Dokument ta' sessjoni
4.2.2015 B8‑0122/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar miżuri kontra t-terroriżmu
( 2015/2530(RSP) )
Sophia in ‘t Veld, Javier Nart
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri kontra t-terroriżmu
( 2015/2530(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,
– – wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA[2],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet (iOCTA) għas-sena 2014,
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida għall-UE mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) għas-sena 2013,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2014 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-applikazzjoni tal-kunċetti tan-neċessità u tal-proporzjonalità u l-protezzjoni tad-dejta fi ħdan is-settur tal-infurzar tal-liġi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2012[3],
– wara li kkunsidra riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[5],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE 2010-2014 ( COM(2014)0365 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt huwa element essenzjali f'politiki antiterroristiċi li jirnexxu;
B. billi l-avvenimenti traġiċi reċenti f'Pariġi servew biex ifakkru li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja theddida terroristika kontinwa u evoluttiva li fl-aħħar għaxar snin laqtet b'mod sever diversi Stati Membri tagħha b'attakki mmirati mhux biss kontra l-persuni iżda anke kontra l-valuri u l-libertajiet li fuqhom hija bbażata l-Unjoni;
C. billi s-sigurtà hija wieħed mid-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u jistħoqqilha dibattitu miftuħ u trasparenti sabiex jintlaħaq l-objettiv aħħari li tiġi assigurata s-sikurezza ta' kulħadd u jiġi żgurat li l-miżuri implimentati jkunu aċċettati legalment u pubblikament;
D. billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza fuq medda twila ta' żmien għandha tibbaża ruħha fuq rispons trasversali, fil-livelli kollha, li jkun ibbażat ukoll fuq il-politiki ta' koeżjoni, l-edukazzjoni u, b'mod aktar ġenerali, il-politiki soċjoekonomiċi;
E. billi t-theddida terroristika fl-UE għandha dimensjoni kemm interna kif ukoll esterna;
F. billi l-kobor tal-isfida li qed tiffaċċja l-Unjoni jitlob rispons li jidentifika b'mod ċar l-aktar livell ta' azzjoni xieraq u rilevanti, mingħajr ma jeskludi l-possibilità – jekk ikun meħtieġ – li jsiru adattamenti fit-Trattat, u li jżomm quddiem għajnejh il-bżonn li jiġu żgurati mekkaniżmi ta' superviżjoni demokratika fil-livelli kollha; billi n-nuqqas ta' definizzjoni ċara tal-kunċett ta' sigurtà nazzjonali ġiegħel regolarment lill-Istati Membri jillimitaw il-kondiviżjoni tal-kompetenzi, l-iskambju ta' informazzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, għar-raġuni li s-suġġett tal-kwistjoni – is-sigurtà – jaqa' fl-ambitu ta' kompetenza tagħhom;
G. billi fil-każijiet kollha li seħħew f'dawn l-aħħar 10 snin, dawk li wettqu l-attakki kienu magħrufa mas-servizzi tal-intelligence u xi drabi mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nfushom, u billi ġew identifikati nuqqasijiet ċari fil-kondiviżjoni u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni disponibbli fost l-awtoritajiet, sew fil-livell nazzjonali u sew fil-livell Ewropew; billi l-frammentazzjoni tal-informazzjoni miżmuma fil-livell nazzjonali relatata ma' theddid terroristiku ma tħallix li jintuża l-potenzjal sħiħ tagħha;
H. billi ċ-ċaqliq ta' riżorsi fi ħdan is-servizzi tal-intelligence favur enfasi akbar fuq il-ġbir indiskriminat ta' data u l-ħolqien ta' diversi bażijiet ta' data li jgħaqqdu flimkien ir-riżultati ta' programmi ta' ġbir fuq skala kbira affettwa l-kapaċità ta' dawn is-servizzi f'termini ta' intelligence umana – għodda li l-attakki tal-passat urew li kien hemm nuqqas kruċjali minnha;
I. billi n-natura evoluttiva mgħaġġla ta' reati kriminali transkonfinali serji bħat-terroriżmu sikwit kixfet il-limiti tal-kapaċità Ewropea fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, minħabba nuqqas ta' integrazzjoni fil-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-armonizzazzjoni limitata tal-qafas ġudizzjarju meħtieġa biex jittieħdu passi kontra dawk responsabbli bla telf ta' żmien;
