Dokument ta' sessjoni
4.2.2015 B8‑0125/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar miżuri kontra t-terroriżmu
( 2015/2530(RSP) )
Laura Ferrara, Ignazio Corrao, Tiziana Beghin, Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri kontra t-terroriżmu
( 2015/2530(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-artikoli rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2178 (2014) tal-24 ta' Settembru 2014 dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE tal-2005 kontra t-Terroriżmu[1]
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-politika tal-UE kontra t-terroriżmu: kisbiet ewlenin u sfidi futuri[2],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)[5],
– wara li kkunsidra riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern[6],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[7],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ħafna Ewropej ħassew li l-attakk feroċi tas-7 ta' Jannar 2015 fuq il-gażżetta satirika Charlie Hebdo kien attakk fuq il-valuri tagħhom u fuq l-istil tal-ħajja tagħhom u billi l-attakk kellu impatt sinifikanti fuq is-sens ta' sigurtà komuni fost iċ-ċittadini tal-UE;
B. billi t-terroriżmu jhedded serjament il-paċi internazzjonali, is-sigurtà u d-demokrazija bil-għan li jiddgħajfu s-soċjetajiet ċivili pluralistiċi;
C. billi r-razziżmu u l-ksenofobija huma ksur diretti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, prinċipji li fuqhom hija bbażata l-UE u li huma komuni għall-Istati Membri;
D. billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prinċipalment ta' kompetenza nazzjonali u l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u l-miżuri relatati rilevanti diġà jinsabu fis-seħħ f'kull Stat Membru;
E. billi mhemmx bżonn li jiġu introdotti miżuri ġodda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda pjuttost li għandu jsir użu aħjar tar-regoli, tal-mekkaniżmi u tal-miżuri eżistenti; billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom bżonn jagħmlu l-akbar użu tal-possibbiltajiet eżistenti u jżidu l-kooperazzjoni tagħhom, inter alia permezz tat-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija permezz tat-twaqqif ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta u, bl-assistenza tal-aġenziji tal-UE bħall-Europol, Eurojust u l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL);
F. billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki b'suċċess kontra t-terroriżmu; billi kwalunkwe miżuri adottati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu neċessarjament suġġetti għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, u f'kull każ mgħandomx jiċħdu liċ-ċittadini mil-libertajiet ċivili tagħhom u mid-dritt tal-iskrutinju demokratiku;
G. billi l-għan ewlieni tal-politiki u tal-azzjonijiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jkun il-ħarsien u t-tisħiħ tat-tessut ta' kull soċjetà demokratika permezz tat-tisħiħ tal-libertajiet ċivili u l-iskrutinju demokratiku, il-ħarsien tas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini, li jiġu identifikati u pproċessati legalment il-partijiet responsabbli għat-twettiq tat-terroriżmu, li jkun hemm rispons għall-konsegwenzi ta' attakki terroristiċi u li tingħata attenzjoni għall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u tal-eskalazzjoni;
H. billi strateġija komprensiva fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tinkludi miżuri li jsaħħu l-inklużjoni soċjali, il-kundanna u s-sanzjonar ta' kull kondotta li tinċita l-vjolenza jew il-mibgħeda; it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikaliżmu, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija transkonfinali, u li jkun hemm definizzjoni legali uniformi tal-kunċett ta' 'tfassil ta' profil' ibbażata fuq id-drittijiet fundamentali rilevanti u tal-istandards tal-protezzjoni tad-data;
I. billi l-effettività tal-politiki kontra t-terroriżmu jridu jiġu evalwati skont l-għanijiet imsemmija iktar 'il fuq;
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi riċenti f'Pariġi u l-familji tagħhom, u l-vittmi tat-terroriżmu fid-dinja kollha;
2. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità;
3. Jiddikjara mill-ġdid l-impenn tiegħu biex iħares il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, it-tolleranza u l-istat tad-dritt;
