqa tal-ekonomija; jikkundanna l-fatt li d-dejn pubbliku kien l-iskuża biex jiġu imposti miżuri ta' awsterità, li l-konsegwenzi tagħhom huma aktar faqar, il-ksur tad-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali, u aktar dejn; jikkunsidra li hu imperattiv li jiġi affrontat il-piż tad-dejn, li dan jiġi nnegozjat mill-ġdid (ristrutturar u tnaqqis sostanzjali), li jinġieb f'livelli sostenibbli, bħala kwistjoni ta' urġenza u ta' ġustizzja elementari; jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi lill-banek milli jikkonfiskaw proprjetà minn ċittadini ordinarji li jkunu ntlaqtu ħażin mill-kriżi;
9. Jinsisti li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-programm REFIT sabiex tiżgura li l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar u semplifikazzjoni ma tintużax bħala skuża għal deregolamentazzjoni li ddgħajjef il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, il-ħarsien tal-konsumatur, l-istandards ambjentali, l-istandards għall-benessri tal-annimali u d-djalogu soċjali;
10. Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri juru determinazzjoni politika reali billi jintaxxaw lil min ikun effettivament id-detentur tal-ġid u li tiġi żviluppata strateġija komprensiva b'miżuri leġiżlattivi konkreti u effikaċi, b'attenzjoni partikolari għall-operazzjonijiet ta' kummerċ internazzjonali, għaċ-ċaqliq tal-profitti multinazzjonali u t-tranżazzjonijiet interni fi grupp, għall-projbizzjoni tal-kumpaniji offshore u r-rifuġji fiskali u għall-istabiliment ta' rati minimi tat-taxxa korporattiva;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha fil-ġejjieni tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet soċjali u fundamentali; b'mod partikolari, il-pakketti għal governanza ekonomika, il-politika tal-immigrazzjoni u l-iskemi tal-UE għall-ġbir, l-ipproċessar, it-trasferiment u l-ħżin fuq skala kbira tad-data għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ex-ante tal-koerenza tagħhom mad-drittijiet fundamentali;
TAQSIMA 2
POŻIZZJONIJIET TA' POLITIKA SPEĊIFIĊI GĦAL KULL SETTUR DWAR IL-PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI GĦALL-2015
Politika soċjalment ibbilanċjata ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment
12. Jissottolinja l-fatt li l-kriżi ekonomika u soċjali attwali hi wkoll ir-riżultat tal-politiki neoliberali tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' swieq finanzjari deregolamentati, għal swieq liberalizzati tal-prodotti u tas-servizzi u għall-finanzjalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija, kif ukoll għat-tnaqqis tal-investiment pubbliku u għal deregolamentazzjoni dejjem akbar tas-suq tax-xogħol; jappella lill-Kummissjoni biex tinverti din il-politika;
13. Jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-adeżjoni tal-UE mal-Karta Soċjali Ewropea bħala pass inizjali lejn il-ksib ta' bilanċ aħjar bejn l-interessi soċjali u tax-xogħol, fuq naħa, u l-interessi ekonomiċi fuq in-naħa l-oħra;
14. Jappella lill-Kummissjoni biex tibdel il-"Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi" bi "Programm Ewropew ta' Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali" li jkun b'saħħtu u qawwi b'mod li jqanqal tkabbir kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat;
15. Jappella lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat b'mod li tippermetti intervent statali biex jissaħħu l-proġetti ta' benefiċċju soċjali u ambjentali, u biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u lill-industriji li jinsabu f'diffikultà permezz ta' kontribuzzjoni għall-bini mill-ġdid tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom, li ntlaqtu b'mod qawwi mill-kriżi;
16. Jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP li ġenwinament ikun jirrifletti l-prijoritajiet li huma meħtieġa biex jitqanqal tkabbir sostenibbli, kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat;
17. Jenfasizza li l-politika reġjonali hija strument indispensabbli għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, bil-għanijiet ewlenin li jnaqqas l-inugwaljanzi reġjonali, jippromwovi konverġenza reali u jħeġġeġ it-tkabbir u l-impjiegi; jinsisti li l-politika ta' koeżjoni trid tiġi segwita u msaħħa u għandha tibqa' dejjem politika indipendenti li tiddisponi għal żvilupp sostenibbli (ekonomiku, soċjali, ambjentali u territorjali), kif ukoll għal tnaqqis fl-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni u f'kemm ikunu għadhom lura r-reġjuni aktar foqra;
18. Jirrifjuta l-approċċ tal-Kummissjoni li tissubordina l-politika ta' koeżjoni għall-governanza ekonomika Ewropea, kif ukoll l-użu tal-kondizzjonalità makroekonomika fil-Patt ta' Stabilità u Tkabbir bħala rekwiżit għall-aċċess għall-fondi mill-politika ta' koeżjoni u għall-iżvilupp reġjonali; jinsisti li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex tintuża bħala strument ta' kastig finanzjarju;