J. billi l-istrateġiji ta' prevenzjoni biex jiġi miġġieled it-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq approċċ pluridimensjonali mmirat direttament kontra t-tħejjija ta' attakki fit-territorju tal-UE, iżda li jintegra wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, pereżempju billi jiġġieled ir-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza, jirrispondi għall-propaganda terroristika, jindirizza d-diskrepanzi fl-integrazzjoni soċjali u jidentifika fatturi kritiċi;
K. billi l-miżuri kontra t-terroriżmu li ttieħdu fl-UE sa mill-attakki tal-11 ta' Settembru 'l hawn ma ġewx dejjem implimentati b'mod effikaċi jew, minħabba l-kuntest speċifiku tal-adozzjoni tagħhom, ma qisux biżżejjed il-ħtieġa li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali kollha u jillimitaw kull interferenza potenzjali ma' dawn id-drittijiet billi jirrispettaw il-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità fir-rigward tal-għanijiet imfittxija; billi fis-sentenza tagħha fil-każijiet konġunti C-293/12 u C-594/12 il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva dwar iż-żamma tad-data kienet invalida;
L. billi f'konformità ma' prattika leġiżlattiva tajba, il-preżentazzjoni ta' strumenti ġodda biex jiġi miġġieled it-terroriżmu għandha tiġi akkumpanjata minn evalwazzjoni dettaljata tal-għodod eżistenti u l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġu definiti d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni u l-lakuni leġiżlattivi li jridu jiġu indirizzati ulterjorment;
1. Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi reċenti f'Pariġi u lill-familji tagħhom, kif ukoll lill-vittmi tat-terroriżmu madwar id-dinja; jitlob lilll-Istati Membri jimplimentaw malajr u b'mod effikaċi d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw pjan direzzjonali ġdid għall-ġlieda kontra t-terroriżmu li jistabbilixxi rispons effiċjenti għat-theddidiet eżistenti u jiżgura sigurtà effettiva għal kulħadd filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet li huma l-prinċipji kostituttivi tal-proġett Ewropew;
3. Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni biex tiġġieled it-terroriżmu internazzjonali għandhom jiffukaw l-ewwel u qabel kollox fuq il-prevenzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi d-djalogu, it-tolleranza u l-komprensjoni fost il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti;
4. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE kontra t-terroriżmu u miżuri relatati, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri u dwar kemm l-Istati Membri jikkooperaw mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u valutazzjoni korrispondenti tal-lakuni li għad fadal, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 70 tat-TFUE, u jippubblikaw din l-evalwazzjoni flimkien mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;
L-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u intelligence fil-livell tal-UE
5. Jappella biex jitwaqqaf korp Ewropew għall-kondiviżjoni, l-iskambju u l-komunikazzjoni proattiva ta' informazzjoni mis-servizzi tal-intelligence nazzjonali, bil-għan li fit-tul titwaqqaf sistema ta' kondiviżjoni obbligatorja ta' intelligence nazzjonali dwar theddid terroristiku;
6. Jirrimarka li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn l-infurzar tal-liġi u l-ġbir ta' informazzjoni ta' intelligence għal finijiet ta' sigurtà nazzjonali; jinsisti li t-twaqqif ta' korp bħal dan għandu jkun akkumpanjat mill-ħolqien ta' bażi korretta tat-Trattat u qafas legali li jinkludi salvagwardji għad-drittijiet taċ-ċittadini u mekkaniżmi għas-superviżjoni demokratika;
7. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-pjattaformi, il-bażijiet tad-data u s-sistemi ta' twissija eżistenti fil-livell Ewropew, bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), is-Sistema ta' Informazzjoni tal-Europol (EIS), il-Punt Fokali "Vjaġġaturi" tal-Europol u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS);
