Dokument ta' sessjoni
4.2.2015 B8‑0100/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar miżuri kontra t-terroriżmu
( 2015/2530(RSP) )
Judith Sargentini, Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Ulrike Lunacek, Jean Lambert
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri kontra t-terroriżmu
( 2015/2530(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli relevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar il-politika tal-UE kontra t-terroriżmu: kisbiet ewlenin u sfidi futuri[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA[2],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar it-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE ( COM(2013)0160 ),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Frar 2014 ( COM(2014)0038 ),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” tad-19 ta' Jannar 2015, u b'mod partikolari d-deċiżjoni li jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi sħab u tkun promossa l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi Għarab u tal-Mediterran inkluż Memorandum ta’ Ftehim mal-Lega Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat fil-25 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 fil-każijiet konġunti C-293/12 u C-594/12, Digital Rights Ireland Ltd and Seitlinger and others, u l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament dwar l-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki b'suċċess kontra t-terroriżmu;
B. billi attentati terroristiċi gravi fit-territorju tal-UE minn 9/11 ’l hawn kellhom impatt sinifikanti fuq is-sens ta’ sigurtà fost iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;
C. billi minn 9/11 ’l hawn l-UE introduċiet 239 miżura kontra t-terroriżmu, fil-forma ta’: 26 pjan ta’ azzjoni u dokument ta’ strateġija, 25 regolament, 15-il direttiva, 11-il deċiżjoni qafas, 25 deċiżjoni, azzjoni konġunta waħda, 3 pożizzjonijiet komuni, 4 riżoluzzjonijiet, 111-il konklużjoni tal-Kunsill, u 8 ftehimiet internazzjonali[6];
D. billi valutazzjoni xierqa u sistematika ta’ dawn il-miżuri hija nieqsa sew;
E. billi dan l-aħħar kien hemm żieda allarmanti ta’ razziżmu u ksenofobija, inklużi anti-Semitiżmu, Islamofobija u sentiment kontra r-Rom;
F. billi hemm ħtieġa urġenti għal definizzjoni ġuridika uniformi tal-kunċett ta’ ‘tfassil ta’ profil’ ibbażata fuq id-drittijiet fundamentali relevanti u fuq standards tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li titnaqqas l-inċertezza dwar liema attivitajiet huma projbiti u liema mhumiex;
G. billi skont ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) hemm diskrepanzi konsiderevoli fl-investiment mill-Istati Membri tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom[7];
1. Jagħti l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi riċenti f’Pariġi u madwar id-dinja u lill-familji tagħhom;
2. Jenfasizza li dimensjoni essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun l-inklużjoni ta’ politiki li jipproteġu u jappoġġjaw il-vittmi u l-familji tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ kriminalità;
3. Itenni l-impenn tiegħu li jissalvagwardja l-libertà ta' espressjoni, id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, it-tolleranza u l-istat ta' dritt;
4. Jinsisti dwar approċċ komprensiv fir-rigward ta’ miżuri kontra r-radikalizzazzjoni u kontra t-terroriżmu li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-kriminalità, attivitajiet immirati tal-pulizija ta’ sigurtà bbażati fuq suspett individwali jew theddid reali ddeterminat minn persuni mhux minn magni; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li r-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' armi, ir-regoli tal-esportazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' armi jkunu aktar stretti, barra minn hekk jinsisti dwar l-iffinanżjar xieraq ta’ għalliema, ħaddiema soċjali, psikologi, uffiċjali tal-pulizija lokali, investigaturi, prosekuturi, imħallfin u persunal tal-ħabs, u dwar l-irtirat tal-miżuri ta’ awsterità li fixklu daqshekk serjament in-nisġa soċjali tas-soċjetajiet Ewropej;
5. Jenfasizza li ma għandniex nipperikolaw il-libertajiet li qed nippruvaw niddefendu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi nqiegħdu fis-seħħ miżuri ripressiva, ta’ sorveljanza tal-massa u ta’ kontroll tal-fruntieri, li fil-biċċa l-kbira huma simboliċi u li jwasslu għal Unjoni Ewropea fejn kulħadd ikun taħt suspett, ħadd ma jkun ħieles u l-prinċipju ta’ moviment liberu jintilef; iwissi, barra minn hekk, bl-effett ta’ stigmatizzazzjoni tat-tfassil ta’ profili fuq individwi fis-soċjetajiet tagħna li qed infittxu li nibnu relazzjonijiet aħjar magħhom;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea li jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni;