19. Jemmen li l-finanzjament eżistenti tal-UE u r-riżorsi finanzjarji attwali tal-UE għall-politika ta' koeżjoni mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-ksib ta' konverġenza reali u mal-affrontar tal-inugwaljanzi reġjonali, tal-livelli għolja ta' qgħad, tal-inugwaljanzi fl-introjtu u tal-faqar fl-Unjoni Ewropea; jindika il-ħtieġa li l-baġit tal-UE jissaħħaħ fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, kif ukoll il-pagamenti pendenti taħt il-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013;
Politika diġitali li tħares l-interessi u d-drittijiet taċ-ċittadini
20. Jilqa' l-objettiv tal-Kummissjoni li tkun fuq quddiem nett tar-rivoluzzjoni diġitali; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-internet hu ta' dominju pubbliku u l-fatt li l-garanzija tal-prinċipju tan-newtralità tal-internet irid ikun fil-qalba tal-politika tal-UE;
21. Jinnota li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-internet tħoll u torbot fir-rigward tas-suċċess tas-soċjetà u l-ekonomija diġitali; jemmen li ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari dik tal-minorenni, hi importanti, iżda li l-libertà minn suspett hija ugwalment importanti għaċ-ċittadini; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jiżguraw li l-privatezza u d-data privata fuq l-internet ikunu protetti kemm minn korpi pubbliċi u kemm minn dawk privati;
22. Huwa tal-fehma, fid-dawl ta' kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija diġitali li diġà qed ikunu dejjem aktar prekarji, li hemm bżonn li l-strateġija tal-Kummissjoni rigward is-suq uniku diġitali tiġi kkomplementata b'miżuri ta' salvagwardja sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'dan is-settur;
23. Jemmen li tikketta ta' "xogħol ġust" għal prodotti ta' softwer (bħal logħob u applikazzjonijiet ta' software) tista' sservi bħala pass inizjali lejn dan l-għan;
24. Jevidenzja l-fatt li r-riforma prevista tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali m'għandhiex tħares biss lid-drittijiet tas-sidien – l-awturi u l-ħaddiema kreattivi minn naħa waħda u s-soċjetajiet kolletriċi, id-ditti ta' pubblikazzjoni u l-industriji tad-divertiment min-naħa l-oħra, iżda għandha wkoll tiggarantixxi aċċess estensiv għall-pubbliku, apparti milli tiżgura li innovazzjoni ulterjuri ma titwaqqafx;
Poltika klimatika sostenibbli ġdida u politika tal-enerġija soċjalment ġusta
25. Jemmen li l-kriżi klimatika hija r-riżultat ta' sistema ta' produzzjoni difettuża li tagħmel użu intensiv mill-enerġija, li hi indirizzata lejn l-insegwiment tal-profitt, u li s-soluzzjoni għat-tibdil fil-klima ma tistax titħalla f'idejn is-suq, iżda tirrikjedi bidla radikali fil-metodi ta' produzzjoni u l-konsum; jappella lill-Kummissjoni sabiex teżamina mill-ġdid il-politika tagħha dwar il-klima u tintegra l-politika dwar it-tibdil fil-klima fil-politiki kollha tagħha;
26. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni fir-rigward ta' miri vinkolanti li wriet s'issa l-Kummissjoni; jemmen li hemm bżonn urġenti li tissaħħaħ l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' żżomm ir-rwol tagħha ta' mexxejja fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, tħeġġeġ il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u tikkontribwixxi għal sehem ġust tal-azzjoni globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;
27. Jieħu nota tal-wegħda li l-proposti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030 jitressqu sa tmiem l- 2015; ifakkar lill-President Juncker dwar l-impenn tiegħu li jimplimenta objettiv għal effiċjenza ta' 30 % fl-użu tal-enerġija;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-użu tal-enerġija u l-bijomassa; jitlob ulterjorment lill-Kummissjoni tressaq proposti li jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trobbija intensiva tal-bhejjem, peress li dawn ikollhom impatt ferm ikbar fuq it-tibdil fil-klima minn gassijiet b'effett ta' serra ta' tip ieħor;
29. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirriforma u torganizza mill-ġdid il-politika tal-enerġija tal-UE f'Unjoni tal-Enerġija Ewropea ġdida b'mod li tiggarantixxi l-provvisti tal-enerġija, tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ittejjeb il-parteċipazzjoni mill-konsumatur, issaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, tiffavorixxi struttura kooperattiva internazzjonali għall-enerġija li tkun tinkludi lir-Russja, u tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija; jinsisti f'dan ir-rigward li l-politika tal-enerġija tal-UE trid tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għall-enerġija, tikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija li jkunu għall-but ta' kulħadd b'mod li jibbenefikaw il-konsumaturi kollha, issaħħaħ il-kontroll pubbliku u r-regolamentazzjoni f'dan is-settur, kif ukoll tikkontribwixxi għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fil-qasam tal-enerġija;
30. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiffoka mill-qrib fuq il-kwistjoni tal-faqar enerġetiku meta tkun qed tfassal il-proposta tagħha għal Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija;
31. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm miżuri ta' politika strateġika ambizzjużi u investiment sinifikanti, immexxija mis-settur pubbliku, sabiex jingħata appoġġ qawwi għall-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu appoġġati s-sistemi ta' enerġija distribwita sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija u tiġi evitata l-ħela waqt it-trasport; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament għar-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, il-modernizzazzjoni tan-netwerks ta' distribuzzjoni u l-ħżin tal-enerġija jridu jissaħħu;
32. Jaqbel mal-Kummissjoni li hu importanti li jintemm kwalunkwe iżolament ta' Stati Membri min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku u hu tal-opinjoni li l-UE għandha tgħin lill-aktar pajjiżi vulnerabbli biex jiddiversifikaw is-sorsi u r-rotot ta' provvista tagħhom, bħala kwistjoni prijoritarja; jappella biex ikun hemm produzzjoni tal-enerġija sostenibbli li fl-istess ħin tippermetti lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-enerġija bi qbil mal-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom;
Suq intern soċjoekonomikament ibbilanċjat b'bażi industrijali msaħħa
33. Jinsab imħasseb ferm dwar il-fatt li l-Kummissjoni qiegħda targumenta li t-titolizzazzjoni għandha tingħata ħajja ġdida permezz tal-"Unjoni tas-Swieq Kapitali"; ifakkar lill-Kummissjoni li l-industrija finanzjarja gawdiet b'mod massiv mid-deregolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji u tibqa' waħda mill-kawżi ewlenin tal-kriżi ekonomika; itenni r-rikjesta tiegħu biex jitnaqqas b'mod radikali d-daqs tal-industrija finanzjarja, biex tingħata ħajja ġdida għas-self bankarju tradizzjonali lill-ekonomija reali billi tintemm l-awsterità li xxekkel id-domanda għall-investiment, u biex jiġu żgurati s-sorveljanza u l-kontroll demokratiċi tas-settur bankarju;
34. Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rieżami mmirat tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema tqies biss bħala miżura li tapprofondixxi s-suq intern u mhux bħala direttiva għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema; jappella għal politika ġenwina għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema mid-dumping soċjali;
35. Itenni l-importanza li l-attivitajiet industrijali u ta' manifattura jkunu preżenti b'mod mifrux madwar l-Istati Membri, bi qbil mal-objettivi tal-UE li 20 % tal-PDG ikun ġenerat mill-industrija; jinnota li l-industrija tipproduċi 80 % mill-esportazzjonijiet tal-UE u hija sors importanti ta' għarfien teknoloġiku u impjiegi ta' ħila kbira; jindika li, bħala konsegwenza tal-kriżi, f'ħafna Stati Membri ntilef aktar minn 20 % tal-produzzjoni industrijali, li bosta setturi ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi, u li hemm bżonn ta' politika industrijali ġdida biex jinbnew kapaċitajiet industrijali ġodda f'attivitajiet sostenibbli;
36. Itenni l-fatt li setturi strateġiċi bħall-industrija tal-azzar, il-materja prima u s-settur tal-bini qed ibatu b'mod partikolari u li r-regoli attwali dwar il-kompetizzjoni mhumiex qed joħolqu ambjent favorevoli għall-iżvilupp tagħhom; ifakkar fl-objettiv tal-UE li 20 % tal-PDG ikun ġenerat mill-industrija;
37. Jindika li huwa essenzjali li jiġi pprovdut aktar appoġġ lill-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u lill-kooperattivi b'mod partikolari sabiex tingħata spinta għall-attivitajiet tagħhom fi ħdan ambjent kummerċjali stabbli, jitnaqqas kemm jista' jkun l-effett tal-pożizzjonijiet dominanti fis-suq okkupati minn kumpaniji kbar u konglomerati, u tingħata għajnuna biex jiġu stabbiliti u jikbru l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-kooperattivi;
38. Jappella għal approċċ reġjonali bbilanċjat fir-rigward tal-politika industrijali sabiex tinħoloq bażi industrijali diversifikata fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, li hija kruċjali biex jiġu garantiti livelli għoljin ta' impjiegi u ta' attività madwar l-UE;
Politiki ekonomiċi u monetarji demokratiċi
39. Jemmen bil-qawwa li l-arkitettura ta' governanza ekonomika u l-UEM mhijiex demokratika;
40. Jinsisti dwar is-sostituzzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir attwali b'Patt ta' Impjiegi u Żvilupp reali, ibbażat fuq kriterji soċjali li jkunu ta' benefiċċju għall-popli tal-UE;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' appoġġ, ikkomplimentat minn intervent tal-BĊE, għall-pajjiżi fejn sar intervent mit-Trojka, jekk jiddeċiedu b'mod sovran li jekk jibqgħu fi ħdan l-euro s-sitwazzjoni ssir insostenibbli u intollerabbli, billi tipprovdi għal kumpens xieraq għat-telf ikkawżat fil-qafas ta’ ħruġ innegozjat mill-munita;