8. Jinsisti li jiġu introdotti obbligi ulterjuri għall-Istati Membri, fosthom l-obbligu tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni relatata ma' reati kriminali serji u terroriżmu permezz tar-rappurtar tas-SIS, biex b'hekk titjieb l-effiċjenza ta' dawn l-għodod eżistenti;
9. Jirrimarka li l-adozzjoni fil-futur ta' kwalunkwe strument li jinvolvi l-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin ta' data personali għal finijiet ta' infurzar tal-liġi għandha tibbaża ruħha fuq qafas ġenerali definit b'mod ċar għal dawn il-finijiet;
10. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' teżamina l-proposta tagħha ta' qafas legali għall-ġbir ta' data mir-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri fl-UE kollha, sabiex din tkun konformi mal-liġi primarja tal-UE u tiġi allinjata mal-aktar ġurisprudenza reċenti; jappella għall-adozzjoni mgħaġġla u simultanja tal-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' approċċ ġenerali fil-Kunsill li jkun konsistenti mal-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 95/46/UE;
11. Jinsisti li, fil-futur, kwalunkwe strument li jiġi implimentat u li jinvolvi l-ġbir ta' data personali għandu jirrispetta l-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità;
It-titjib fis-sigurtà interna u fil-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi
12. Jagħraf il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u r-rwol tal-Europol; jesprimi, f'dan ir-rigward, il-volontà tiegħu li jaħdem mal-Kunsill biex jintlaħaq ftehim dwar qafas legali ġdid għall-Europol;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta għat-twaqqif ta' Ċentru Ewropew Kontra t-Terroriżmu fi ħdan l-Europol, li jikkumplimenta ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) eżistenti;
14. Jirrimarka li hu essenzjali wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiżgura l-professjonalità tal-korpi tal-puliżija, u li l-konformità tal-attivitajiet ta' sorveljanza u tal-pulizija mad-drittijiet fundamentali tiġi żgurata fil-livell Ewropew u nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal qafas legali ġdid għall-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL);
15. Jinsisti li l-acquis ta' Schengen għandu jiġu ppreservat u mħares minn kull tentattiv biex it-theddida attwali għas-sigurtà tintuża politikament biex timmina l-moviment liberu;
16. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-għodod kollha diġà għad-dispożizzjoni tagħhom biex iqiegħdu ż-żona Schengen u t-territorju tal-Unjoni fiż-żgur, inkluż billi jiċċekkjaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuni kollha – irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom – fil-fruntieri esterni tal-UE sabiex tiġi stabbilita l-identità tagħhom, u billi jikkonsultaw bażijiet tad-data rilevanti f'kull verifika, skont interpretazzjoni flessibbli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen attwali;
17. Jenfasizza li l-kwistjoni ta' awtorizzazzjoni mill-ġenituri għall-minorenni li jħallu t-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu residenti, li attwalment hija applikata b'mod inkonsistenti madwar l-UE, għandha titqajjem ukoll sabiex jiġi vvalutat jekk huwiex meħtieġ permess obbligatorju fil-livell tal-UE;
18. Jiddispjaċih li l-Kunsill jidher nieqes mill-volontà li jagħmel progress fir-rigward tal-istrateġija komprensiva proposta dwar iċ-ċibersigurtà, li tirrappreżenta l-viżjoni tal-UE dwar l-aħjar mod kif tista' tevita u twieġeb għal attakki ċibernetiċi;
L-adattament tal-qafas ġudizzjarju Ewropew biex tiġi indirizzata l-kriminalità transkonfinali serja
19. Jenfasizza li l-qafas ġudizzjarju fil-livell Ewropew biex jittieħdu passi b'mod effikaċi kontra dawk responsabbli minn reati kriminali transkonfinali serji bħat-terroriżmu jeħtieġ jiġi adattat u aġġornat; jagħti l-appoġġ tiegħu, f'dan ir-rigward, għal proċess leġiżlattiv effiċjenti maħsub biex mingħajr aktar dewmien titfassal Eurojust riformata, biex b'hekk jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni dwar prosekuzzjonijiet u kundanni;