4. Itenni li l-effikaċja tal-miżuri kontra t-terroriżmu u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji iżda huma objettivi komplementari li jsaħħu lil xulxin;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jissottolinja, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni biex tiġġieled it-terroriżmu internazzjonali għandhom jiffukaw l-ewwel nett fuq il-prevenzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi d-djalogu, it-tolleranza u l-fehim fost kulturi u reliġjonijiet differenti;
6. Jirrimarka li, bħal fil-każ ta' attakki preċedenti, dawk li wettqu l-attakki ta' Pariġi kienu diġà magħrufa lill-awtoritajiet tas-sigurtà u kienu s-suġġett ta' investigazzjonijiet u miżuri ta' superviżjoni; jinsisti li dan juri li l-awtoritajiet tas-sigurtà u dawk involuti fil-ħidma tal-infurzar tal-liġijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni ta' bejniethom permezz ta' skambju aħjar ta' data u informazzjoni li hija diġà disponibbli għalihom, bl-użu effettiv tad-databases tal-UE u permezz tal-kollaborazzjoni ma' aġenziji tal-UE;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE kontra t-terroriżmu u miżuri relatati, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri, dwar kemm l-Istati Membri jikkooperaw mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u valutazzjoni korrispondenti tad-diskrepanzi li għad fadal, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 70 tat-TFUE, u jippubblikaw din l-evalwazzjoni flimkien mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;
8. Jappella għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja fil-politiki kontra t-terroriżmu, filwaqt li enfasizza li l-miżuri li, retrospettivament, ma kinux meħtieġa, effikaċi u proporzjonati għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jitħassru; jenfasizza wkoll li l-ksur tad-drittijiet fundamentali għandu jiġi investigat u rranġat u jeħtieġ li jiġu żviluppati forom ġodda ta' skrutinju demokratiku bbażati fuq is-setgħat mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali mit-Trattat ta' Lisbona;
Approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni
9. Jappella sabiex l-attenzjoni titpoġġa fuq l-impatt tal-koeżjoni soċjali fil-prevenzjoni tal-involviment tal-individwi f'netwerks terroristiċi, fl-investigazzjoni u l-indirizzar b'mod xieraq tal-fatturi soċjali, psikoloġiċi u ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-esklużjoni soċjali u għall-marġinalizzazzjoni;
10. Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu fi skemi u politiki edukattivi li jirrispettaw l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, inaqqsu d-diskriminazzjoni soċjali li tibda mill-età meta t-tfal jibdew l-iskola 'l quddiem, inkluż permezz tat-taħriġ tal-għalliema dwar kwistjonijiet soċjali u d-diversità;
11. Iwissi li n-nuqqas ta' perspettivi fit-tul minħabba l-faqar u l-qgħad jista' jwassal biex l-individwi jħossuhom bla setgħa u saħansitra jgħaddu għal imġiba distruttiva li biha jagħtu lilhom infushom is-setgħa, permezz tas-sħubija f'organizzazzjonijiet ġiħadisti jew movimenti estremisti;
12. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom fit-tnaqqis tal-faqar, li jkun żgurat, għall-inqas, dħul minimu, li jiġu pprovduti perspettivi ta' impjiegi, li l-individwu jingħata s-setgħa li jagħmel l-għażliet tiegħu, u li l-individwu jiġi rrispettat, it-tnaqqis tax-xkiel għal impjiegi u li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fl-impjieg;
13. Jenfasizza l-fatt li d-diskriminazzjoni tista' tirrinforza tendenzi ta' radikalizzazzjoni u vjolenza; jenfasizza li l-istandards tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni jridu jkunu kkumplimentati minn strateġiji ta' politika biex jindirizzaw il-forom kollha ta' razziżmu, inklużi l-anti-Semitiżmu u l-Islamofobija;
14. Jesprimi appoġġ għal programmi li jagħtu s-setgħa lil minoranzi etniċi u reliġjużi biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-istatus soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet rispettivi tagħhom fuq terminu medju u twil;
15. Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Istati Membri jżommu strettament mal-pożizzjoni komuni dwar id-definizzjoni ta' regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari;