42. Jitlob li ssir konferenza intergovernattiva bil-għan li jiġi rrevokat il-Patt Fiskali (it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja) u jesprimi ruħu favur is-sospensjoni immedjata tiegħu sakemm isseħħ din il-konferenza;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex finalment tirrikonoxxi li l-miżuri ta' governanza ekonomika fallew kompletament milli jreġġgħu lura tkabbir ekonomiku u soċjali bbilanċjat, u b'hekk itenni t-talba tiegħu li s-"six-pack" u t-"two-pack" jiġu riveduti fondamentalment u jiġu sostitwiti b'miżuri ta' stimolu fiskali b'effett estensiv u soċjalment ibbilanċjat;
44. Iqis li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Bankarja sservi biss l-interessi tal-kapital finanzjarju kbir fl-UE u tikser prinċipji demokratiċi bażiċi; jiddefendi r-revoka tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Bankarja u l-ħtieġa li jiġi żgurat kontroll pubbliku demokratiku fuq is-sistema bankarja;
45. Jiddefendi bidla profonda fil-mandat u l-istatut tal-BĊE, li ġġib fi tmiemha l-awtonomija falza tiegħu, u li tiżura l-kontroll politiku u demokratiku tiegħu mill-Istati Membri fuq l-istess livell, u li trodd lura lill-Istati Membri s-setgħa tad-deċiżjoni dwar għażliet ekonomiċi kruċjali, inkluż il-kontroll tal-politika monetarja tagħhom; jiddefendi wkoll il-possibilità li tinfetaħ it-triq għat-trasformazzjoni tal-BĊE f'istituzzjoni ta' self f'sitwazzjonijiet estremi, u b'hekk jiffunzjona bħal bank ċentrali normali li jistimola l-ekonomiji fi żminijiet ta' deflazzjoni u riċessjoni; f'dan il-kuntest, jinsisti li l-BĊE u l-BEI għandhom jiffinanzjaw direttament l-investment pubbliku biex jappoġġjaw l-ekonomija reali pjuttost milli l-prezzijiet artifiċjali tal-assi l-ġodda;
46. Jitlob mill-Kummissjoni valutazzjoni bir-reqqa u trasparenti tad-diversi miżuri ta' governanza ekonomika, inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku preskritti mit-Trojka, u li tirrifletti fuq il-kritika li mhix qed tiġi espressa biss minn ekonomisti kritiċi iżda wkoll mill-membri tat-Trojka nnifishom. itenni t-talba tiegħu li s-sistema tat-"Troika" tiġi xolta immedjatament;
47. Jiddeplora l-politiki fiskali inġusti u jitlob li dawn jiġu terminati immediatament, inklużi t-taxxi inġusti u rigressivi tal-ilma, li qed jiġu imposti fi Stati Membri fil-qafas ta' programmi ta' aġġustament fiskali, u speċjalment taħt is-superviżjoni tat-Trojka, u li jiksru l-prinċipju ta' ugwaljanza proporzjonali u progressività tat-tassazzjoni, peress li b'mod partikolari l-familji b'introjtu baxx huma affettwati sproporzjonatament bil-miżuri;
48. Jiddispjaċih dwar ir-raġunament fuq żmien qasir u l-approċċ b'miżuri ta' nofs sajran li segwiet il-Kummissjoni fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: jistieden lill-Kummissjoni tintervjeni dwar il-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fuq żmien twil, b'enfasi qawwija fuq il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli ta' kwalità għaż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' approċċ intensivament ibbażat fuq id-drittijiet;
Politika ġdida ta' kummerċ ġust
49. Jesprimi tħassib profond rigward l-orjentament ġenerali mogħti mill-Kummissjoni fil-konfront tal-politika tal-kummerċ internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari n-nuqqas ta' koerenza mal-miri ewlenin li toħloq l-impjiegi, tindirizza l-faqar, tiżgura ekonomija sostenibbli, tikkontrola l-ispekulazzjoni, speċjalment l-ispekulazzjoni fuq l-ikel, tipproteġi s-saħħa pubblika, il-benesseri tal-annimali, l-agrikoltura sostenibbli u l-ambjent, u tiżgura diversità kulturali;
50. Jirrifjuta l-mandati wesgħin ħafna mogħtija mill-Kunsill lill-Kummissjoni għan-negozjar ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) komprensivi bħas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) , il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) u t-Traveller Information Services Association (TISA), li qed jippreżentaw theddida serja kontra s-sikurezza tal-ikel u s-sovranità, l-impjiegi, l-ambjent, is-saħħa pubblika u s-servizzi pubbliċi, fost affarijiet oħra, u li qed jippermettu l-inklużjoni ta' Riżoluzzjonijiet ta' Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS), bil-konsegwenzji negattivi kollha ta' tali mekkaniżmu; jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf dwar in-negozjati tal-kummerċ internazzjonali fl-2015, u tagħti orjentament ġdid lill-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali tal-UE;
51. Ifakkar li l-istudji tal-impatt ikkummissjonati mill-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw it-TTIP, it-TISA u s-CETA, li jwiegħdu impjiegi u ġid għal kulħadd, jippreżentaw nuqqasijiet serji u nuqqas ta’ kredibilità għaliex il-mudelli ekonomiċi użati ma għadhomx validi; jistieden lill-Kummissjoni tuża mudelli ekonomiċi aktar kredibbli, u biex tivverifika r-riżultati tal-FTAs li diġà daħlu fis-seħħ, u tqabbilhom mal-istudji tal-valutazzjoni tal-impatt;
52. Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe FTA jeħtieġ li jkun kundizzjonali għas-salvagwardja ta' livelli attwali tar-regolazzjoni tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u ta' drittijiet soċjali u salvagwardji dwar l-akkwist pubbliku u l-forniment ta' servizzi ta' interess pubbliku, inkluż id-dritt li l-istati jadottaw standards ogħla f’dan ir-rigward fil-ġejjieni; jinsisti li kwalunkwe forma ta' ISDS għandha tiġi eskluża min-negozjati FTA, sabiex jinżamm kontroll demokratiku fuq ir-regolazzjonijiet imsemmija;