20. Jemmen li għandha tiġi esplorata l-possibilità li jiġi introdott l-obbligu li f'każ ta' prosekuzzjoni fil-qasam tat-terroriżmu dan jiġi kkomunikat lill-Eurojust, u li għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn l-Eurojust u l-Europol fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom;
21. Jinsisti li t-tisħiħ tal-Eurojust għandu jiġi adottat b'mod parallel mal-proposta li tistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
22. Jappella biex ikun hemm mandat usa' għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dan ikopri ċerti kategoriji ta' reati kriminali transkonfinali serji, bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, biex ikun hemm rispons ġudizzjarju aktar effiċjenti u parti preventiva akbar fil-qasam tal-ġustizzja;
23. Jilqa' l-adozzjoni fil-qrib fil-livell Ewropew ta' qafas legali aġġornat għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, bħala pass deċiżiv li għandu jiġu implimentat fil-livelli kollha sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tiegħu u b'hekk jiġi indirizzat sors sinifikanti ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi;
24. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-monitoraġġ u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u t-traffikar bħala parti minn strateġija komprensiva li tiffoka b'mod effikaċi fuq id-diversi sorsi ta' finanzjament li bħalissa jappoġġjaw organizzazzjonijiet u proġetti terroristiċi;
25. Jitlob rieżami tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar (id-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE) sabiex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni f'dan il-qasam u jiġi kkoordinat aħjar ir-rispons Ewropew għal dan il-fenomenu; iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità għall-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata;
Il-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza
26. Jenfasizza li kwalunkwe rispons Ewropew fil-futur m'għandux jiffoka biss fuq id-dibattitu attwali dwar iż-żieda ta' miżuri ta' sigurtà u sorveljanza fil-konfront tat-terroriżmu; jirrimarka li l-ħtieġa li tiġi evitata u indirizzata r-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza hija ta' importanza primarja sabiex jintlaħaq l-għan fit-tul li l-Unjoni Ewropea tkun imħarsa mit-theddid terroristiku;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-fatturi li jaħtu għar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu li jwasslu għall-vjolenza, u fit-tfassil ta' strateġiji ta' prevenzjoni li jinkludu l-oqsma tal-edukazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u d-djalogu interkulturali u interreliġjuż;
28. Jitlob l-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar strateġiji nazzjonali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza, li tkun tindirizza l-firxa wiesgħa ta' fatturi li jaħtu għar-radikalizzazzjoni u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-twaqqif ta' programmi ta' diżimpenn, riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni;
29. Jinsisti li tingħata attenzjoni speċjali għall-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni, b'miżuri mmirati biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni f'dan l-ambjent;
30. Jappoġġja l-adozzjoni ta' strateġija Ewropea għall-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ bl-internet, li tibni fuq l-isforzi li diġà saru u l-inizjattivi li diġà ttieħdu fuq bażi intergovernattiva u volontarja bil-għan li jkun hemm aktar skambji tal-aħjar prattiki u metodi ta' suċċess f'dan il-qasam, u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' kontronarrattiva mmirata lejn individwi li s-soltu jkunu fil-mira ta' dawk li jirreklutaw;
31. Jemmen bis-sħiħ li l-istrateġiji ta' prevenzjoni għandhom jiffukaw ukoll fuq l-appoġġ għall-mexxejja tal-komunità li jippromwovu d-deradikalizzazzjoni, billi tingħata prijorità lill-politiki mmirati lejn il-livelli lokali u komunitarji, inklużi l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' kontronarrattiva u strateġiji ta' komunikazzjoni għal udjenzi speċifiċi;