16. Jappella għall-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li intlaħaq qbil dwarha reċentement u l-implimentazzjoni ta' strumenti importanti, bħan-netwerk tal-unitajiet ta' intelligence finanzjarja u tal-Programm bejn il-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu;
17. Jinsisti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ u aħjar tal-istrumenti ta' qafas eżistenti tax-Schengen u jiddedikaw ir-riżorsi neċessarji għall-Frontex biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-immaniġjar effettiv tal-fruntieri esterni tal-UE;
18. Jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-proposta għal PNR tal-UE fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-Sentenza dwar id-Direttiva taż-Żamma ta' Data;
19. Jissottolinja l-fatt, li l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-internet għal finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jkunu neċessarji u proporzjonati, u, b'mod partikolari, li jkunu bbażati fuq definizzjoni xierqa tat-terroriżmu, li għadha nieqsa; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tneħħija tal-kontenut kriminali għandha ssir fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja, u mhux permezz ta' sorveljanza privata mill-provdituri tas-servizzi ta' konnessjoni għall-internet, għaliex jekk le, it-tendenza tkun li l-attivitajiet ta' ibblukkar jiġu estiżi għal forom infiniti oħra ta' espressjoni li mgħandhom xejn x'jaqsmu mat-terroriżmu; jirrimarka li r-reġimi dittatorjali f'pajjiżi terzi ċertament jippruvaw jikkupjaw l-approċċ tal-UE;
20. Jitlob l-adozzjoni rapida tal-pakkett tal-protezzjoni tad-data, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' approċċ ġenerali fil-Kunsill b'rispett lejn l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 95/46/UE;
21. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejniethom ibbażata fuq l-istrumenti disponibbli tal-UE, bħas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw il-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Istati Membri biex jaqblu malajr fuq il-miżuri kollha proposti, f'konformità mal-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali, u biex jindirizzaw deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta' qabel il-proċess u l-kondizzjonijiet fil-ħabs bħala l-pass li jmiss;
22. Jenfasizza li l-għan tas-sistema tagħna ta' ġustizzja kriminali għandha tkun sabiex l-individwi jiġu riabilitati u reintegrati fis-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li għandhom l-għan li jipprovdu lill-ħabsin bil-ħiliet tekniċi meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-impjiegi u li jiffaċilita u jappoġġa r-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;
Dimensjoni esterna
23. Iwissi kontra t-tentazzjoni li wieħed jerġa' lura għall-prattiki ta' kollużjoni ma' reġimi awtoritarji preċedenti, li ma jaħsbux fil-ġejjieni u li mhumiex effikaċi għall-finijiet ta' sigurtà, stabbiltà u l-ġlieda kontra l-estremiżmu;
24. Jappella għal kooperazzjoni mtejba fil-qasam tas-sigurtà ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-viċinat tan-Nofsinhar; jinsisti li tali kooperazzjoni – minn kondiviżjoni tal-intelligence sal-istat tad-dritt, riforma tal-ġustizzja u programmi ta' ġustizzja kriminali – għandha tkun strettament skont id-dritt internazzjonali u mhux teċċedi għanijiet oħra ta' politika esterna, b'mod partikolari l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokratizzazzjoni;
25. Jistieden lill-UE tirrevedi l-istrateġija tagħha rigward in-Nofsinhar tal-Mediterran (bħala parti mir-rieżami li qed isir tal-PEV) u tikkonċentra fuq li tagħti s-sostenn tagħha lil dawk li huma impenjati b'mod ġenwin favur valuri komuni u favur riforma;
26. Jappella biex l-UE tindirizza l-kawżi li huma ta' qofol għall-estremiżmu, li ma jiġux inkoraġġuti jew appoġġati xejriet ta' ripressjoni iżda li jkun hemm aktar sforzi biex jiġu appoġġati stati inklussivi, pluralistiċi u funzjonanti li huma kapaċi li jipprovdu ġustizzja u sigurtà liċ-ċittadini tagħhom u l-estremiżmu reliġjuż jiġi indirizzat b'mod li huwa kompatibbli mad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem;
27. Jappella għal trasparenza, responsabbiltà u legalità akbar fid-deċiżjonijiet ta' politika barranija relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.