53. Jirrifjuta s-segretezza fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-dokumenti kollha ta' negozjar pubbliċi għall-membri parlamentari u għaċ-ċittadini kollha interessati; jitlob li jsir dibattitu pubbliku u demokratiku mal-partijiet kollha interessati relevanti, b'mod partikolari t-trade unions u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-implikazzjonijiet tal-aġenda tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ ħieles;
54. Iqis li t-tnedija aċċelerata ta' ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles hija mmirata biex jiġu evitati approċċi reali biex tissolva l-kriżi, bħat-tnaqqis ta' inugwaljanzi ekonomiċi fi ħdan l-UE, il-limitazzjoni ta' abbużi minn kumpaniji korporattivi u investituri, il-verifika u t-tnaqqis ta' dejn pubbliku, u l-ġlieda meħtieġa kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;
55. Ifakkar li b'segwitu għall-pożizzjoni tal-Istati Membri u tal-Parlament, il-Kummissjoni qablet dwar il-prinċipju ta' "eċċezzjoni kulturali", li jgħid li l-kultura għandha tiġi ttrattata b'mod differenti minn prodotti kummerċjali oħra, u l-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom jitħallew barra min-negozjati; huwa tal-fehma li dan għandu jinkludi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMS), is-sussidji pubbliċi, l-obbligi ta' finanzjament għax-xandara, it-taxxi fuq il-biljetti taċ-ċinema, il-ftehimiet ta' koproduzzjoni, miżuri ta' politika lingwistika, il-funzjonament ta' stazzjonijiet b'kompitu ta' servizz pubbliku, l-eżistenza ta' limiti massimi ta' ħżin fi stazzjonijiet u netwerks, drittijiet ta' proprjetà intellettwali u sistemi speċifiċi ta' sigurtà soċjali;
Politika reali ta' ġustizzja u drittijiet fundamentali
56. Jistieden lill-Kummissjoni tassumi rwol attiv fl-insistenza għall-adozzjoni tad-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament, u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi l-attakki kontra r-Rom, il-migranti u dawk li jfittxu asil u gruppi vulnerabbli oħra;
57. Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni effettiva tar-Rom fl-Istati Membri, u biex tipproponi miżuri addizzjonali jekk meħtieġa għall-inklużjoni effettiva tar-Rom;
58. Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, inklużi r-rapporti Michel, Benova, Gal u Tavares; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi malajr pjan ta' azzjoni rigward id-dilemma ta' Kopenħagen;
59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq pjan ta' azzjoni biex l-Istati Membri jsaħħu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, speċjalment minħabba l-użu wiesa' tad-detenzjoni preventiva, inkluż f'każijiet tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE); jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont sħiħ tal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet;
60. Jinsab ferm iddiżappuntat bin-nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja dwar ir-reviżjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħroġ bi proposta ġdida, waqt li tikkunsidra r-rapport tal-Parlament dwar din il-kwistjoni, b'mod speċjali l-kwistjoni tat-testijiet ta' proporzjonalità;
61. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma inkludietx fl-inizjattivi ġodda tagħha proposta aġġornata mġedda għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, li jirrifletti l-qbil fl-ewwel qari milħuq mill-Parlament fl-2011;
62. Huwa mħasseb dwar it-tħabbira tal-Kummissjoni li se tressaq Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni profonda dwar in-neċessità, il-proporzjonalità u l-effikaċja ta' strumenti eżistenti fil-qasam tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata qabel ma tipproponi miżuri ġodda f'dan il-qasam (pereżempju reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u Trivial File Transfer Protocol (TFTP))
63. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twieġeb għat-talbiet mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-trasport allegat u ż-żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA, b'mod partikolari wara r-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar it-tortura mwettqa mis-CIA;
64. Jilqa' l-impenn imġedded favur l-aċċess għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); iqis, madankollu, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB bħala pass kbir lura għad-drittijiet tal-bniedem;
65. Jilqa' l-impenn favur l-aċċess għall-Karta Soċjali Mġedda;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont sħiħ tad-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-Kawżi Magħquda C 293/12 u C 594/12 tat-8 ta' April 2014; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f'dan il-kuntest iżżomm lura milli tipproponi kwalunkwe miżura bbażata fuq iż-żamma ta' data b'mod ġeneriku;
