Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2015                                                                                                                B8‑0042/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media

( 2014/3011(RSP) )

Rebecca Harms, Ska Keller, Michel Reimon, Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Davor Škrlec, Jean Lambert, Heidi Hautala, Bodil Ceballos, Ulrike Lunacek

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8‑0042/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media

( 2014/3011(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b’mod partikolari dawk tas-7 ta’ Marzu 2014 dwar ir-rapport ta’ progress 2013 dwar it-Turkija[1], tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija[2] u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta' Ċipru[3],

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn dwar ir-raids tal-pulizija u l-arresti ta' rappreżentanti tal-media fit-Turkija tal-14 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-qawwiet tas-sigurtà Torok arrestaw għadd ta’ ġurnalisti, eżekuttivi tal-media u persuni oħra madwar it-Turkija, inkluż il-kap editur ta’ Zaman, Ekrem Dumanli, il-kap tal-kanal televiżiv Samanyolu, Hidayet Karaca, ġurnalisti oħrajn u kap tal-pulizija mil-Lvant tat-Turkija;

B.     billi jidher li dawn l-arresti huma parti mill-kunflitt tal-President Erdogan mal-moviment Hizmet immexxi mill-istudjuż Islamiku Fathullah Gulen, li huwa bbażat fl-Istati Uniti tal-Amerika, u seħħew sena wara li pulizija u prosekuturi kienu ħadu azzjonijiet immirati kontra membri tal-gvern tas-Sur Erdogan, fuq akkużi ta' korruzzjoni;

C.     billi fis-6 ta' Jannar 2015 il-pulizija arrestaw il-korrispondenta Netherlandiża Frederike Geerdink f'Diyarbakir, interrogawha u ħelsuha dakinhar stess, wara li involva ruħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands li nzerta kien qed iżur it-Turkija f'dak il-waqt, u billi fis-7 ta' Jannar ġurnalist Netherlandiż ieħor, Mehmet Ülger, ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta' Istanbul, ġie interrogat f'għassa tal-pulizija u nħeles aktar tard dakinhar;

D.     billi f'Novembru 2014 il-President Erdogan ippreżenta lill-pubbliku l-Abbozz ta' Att dwar is-Sigurtà tal-Patrija, li issa qiegħed quddiem l-Assemblea Nazzjonali, u li jippermetti setgħat addizzjonali estensivi għar-ripressjoni ta' atti sovversivi, permezz ta' twessigħ tal-poteri tal-pulizija rigward it-tiftix, is-sekwestru tal-beni mill-qrati u t-tismigħ telefoniku mill-gvern; billi dan l-abbozz ta' att se jqawwi s-sorveljanza u r-restrizzjonijiet fuq il-kriminali, iżda jaf ukoll jintuża kontra oppożituri, u jikkomplementa l-aħħar restrizzjonijiet imposti fuq l-internet;

E.     billi fis-17 ta' Diċembru 2014, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni, il-President Erdogan irrifjuta bil-qawwa l-kritika tal-UE rigward it-Turkija, u sostna li l-UE ma tistax tipprietka lit-Turkija dwar il-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; billi dawk li kkritikaw lil Erdogan u l-gvern tiegħu sabru ruħhom imdaħħlin f’kawżi kriminali, filwaqt li ħafna tilfu l-impjieg tagħhom, allegatament vittmi tal-isforzi tal-gvern biex jintimida u jikkriminalizza d-dissidenti;

F.     billi l-pressjoni fuq il-media fit-Turkija żdiedet f'dawn l-aħħar snin, inkluża dik fuq is-sidien u l-eżekuttivi tal-gruppi tal-media; billi t-Turkija f'dawn l-aħħar snin kienet waħda mill-agħar pajjiżi f'dak li jirrigwarda l-libertajiet tal-istampa u tal-media, b'mod partikolari rigward l-għadd ta' ġurnalisti miżmuma l-ħabs; billi ħafna mill-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs bħalissa huma minn mezzi tal-media Kurdi; billi xi ġurnalisti mhumiex il-ħabs, iżda qed jistennew il-bidu ta' proċess jew appell, u ħafna aktar inżammu l-ħabs għal żmien qasir matul is-sena, uħud minnhom għal ftit jiem jew xhur; billi, l-aktar spiss, il-Gvern Tork lill-ġurnalisti jakkużahom taħt l-Att Kontra t-Terroriżmu (TMK) u taħt l-artikoli tal-Kodiċi Kriminali relatati ma’ 'organizzazzjonijiet terroristiċi';