7. Jirrimarka li, bħal fil-każ ta’ attakki preċedenti, dawk li wettqu l-attakki ta’ Pariġi kienu diġà magħrufa lill-awtoritajiet tas-sigurtà u kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet u miżuri ta’ superviżjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kemm id-data eżistenti dwar dawn l-individwi setgħet ġiet skambjata bejn dawn l-awtoritajiet u, fejn meħtieġ, ma’ kollegi minn Stati Membri oħra, bl-użu effikaċi ta’ bażijiet tad-data tal-UE u permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ aġenziji tal-UE;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu valutazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE kontra t-terroriżmu u l-miżuri relatati, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri u sa liema punt l-Istati Membri jikkooperaw ma’ aġenziji tal-UE f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u li jwettqu valutazzjoni korrispondenti tal-lakuni li fadal, kif ukoll tal-konformità tal-miżuri mal-obbligi tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 70 tat-TFUE; jinsisti li d-dimensjoni esterna tal-miżuri ta’ kontra t-terroriżmu tal-UE għandhom ukoll jiġu inklużi f’din il-valutazzjoni, li se tiġi ppubblikata flimkien mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà f’Mejju 2015;
9. Jinsisti dwar il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li retrospettivament ma kinux meħtieġa, effettivi jew proporzjonati jeħtieġu li jiġu rtirati, li l-ksur tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu investigati u indirizzati, u li forom ġodda ta’ skrutinju demokratiku jeħtieġ li jiġu żviluppati fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali mit-Trattat ta’ Lisbona; jinsisti fuq l-inklużjoni ta’ klawżoli ta' estinzjoni jew ta' awtorizzazzjoni mill-ġdid perjodika f’tali miżuri u ftehimiet; jiċħad l-użu ta’ sigurtà nazzjonali bħala pretest sabiex jitnaqqru d-drittijiet fundamentali, bħalma huma l-kunfidenzjalità bejn l-avukat u l-klijent; jitlob li jkun hemm kjarifika urġenti tal-kunċett ta’ sigurtà nazzjonali fil-kuntest tad-dritt Ewropew;
Approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni
10. Jenfasizza l-fatt li l-politiki ekonomiċi, edukattivi u soċjali jistgħu jgħinu l-ġlieda kontra l-esklużjoni u l-impatt tal-bidla soċjoekonomika rapida, li tagħti lok għal ilmenti u frustrazzjonijiet li jistgħu jkunu potenzjalment sfruttati minn estremisti vjolenti; jitlob, għalhekk, għal politiki li jtejbu, b’mod fundamentali, l-inklużjoni ekonomika u soċjali, id-djalogu, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, it-tolleranza u l-fehim fost kulturi u reliġjonijiet differenti ;
11. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fi programmi edukattivi għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs, il-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni minn età żgħira; jenfasizza li dan jinkludi t-taħriġ ta’ għalliema fi kwistjonijiet soċjali u diversità;
12. Iwissi li n-nuqqas ta’ prospetti ta’ parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà kkawżata mill-faqar u l-qgħad jista’ jwassal sabiex l-individwi jħossuhom bla setgħa u saħansitra jgħaddu għal imġiba distruttiva li biha jagħtu s-setgħa lilhom infushom, li tkun ta’ natura estremista u li teħodha kontra s-soċjetà bħala tali; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar, joffru prospetti ta’ impjieg u jagħtu s-setgħa u r-rispett lill-individwu;
13. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda f’xi każijiet jistgħu jwasslu għal tendenzi msaħħa ta’ radikalizzazzjoni u vjolenza; jenfasizza li standards ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni għandhom ikunu l-ewwel tweġiba, flimkien ma strateġiji ta’ politika speċifiċi biex jiġu ttrattati l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni;
14. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effetti sproporzjonati fuq il-komunitajiet Musulmani tal-prattiki ta’ wara 9/11, b’mod partikolari l-użu ta’ tfassil ta’ profili razzjali;
15. Jenfasizza li l-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ komunitajiet rilevanti fi Stati Membri individwali huwa essenzjali, kemm biex jiġu identifikati riskji speċifiċi u bħala parti minn strateġiji ta’ deradikalizzazzjoni ġenerali; jagħti l-appoġġ tiegħu għal programmi li jagħtu s-setgħa lil minoranzi etniċi u reliġjużi kif ukoll lil komunitajiet marġinalizzati biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-istatus soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet rispettivi tagħhom fuq perjodu medju u twil, kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak reġjonali; jinnota f’dan ir-rigward li r-radikalizzazzjoni fl-UE mhijiex limitata għal gruppi etniċi jew reliġjużi speċifiċi;
16. Jenfasizza li miżuri rilevanti tal-infurzar tal-liġi diġà huma implimentati f'kull Stat Membru tal-UE;
- id-data tal-passaporti tal-passiġġieri (fis-Sistema ta' Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri, APIS) diġà tiġi ċċekkjata ma' databases ta' kriminali magħrufa u persuni inammissibbli;
