Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2015                                                                                                                B8‑0043/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media

( 2014/3011(RSP) )

Renate Sommer, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, Tunne Kelam, David McAllister, Philippe Juvin, Michael Gahler, Michaela Šojdrová, Artis Pabriks, Barbara Matera, Davor Ivo Stier, Claude Rolin, Dubravka Šuica, Giovanni La Via, Pascal Arimont, Ivana Maletić, Lara Comi

f'isem il-Grupp PPE

 

B8‑0043/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media

( 2014/3011(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir tal-14 ta’ Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija tat-8 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-pulizija Torka arrestat ġurnalisti u eżekuttivi tal-media, fosthom Ekrem Dumanlı, kap editur tal-gazzetta Zaman, u Hidayet Karaca, maniġer ġenerali tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi mandat, maħruġ minn imħallef f’Istanbul, jiddikjara li kienu qed isirulhom investigazzjonijiet kriminali fuq akkużi li kienu ffurmaw organizzazzjoni li 'bi pressjoni, intimidazzjoni u theddid ippruvat taħtaf il-poter tal-istat' u li dan kienu għamlitu 'billi gidbet, ċaħħdet lil persuni mil-libertà tagħhom u ffalsifikat id-dokumenti';

B.     billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir iddikjaraw li 'ir-raids tal-pulizija u l-arresti ta' għadd ta' ġurnalisti u rappreżentanti tal-media mhumiex kompatibbli mal-liberta tal-media'; billi 'jistennew li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jipprevali u jfakkru fid-dritt inaljenabbli għal investigazzjoni indipendenti u trasparenti f’każ ta’ kwalunkwe aġir illeċitu allegat, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-persuni akkużati';

C.     billi għadd ta' persuni li sfaw arrestati f'Diċembru 2014 inħelsu; billi fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Qorti ta’ Istanbul ħabbret Ekrem Dumanlı nħeles, soġġett għal probation u għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar sakemm tintemm investigazzjoni kriminali, iżda li Hidayet Karaca kienet se tibqa' fid-detenzjoni sa ma l-investigazzjoni tintemm; billi fil-31 ta’ Diċembru 2014 qorti ta’ Istanbul irrifjutat l-oġġezzjoni ta' prosekutur għar-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı u ta' seba’ persuni oħra;

D.     billi fir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija l-Kummissjoni tinnota li ttieħdu passi pożittivi bl-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u bi tnaqqis tat-tul tad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, wara liema passi ħafna ġurnalisti nħelsu mill-kustodja; billi l-Kummissjoni tinnota wkoll li ġiet adottata leġiżlazzjoni li tkompli tillimita l-libertà tal-espressjoni, inkluż fuq l-internet, u li l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-libertà, u l-libertà tal-istampa, ġie ristrett fil-prattika;

E.     billi fis-16 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill reġa' afferma l-importanza li huwa jagħti lir-relazzjonijiet tal-UE mat-Turkija, u laqa’ l-issuktar tal-implimentazzjoni tar-riformi adottati fis-snin preċedenti, b’mod partikolari miżuri mħabbra fil-pakkett ta’ demokratizzazzjoni ta' Settembru 2013 u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-Kunsill jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ tweġiba mill-gvern għall-każijiet allegati ta’ korruzzjoni f’Diċembru 2013 qajjem dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u wera intolleranza dejjem akbar lejn oppożizzjoni politika, protesti min-naħa tal-pubbliku u media kritika.

1.      Jikkundanna r-raids tal-pulizija ta' dan l-aħħar u d-detenzjoni ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media fit-Turkija; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet iqajmu dubji rigward ir-rispett tal-libertà tal-media, libertà li hija prinċipju ċentrali tad-demokrazija;

2.      Jissottolinja li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku Tork u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, għax tati lok li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi kollettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi informata u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija; jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward l-għadd ta’ ġurnalisti li qed jinżammu fid-detenzjoni qabel is-smigħ tal-kawża, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija biex jerġgħu jeżaminaw dawn il-każijiet u jindirizzawhom mill-aktar fis possibbli; jissottolinja li l-progress fin-negozjati tal-adeżjoni jiddependi fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; Jenfasizza li hija r-responsabbiltà tat-Turkija li tiżgura li l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jkunu rrispettati;

3.      Jinnota li, kif ġie enfasizzat fir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija, kawżi fil-qrati kontra ġurnalisti u kittieba, flimkien ma’ għadd kbir ta’ sensji ta' ġurnalisti, kif ukoll il-konċentrazzjoni qawwija tas-sjieda tal-media f'idejn konglomerati tan-negozju, għadhom iwasslu għall-awtoċensura tas-sidien tal-media u tal-ġurnalisti, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, bħalma huma allegazzjonijiet ta' korruzzjoni;

4.      Iħeġġeġ lit-Turkija biex taħdem fuq ir-riformi li għandhom jipprevedu kontrolli u ekwilibriji li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-media, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

5.      Jenfasizza li, kif ġie konkluż mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2014, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għall-perjodu 2014-2020 jipprevedi l-introduzzjoni ta’ aktar koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress ġenerali li jsir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni; jissottolinja li, kif jindika d-Dokument ta’ Strateġija Indikattiva għat-Turkija (2014-2020) tas-26 ta' Awissu 2014, it-Turkija hija mistennija tqawwi r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, fost l-oħrajn fil-qasam ewlieni tal-libertà tal-espressjoni (inkluża l-libertà tal-media);

 

6.      Jinnota li l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprevedi r-reviżjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali Tork li jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa f’oqsma fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li t-Turkija kienet fi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

7.      Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jipprevedix ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu jew tal-Kodiċi Kriminali li ntużaw biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riforma ta’ dawn il-liġijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.