G.     billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, jinsabu fil-qalba tal-valuri tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali favurihom bl-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE u bil-proċess tal-adeżjoni li għadu għaddej;

H.     billi, fil-bidu tal-2014, Recep Tayyip Erdogan, li dak iż-żmien kien Prim Ministru tat-Turkija, kien wiegħed 'sena Ewropea' li kellha terġa' taħji l-proċess tal-adeżjoni ta' pajjiżu;

1.      Jiddeplora bil-qawwa l-arrest ta’ tużżani ta’ ġurnalisti u r-raids fuq il-media tal-oppożizzjoni li saru fl-14 ta' Diċembru 2014; jenfasizza li dawn l-arresti huma attakk ieħor kontra l-libertà tal-istampa u d-diversità tal-opinjoni fit-Turkija, u jitlob li l-ġurnalisti jinħelsu minnufih;

2.      Jitlob li l-awtoritajiet jippreżentaw, b'urġenza, indikazzjonijiet kredibbli u sostanzjali li l-individwi arrestati wettqu r-reati kriminali li bihom huma akkużati, u li jmexxu l-proċedimenti ġudizzjarji bil-ħeffa, bi trasparenza sħiħa u b'salvagwardji legali adegwati, jew inkella jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom;

3.      Jemmen li din il-mewġa enormi ta' arresti kienet ippjanata minn qabel, u li mhuwiex b'kumbinazzjoni li min ippubblika allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra membri tal-partit fil-gvern issa qed jiġi ppersegwitat; jappella, fuq dan l-isfond, biex il-President Erdogan u l-Gvern Tork iwaqqfu kull azzjoni intiża biex issikket lil min jikkritikah u tikkriminalizza d-dissidenti billi tpinġihom bħala għedewwa tan-nazzjon minħabba li għandhom fehmiet diverġenti;

4.      Jenfasizza li l-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u dibattiti ħajja huma parti essenzjali minn kwalunkwe stat demokratiku, u li dawn l-arresti u raids għaldaqstant mhumiex kompatibbli mal-istat tad-dritt u mal-istandards demokratiċi; jitlob li l-awtoritajiet Torok iwaqqfu l-prosekuzzjonijiet kontra d-dimostranti paċifiċi ta' Gezi;

5.      Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-kummissjoni parlamentari Torka li ġiet stabbilita f’Mejju bil-kompitu li tistudja fajls tal-prosekuturi li jallegaw aġir illeċitu minn erba’ ex ministri li ma jiftaħx proċessi fil-qrati kontra dawn l-ex ministri akkużati b'korruzzjoni, u jikkundanna s-sospensjoni, ix-xahar li għadda, tal-erba’ prosekuturi li bdew din l-investigazzjoni; huwa tal-fehma li din huwa sinjal ieħor tat-tnawwir tal-istat tad-dritt u tal-influwenza dejjem tikber tal-gvern fuq il-ġudikatura;

6.      Jistieden lir-RGħ/VP, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jintensifikaw il-pressjoni fuq it-Turkija fl-oqsma tal-ġustizzja, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, peress li dawn l-elementi huma kruċjali għall-proċess tal-adeżjoni u għandhom jingħataw prijorità fuq kwistjonijiet tas-suq uniku; jemmen li l-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitoli 23 u 24 dwar riformi ġudizzjarji u drittijiet fundamentali jkun ta' għajnuna konkreta f'dan ir-rigward;

7.      Jiddispjaċih li matul l-2014, li l-President Erdogna kien semmieha 's-sena Ewropea', ftit li xejn twettaq minn dak li kien mistenni, ladarba l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet dikjarati tat-Turkija rigward l-adeżjoni mal-UE qatgħu kuntrast ma' bosta mill-azzjoni tal-pajjiż;

8.      Jappella għal aktar sostenn għall-media indipendenti fi ħdan il-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jingħataw sostenn ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għaliex biss soċjetà ċivili trasparenti u li taħdem sewwa tista' tibni l-fiduċja u l-kunfidenza bejn il-komponenti differenti ta' soċjetà ħajja u demokratika;

9.      Ifakkar lit-Turkija dwar l-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u l-ħtieġa ta' aktar riformi ġudizzjarji, mhux l-anqas minħabba l-ħafna kawżi kontra t-Turkija fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li Ankara timplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill tal-Ewropa;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President tat-Turkija, lill-Gvern tat-Turkija, lill-Assemblea Nazzjonali tat-Turkija u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2014)0235
[2] Testi adottati, P7_TA(2013)0277
[3] Testi adottati, P8_TA(2014)0052