67. Iqis li s-sentenza tal-QtĠ-UE dwar iż-żamma ta' data hija relevanti għall-ġbir ta' data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirtira l-proposta dwar il-PNR tal-UE;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal impenji serji biex tipproteġi ċ-ċittadini minn sorveljanza tal-istat li dejjem qed tiżdied;
Politika dwar il-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem
69. Jitlob li l-komunikazzjoni li jmiss dwar l-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni tieħu approċċ ġenwinament olistiku lejn il-migrazzjoni tal-UE billi tagħmel proposti biex jiġu żviluppati modi sikuri u legali biex in-nisa, l-irġiel u t-tfal kollha fi bżonn ta' protezzjoni jkollhom aċċess għall-protezzjoni fl-Ewropa, sabiex il-persuni ma jkunux aktar sfurzati jirriskjaw ħajjithom fil-Mediterran jew fid-deżert fi triqthom lejn l-Ewropa;
70. Jitlob li l-komunikazzjoni li jmiss dwar l-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni tiżviluppa approċċi ġodda dwar il-migrazzjoni legali lil hinn minn ħaddiema b'ħiliet kbar, sabiex persuni ma jibqgħux jimpjegaw ruħhom b'mod irregolari;
71. Jikkundanna l-approċċ attwali għal politika komuni Ewropea dwar il-migrazzjoni, li hija ffukata fuq il-prevenzjoni u r-ripressjoni tal-migrazzjoni irregolari, inkluż permezz ta' detenzjoni, mingħajr ma tagħti kas tal-għadd dejjem jikber ta' dawk li jfittxu asil u li qegħdin jaħarbu mill-gwerer, mill-persekuzzjoni u d-diżastri klimatiċi;
72. Jesprimi tħassib serju dwar ir-rieda tal-Kummissjoni li tintensifika l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex ittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni; huwa mħasseb dwar il-proliferazzjoni u l-approfondiment ta' dawn il-ftehimiet, inkluża l-estensjoni tagħhom għal pajjiżi terzi fejn id-drittijiet tal-bniedem tal-individwu mhumiex rispettati, kif inhu l-każ fil-proċess ta' Kartum u l-proċess li jmiss tal- Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika;
73. Jinnota li l-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni tista' tmur kontra d-dritt effettiv tal-irġiel, in-nisa u t-tfal li jħallu pajjiżhom; jemmen li dan jikkontribwixxi għaż-żieda fil-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u dawk li jfittxu asil fl-istadji kollha tal-proċess ta' migrazzjoni;
74. Jikkundanna l-esternalizzazzjoni dejjem tiżdied tal-fruntieri tal-UE taħt il-kopertura tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; ifakkar li l-għajnuna għall-iżvilupp ma għandhiex tkun marbuta mal-konklużjoni ta' ftehimiet ta' riammissjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji tas-sorveljanza tal-fruntieri u d-detenzjoni tal-migranti;
75. Jitlob lill-Kummissjoni tibda tivvaluta emendi possibbli għas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-każistika rilevanti reċenti kemm mil-lat tal-QtĠ-UE u l-QEDB u l-ħtieġa ta' status uniformi ta' asil, validu fl-Unjoni kollha (kif stabbilit fl- Artikolu 78, paragrafu 1, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);
Attur globali paċifiku
76. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw politika barranija bbilanċjata li ssaħħaħ ir-relazzjoni tal-UE ma' sħab strateġiċi f'oqsma rilevanti, inkluż il-Mediterran, ir-Russja, iċ-Ċina u atturi globali u reġjonali emerġenti ġodda;
77. Ma' jaqbilx mal-linji li fuqhom il-PESK u l-PSDK qed jiġu żviluppati, jiġifieri f'allinjament sħiħ man-NATO u r-relazzjoni transatlantika, li jimmilitarizza iktar ir-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jiġu mħeġġa interventi u jiġi appoġġjat attivament il-Kumpless Industrijali Militari; jitlob ir-rispett tad-dritt internazzjonali u ritorn lejn mezzi politiċi-diplomatiċi għas-riżoluzzjoni ta' kunflitti;
Unjoni ta' Bidla Demokratika
78. Jilqa' l-impenn lejn it-tressiq ta' proposti għal ftehim interistituzzjonali dwar reġistru mandatorju ta' trasparenza għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, iżda jtenni l-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija rappreżentattiva u parteċipatorja bl-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 sa 12 tat-Trattat ta' Lisbona;
Prijoritajiet politiċi oħra
Politika dwar is-sajd
79. Jitlob Politika Komuni tas-Sajd (KPS) deċentralizzata li tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, fejn tiġi żgurata l-vijabilità soċjoekonomika tagħha, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-ħaddiema tas-sajd;
80. Jitlob miżuri għat-titjib fil-prezz tal-ewwel bejgħ tal-ħut u fl-introjtu tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, fuq mekkaniżmi ta' sussidju jew kumpens għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd milquta mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' rkupru, mill-ġestjoni multiannwali u minn miżuri għall-protezzjoni tal-ekosistemi;
81. Jitlob li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata s-sovranità nazzjonali fuq iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, filwaqt li tiġi permessa l-ġestjoni tal-prossimità; huwa tal-fehma li t-tnax-il mil għandhom jinżammu bħala żona ta' aċċess esklussiv għall-flotta nazzjonali ta' kull Stat Membru, u jipproponi li tiġi kkunsidrata l-possibilità tal-estensjoni tagħha għal żoni fil-qrib, f'konformità mal-blati kontinentali;