- fil-konfront ta' persuni suspettati, jew saħansitra ta' gruppi ta' persuni suspettati, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jaċċedu d-data telefonika u dik tal-passiġġieri ta' dawn il-persuni, meta dawn ikunu ikunu konnessi ma' theddida konkreta;
- is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tippreskrivi s-sorveljanza diskreta ta' persuni u l-arrest u l-estradizzjoni rapida tagħhom meta dawn ikunu jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà, ikollhom l-intenzjoni li jikkommettu reat jew ikunu suspettati li wettqu reat;
iqis li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jagħtu prijorità lill-użu ta' dawn il-possibbiltajiet u lill-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom, fost l-oħrajn permezz tal-istabbiliment ta' timijiet konġunti ta' investigazzjoni u bl-għajnuna ta' aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust u s-CEPOL;
17. Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti; jinsisti, barra minn hekk, li l-Istati Membri jżommu strettament mal-pożizzjoni komuni dwar id-definizzjoni ta' regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari;
18. Jitlob li l-acquis kontra l-ħasil tal-flus jiġi implimentat sewwa, b'tali mod li jippermetti l-identifikazzjoni bikrija tal-finanzjament tat-terroriżmu;
19. Jenfasizza li kontrolli mmirati fil-fruntiera diġà jista' jsir fuq persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu hekk kif dawn jaqsmu fruntiera esterna, matul ċertu perjodu ta' żmien, jew fuq ċerti rotot, jew f'ċerti punti tal-qsim tal-fruntiera, skont il-livell tat-theddida; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ u aħjar mill-qafas eżistenti ta' Schengen u jallokaw ir-riżorsi meħtieġa, minflok ma jippruvaw jerġgħu jdaħħlu, lil hinn mill-possibilitajiet li diġà jeżistu, kontrolli fil-fruntieri;
20. Ifakkar li, f'April 2014, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data (DRD), għar-raġuni li ż-żamma tad-data fl-assenza ta' 'kwalunkwe relazzjoni bejn id-data li ż-żamma tagħhom hija prevista u theddida għas-sigurtà pubblika' mhijiex konformi mal-garanziji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li din ir-rabta hija tal-akbar importanza mhux biss fir-rigward tad-DRD, iżda wkoll ta' kwalunkwe skema oħra taż-żamma tad-data li tinvolvi l-ħżin tad-data ta' persuni li mhumiex suspettati; ifakkar l-kritika tal-Qorti rigward l-assenza ta' limitazzjonijiet oħrajn għaż-żamma bħalma huma restrizzjonijiet bi rbit ma' 'data relatata ma' perijodu fiż-żmien u/jew żona ġeografika determinata u/jew ċirku ta' persuni speċifiċi li jistgħu b'xi mod jew ieħor ikunu involuti f'reat, jew tikkonċerna persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, biż-żamma tad-data tagħhom, għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta' reati gravi'[8];
21. Jitlob li l-Kummissjoni teżamina formalment il-proposta għal PNR tal-UE fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza dwar iż-Żamma ta' Data; jagħti istruzzjonijiet biex is-Servizz Legali tiegħu jwettaq eżami simili fi żmien 6 ġimgħat mill-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni; jinsisti li 'programm ġenerali ta' sorveljanza'[9] bħal dak implikat mill-proposta għal PNR tal-UE ma tistax tiġi adottata qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat l-opinjoni tagħha dwar il-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar it-trasferiment u l-użu tal-PNR, kif il-Parlament talab f'Novembru 2014[10];
22. Jissottolinja li l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-internet għal finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jkunu neċessarji u proporzjonati, u, b'mod partikolari, li jkunu bbażati fuq definizzjoni xierqa tat-terroriżmu, li għadha nieqsa; jinsisti, barra minn hekk, li t-tneħħija tal-kontenut kriminali għandha titwettaq fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja u mhux permezz ta' kontroll privat min-naħa ta' fornituri tas-servizzi tal-internet;
23. Itenni t-talba tiegħu għall-promozzjoni ta' kriptaġġ tal-komunikazzjoni inġenerali inklużi l-komunikazzjoni bil-posta elettronka u bl-SMS[11]; jissottolinja li projbizzjoni tal-kriptaġġ tagħmel ħsara għall-protezzjoni tad-data personali f'netwerks tal-komunikazzjoni u netwerks kummerċjali u finanzjarji, kif ukoll sistemi governattivi u infrastrutturali kritiċi, billi tiftaħhom għall-interċezzjoni kriminali jew ta' tip ieħor;
24. Itenni li kull ġbir u qsim ta' data, inkluż minn aġenziji tal-UE bħall-Europol, għandhom ikunu konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bbażat fuq qafas koerenti tal-protezzjoni tad-data li joffri standards vinkolanti dwar il-protezzjoni tad-data personali, speċjalment rigward il-limitazzjoni tal-finijiet, il-minimizzazzjoni tad-data, l-informazzjoni, l-aċċess, il-korrezzjoni, it-tħassir u r-rimedju ġudizzjarju; jitlob l-adozzjoni rapida tal-pakkett tal-protezzjoni tad-data, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' approċċ ġenerali fil-Kunsill rigward sew ir-Regolament u sew id-Direttiva, u li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 95/46/UE;
25. Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejniethom abbażi tal-istrumenti disponibbli tal-UE, bħalma huma s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw il-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali; jitlob ukoll li l-Istati Membri jaqblu malajr dwar il-miżuri kollha proposti f'konformità mal-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali, u bħala l-pass li jmiss, jindirizzaw deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta' qabel il-proċess u l-kundizzjonijiet fil-ħabs;
26. Jitlob li l-Istati Membri jinvestu fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom biex jiżguraw li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ikunu kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u jsiru sewwa u bil-ħeffa;
27. Itenni li l-għan tas-sistema ta' ġustizzja kriminali tagħna għandu jkun ir-rijabilitazzjoni tal-persuni, b'tali mod li, meta jerġgħu jidħlu fis-soċjetà, ma jkunu jirappreżentaw l-ebda riskju għaliha; jitlob li l-Istati Membri jinvestu fir-riżorsi umani meħtieġa għal dan l-għan; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi ta' deradikalizzazzjoni bħal dik żviluppata fil-belt Daniża ta' Aarhus;
28. Iwissi kontra t-tentazzjoni li, f'isem is-sigurtà u u l-istabilità, nerġgħu lura għall-prattiki ta' dari ta' kollużjoni ma' reġimi awtoritarji, prattiki li ma jaħsbux fit-tul u li mhumiex effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tirrevedi drastikament l-istrateġija tagħha rigward in-Nofsinhar tal-Mediterran bħala parti mir-rieżami li qed isir tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u biex tikkonċentra fuq li tagħti s-sostenn tagħha lil dawk il-pajjiżi u l-atturi li huma impenjati b'mod ġenwin favur valuri komuni u favur riforma;
29. Jitlob politika esterna aktar koerenti li tindirizza l-kawżi bażiċi ta' konflitti vjolenti, tal-estremiżmu u tar-radikalizzazzjoni, bħalma huma l-fraġilità u s-sottożvilupp, u b'mod speċjali t-twessigħ tal-inugwaljanza fid-dinja;
30. Jenfasizza li l-UE għandha ssaħħaħ id-djalogu politiku mad-dinja Musulmana biex jinqatgħu r-rabtiet bejn it-terroriżmu u l-Islam li attwalment jiddominaw id-dibattitu pubbliku; itenni li l-politika esterna ta’ kontra t-terroriżmu tal-UE għandha primarjament issegwi approċċ ta’ ġustizzja kriminali li tirrispetta b’mod strett id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali u tappoġġja l-isforzi fil-qasam tad-deradikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; jistieden lill-UE biex ma tappoġġjax xejriet ripressivi f’pajjiżi terzi;
31. Jinsisti li proġetti ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien ma’ pajjiżi terzi għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u, fejn xieraq, il-liġi umanitarja internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rekwiżiti debiti tal-proċess; jiddeċiedi li jwettaq valutazzjoni tas-salvagwardji u l-linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem applikati mill-UE u l-Istati Membri tagħha fi proġetti li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, partikolarment fir-reġjun tal-Viċinat tan-Nofsinhar; jiddeċiedi li jorganizza seduta ta’ smigħ dwar is-sorveljanza parlamentari ta’ attivitajiet u leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu mal-parlamenti u atturi tas-soċjetà ċivili fir-reġjun Ewro-Mediterranju;
32. Ifakkar lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat f’Ġunju 2012, biex ikun żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jitqajmu fil-forom kollha ta’ djalogi kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi;
33. Ifakkar lill-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE dwar l-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-objettivi tal-politika esterna tal-UE, li jwaqqfuhom milli jiskambjaw data ta’ intelligence li tista’ twassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiż terz jew li jużaw informazzjoni miksuba bħala riżultat ta’ tortura barra l-UE;
34. Jesprimi l-oppożizzjoni qawwija tiegħu kontra l-użu ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones) għal qtil extraġudizzjarju ta’ persuni suspettati b’terroriżmu, u jitlob għal aktar trasparenza u responsabbiltà rigward l-użu ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, inkluż permezz ta’ Pożizzjoni Komuni tal-UE li tifformalizza qafas legali għall-użu ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ f’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament, adottata fis-27 ta’ Frar 2014[12];
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.