32. Jinsisti li sabiex tkun effettiva u kredibbli, strateġija li tiffoka fuq il-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-vjolenza trid tibbaża ruħha wkoll fuq it-tisħiħ pożittiv tal-valuri fundamentali li fuqhom hi bbażata l-Unjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni ta' Patt ta' Governanza Demokratika tal-UE għall-ħolqien ta' strument vinkolanti u gradwali biex tiġi żgurata konformità effettiva mal-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-UE;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tidħol f'kuntatt mal-partijiet ikkonċernati kollha tal-internet bil-għan li jiġu stabbiliti standards komuni fil-livell tal-UE u jiġi definit rispons ta' sigurtà għat-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe frammentazzjoni tal-internet;
34. Jirrakkomanda t-twaqqif ta' Grupp ta' Tmexxija magħmul minn esperti u rappreżentanti tal-kumpaniji li jiddefinixxi rispons politiku kkoordinat li jindirizza l-kwistjonijiet ta' aċċess, it-tneħħija ta' kontenut u l-kooperazzjoni mal-pulizija u mal-awtoritajiet ġudizzjarji, u jirrakkomanda li l-UE sussegwentement tistabbilixxi standards komuni għall-kumpaniji biex jimplimentaw politiki ta' aċċess, kontenut u tneħħija b'mod uniformi;
35. Jinnota li strateġija ta' rispons immirata lejn il-ħtiġijiet relatati mal-internet teħtieġ tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali – bħad-dritt għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data, proċess ġust u rimedji legali – jirċievu l-istess protezzjoni online kif ukoll offline;
L-adozzjoni ta' strateġija esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali
36. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jadotta strateġija esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, sabiex jiġu indirizzati s-sorsi ta' terroriżmu internazzjonali u sabiex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tiġi integrata fil-politika estera u ta' sigurtà komuni; jistieden lis-SEAE joħloq pożizzjoni ta' "attaché għas-sigurtà" fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija ta' kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi terzi filwaqt li jiżguraw li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati, b'mod partikolari d-dritt għal proċess ġust;
38. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod speċjali t-Turkija, fuq il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kontroll tal-fruntieri u l-migrazzjoni, inkluża politika Ewropea komuni fir-rigward ta' viżi bejn l-Istati Membri u t-Turkija;
39. Jinnota l-fenomenu ġdid ta' gwerer ibridi, inkluża d-dimensjoni tat-terroriżmu appoġġjat mill-Istat u metodi ġodda ta' gwerra terroristika bħal attakki ekonomiċi u tal-informazzjoni kif ukoll attakki ċibernetiċi;
40. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza fid-dinja kollha, il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet paċifiċi għall-kriżijiet internazzjonali u interni u t-tafja tat-tbatija umana kull fejn tkun, u jħeġġeġ lill-UE ma tapplikax standards doppji fil-promozzjoni tal-valuri u l-objettivi fil-politiki esterni tagħna;
41. Jappoġġja l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Difiża Konġunta u Kooperazzjoni Ekonomika tal-Lega tal-Istati Għarab sabiex jiġu indirizzati l-perikli fir-reġjun Għarbi kollu li jirriżultaw mill-mewġa ta' mentalità ġiħadista estremista li qed tespandi permezz tal-Istat Iżlamiku (IS), il-Houthi fil-Jemen u gruppi oħra; jappella għal sforzi kontinwi biex l-atturi ewlenin fid-dinja Għarbija jipperswadu ruħhom biex jieqfu jistigaw gwerer fil-Libja, is-Sirja, l-Iraq u l-Jemen, ma jkomplux jagħtu appoġġ finanzjarju lill-milizzji u jfittxu soluzzjonijiet negozjati għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun;
42. Iħeġġeġ aktar sforzi biex tinħoloq kapaċità difensiva Ewropea u tiżdied il-kooperazzjoni militari ma' pajjiżi ġirien u pajjiżi terzi strateġiċi, b'mod partikolari billi jingħataw assistenza ta' taħriġ, pariri tekniċi f'dan il-qasam, appoġġ għall-kapaċità offensiva u involviment militari dirett mal-forzi lokali;
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.