82. Jitlob li tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità f'ambjenti marini, billi jiġu żgurati kundizzjonijiet favorevoli biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jerġgħu jimtlew; jiffavorixxi f'dan ir-rigward il-ħolqien ta' żoni ħielsa mis-sajd f'żoni fejn l-istokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità huma mhedda;
83. Jiddikjara mill-ġdid il-bżonn li l-PKS tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira u dak kostali u li tanalizza l-punt safejn l-istrumenti eżistenti huma adattati għall-ħtiġijiet tas-settur, filwaqt li tadattahom b'mod adegwat;
84. Jistieden il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) biex jappoġġja lis-sajd fuq skala żgħira biex jindirizza l-problemi speċifiċi ta' dan is-settur u biex jiffavorixxi l-ġestjoni ta' prossimità, is-sajd sostenibbli u l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali;
85. Jiddispjaċih li l-PKS approvata u l-organizzazzjoni komuni għal swieq agrikoli (OKS) għadhom lura sew mill-ħtiġijiet reali tas-settur tas-sajd, u jitlob reviżjoni ta' dawn iż-żewġ regolamenti malajr kemm jista' jkun;
86. Jikkritika dak li tnaqqis drastiku u intensiv żejjed fil-qabda totali permissibbli (TAC) jista’ jagħmel lis-settur, lill-għajxien u lill-komunitajiet rurali, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex dan ma jerġax iseħħ fil-ġejjieni;
Politiki agrikoli
87. Jemmen li l-agrikoltura Ewropea hija waħda mis-setturi li jistgħu jżommu ċertu ħolqien tal-valur minkejja l-effetti tal-kriżi; madankollu, is-settur huwa nieqes ħafna mill-bdiewa u hemm nuqqas serju ta' sostituzzjoni bi bdiewa żgħażagħ; jiddispjaċih li dan il-fenomenu qed ipoġġi fir-riskju il-patrimonji agrikoli u rurali importanti tagħna fid-dinja, fl-istess ħin li kumpaniji agrokummerċjali kbar qed jespandu l-marġini tagħhom u jimponu l-mudell tagħhom ta' sistema ta' ikel globali li tinvolvi effetti ambjentali distruttivi; jenfasizza, għalhekk, li l-bdiewa, u mhux in-negozji l-kbar, għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politiki Ewropej tal-agrikoltura u l-ikel sabiex verament tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni kollha tal-UE; jinnota li t-tendenza preżenti qed twassal għad-deċimazzjoni tal-azjendi agrikoli tradizzjonali b'ġestjoni familjari madwar l-Ewropa u għat-tnaqqis assoċjat tal-attività soċjali u ekonomika fiż-żoni rurali;
88. Jopponi bil-qawwa d-dominanza tas-suq u l-iffissar inġust tal-prezzijiet minn kumpaniji agroalimentari kbar, li jisfruttaw il-bdiewa u jinfurzaw produzzjoni żejda għad-detriment tal-kwalità tal-ikel, is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u tal-ambjent;
89. Jenfasizza li l-UE teħtieġ strumenti tal-politika affidabbli, ċari u demokratiċi biex tgħin lill-bdiewa jbigħu l-prodotti tagħhom bi prezzijiet xierqa, billi tagħti spinta lill-produzzjoni ta' kwalità fis-settur tal-biedja, li huwa wieħed mill-aktar karatteristiċi magħrufa tal-agrikoltura Ewropea madwar id-dinja kollha; quddiem dan kollu, huwa kruċjali li fis-snin li ġejjin il-PAK jiġi rivedut lejn tqassim ekwu tar-riżorsi sabiex dan jgħin lill-bdiewa aktar milli lill-kumpaniji l-kbar jew lis-sidien tal-art;
90. Jenfasizza li l-Ewropa trid tiżviluppa strumenti pubbliċi li jadattaw il-provvista u d-domanda sabiex jinżamm l-introjtu tal-bdiewa u l-livelli tal-produzzjoni tal-ikel biex il-bdiewa jkunu protetti kontra l-volatilità tal-prezzijiet;
91. Jitlob lill-Kummissjoni żżomm is-sistema ta' kwoti u biex taħdem lejn ridistribuzzjoni ġusta tad-dritt ta' tkabbir fost il-produtturi tal-UE;
92. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tipprojbixxi l-awtorizzazzjoni, il-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' GMOs u biex tieħu impenn qawwi fis-settur tal-biedja organika Ewropea, l-uniku wieħed li kien qed jikber f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin;
93. Jenfasizza li l-Ewropa jeħtieġ li tagħti prijorità lill-protezzjoni tal-art agrikola tagħha, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-2015 hija s-sena internazzjonali tal-ħamrija, u tindirizza l-kwistjoni tal-ħtif tal-art, kwistjoni kruċjali ta' importanza globali fid-difiża tal-bdiewa, il-ħamrija u l-ambjent;
94. Jenfasizza, bil-għan li jipproteġi l-art agrikola fit-tul, il-ħtieġa li l-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima u l-istrateġiji ta' mitigazzjoni effettivi jiġu applikati madwar l-Ewropa sabiex is-settur agrikolu jiġi dekarbonizzat filwaqt li jinżamm l-objettiv li l-produttività tal-farms Ewropej tiġi protetta;
95. Jitlob ir-reviżjoni u l-istimolu tas-settur tal-ortikultura fl-Istati Membri sabiex jiġi assigurat livell minimu ta' mili tal-ikel għal ikel nutrittiv;
96. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull forma ta' brevettar ta' żrieragħ sabiex il-bdiewa jiġu protetti minn kompetizzjoni inġusta u burokrazija żejda;
97. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' konformità attwali ma' standards tal-benesseri tal-annimali f'aziendi Ewropew tat-trobbija tal-bhejjem u jitlob bil-ħerqa lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi infurzata b'mod xieraq fl-Istati Membri kollha;
98. Huwa favur trasformazzjoni mill-biedja tat-trobbija intensiva tal-bhejjem lejn forma ta' produzzjoni tal-proteini bbażata fuq il-pjanti fl-agrikoltura fl-UE;
99. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport tagħha "Il-Bini ta' Sistema tal-Ikel Sostenibbli Ewropea" (Building a Sustainable European Food System), li diġà ġie approvat minn tliet Kummissarji preċedenti, u biex tippreżenta pjan ta' azzjoni li jqis il-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport;
100. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-regoli tal-benesseri tal-annimali fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-biedja organika u biex tneħħi kwalunkwe eċċezzjoni għal regoli dwar il-benesseri tal-annimali, bħal pereżempju l-użu ta' razez mhux xierqa, irbit ta' bhejjem u l-kastrazzjoni bla bżonn;
101. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirtira l-proposti tagħha dwar l-ikklonjar u tippreżenta oħrajn ġodda li jirriflettu l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, u tippermetti wkoll l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; joġġezzjona għall-għażla tal-proċedura ta' approvazzjoni għad-direttiva dwar it-tqegħid fis-suq tal-ikel mill-kloni tal-annimali, peress li dan iċaħħad lill-Parlament mid-dritt tiegħu li jemenda l-proposta;
102. Jikkritika bil-qawwa l-eżisitenza kontinwa ta' rifużjonijiet tal-esportazzjoni agrikola ta' kull tip; jitlob l-abolizzjoni immedjata tagħhom;
103. Jilqa’ l-inizjattiva riċenti mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja u d-Danimarka li jillimitaw it-tul ta' żmien massimu għat-trasport tal-annimali ħajjin għal tmien sigħat; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat- 22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, u b'hekk tqassar iż-żmien massimu ta' trasport għall-annimali ħajjin;
104. Jitlob rieżami ta' nofs it-terminu li jkun b'saħħtu u effettiv biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kwistjonijiet inerenti fi ħdan il-PAK;
105. Jitlob li jinfetaħ id-dibattitu biex tiġi żviluppata politika agrikola u tal-ikel ġdida tal-UE li tirrispondi għall-interess tas-soċjetà kollha kemm hi;
Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi
106. Jitlob intestatura indipendenti dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi li:
– tistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iressqu proposta għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa, inkluża leġiżlazzjoni dwar standards minimi kontra l-vjolenza kontra n-nisa; huwa tal-fehma li ma għandux ikun hemm pjan ta’ azzjoni separat, pereżempju, għall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, il-vjolenza domestika jew il-vjolenza sesswali, iżda l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa għandhom ikunu inkwadrati fi strateġija globali u effettiva bbażata fuq perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż billi tiġi segwita l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, iffirmata fl-2011 għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u biex dawn jiġu miġġielda;
– jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex titwettaq strateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing u l-indirizzar tagħha ta' tnax-il qasam kritiku ta' tħassib; l-għan ewlieni għandu jkun li jiġu implimentati l-passi kollha meħtieġa biex tinkiseb ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, billi wieħed jibda b'arkitettura/qafas għad-drittijiet tan-nisa fil-livell Ewropew; mingħajr din l-istruttura, u mingħajr l-istrateġija, in-nisa u l-bniet fl-Ewropa ma jarawx id-drittijiet tagħhom rispettati jew ugwali (mal-irġiel, u bejniethom); l-istrateġija għandha tiġi mifhuma u appoġġjata bħala t-tweġiba politika strateġika mill-istituzzjonijiet Ewropej għall-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa 20 sena wara l-adozzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing; dan jikkonċerna l-kredibilità tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali, kemm fl-Ewropa kif ukoll fix-xena internazzjonali;
– jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom u jimxu 'l quddiem fin-negozjati mal-Parlament, jagħmlu l-pożizzjoni uffiċjali tagħhom magħrufa, u jappoġġjaw id-Direttiva dwar il-liv tal-maternità robusta sabiex jiżguraw li n-nisa kollha fl-Ewropa jkollhom drittijiet indaqs;
_____________________
107. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-Programm ta' Ħidma tagħha f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament, inklużi l-pożizzjonijiet speċifiċi għas-settur stabbiliti fit-Tieni Parti ta' din ir-riżoluzzjoni;
108. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.