Dokument ta' sessjoni
4.2.2015 B8-0128/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-atroċitajiet reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja
( 2014/2520(RSP) )
Charles Tannock
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja
( 2014/2520(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali Niġerja-UE li sar f'Abuja fis-27 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem Niġerja-UE tal-2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mis-Segretarjtu Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Jannar 2015 mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali u Kap tal-Uffiċċju tan-NU għall-Afrika tal-Punent, Mohamed ibn Chambas, dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal Affettwati mill-Konflitti Armati (CAAC), ippubblikat fl-1 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, dwar id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-Niġerja hija l-ikbar ekonomija fil-kontinent Afrikan u msieħba kummerċjali ewlenija tal-UE;
B. billi bejn l-2009 u l-2013, l-għajnuna tal-UE lin-Niġerja ammontat għal madwar EUR 700 miljun, li minnhom EUR 200 miljun kienu allokati għall-konsolidazzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, it-trattament tal-faqar u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol għaż-żgħażagħ (ex militanti) fid-Delta tan-Niġer;
C. billi, minkejja r-riżorsi kbar tagħha, in-Niġerja hija fost l-aktar pajjiż bl-inugwaljanzi fid-dinja;
D. billi l-paċi u l-istabbiltà tan-Niġerja huma dejjem aktar mhedda mill-grupp militanti Iżlamista Boko Haram, li ilu jagħmel ħerba mill-2009 b'mewġa ta' attakki bil-bombi, qtil u ħtif billi huwa intiż li jimponi forma stretta tal-liġi tax-Xarija, iwaqqa' l-gvern u joħloq stat Iżlamiku;
E. billi sa 2 000 persuna ġew irrappurtati maqtulin fil-belt ta' Baga fit-3 ta' Jannar 2015 fl-aktar attakk imdemmi sa issa mill-Boko Haram; billi l-Gvern Niġerjan ikkontesta dawn iċ-ċifri u, minkejja rapporti kredibbli li jissuġġerixxu li l-biċċa l-kbira tal-vittmi kienu tfal, nisa u anzjani, isostni li nqatlu madwar 150 persuna, il-parti l-kbira minnhom militanti;
F. billi l-Boko Haram issa huwa maħsub li jikkontrolla aktar minn 50 000 kilometru kwadru tal-Grigal tan-Niġerja;
G. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat il-Boko Haram żied l-assalti tiegħu fuq bliet strateġikament importanti u miri oħra fil-Grigal tan-Niġerja, fejn għexieren ġew irrapportati maqtula;
H. billi l-Boko Haram kellu wkoll fil-mira knejjes f'dak li huwa maħsub li huma tentattivi mill-militanti biex iqanqlu tensjoni reliġjuża;
I. billi l-vjolenza li qed teskala tar-ribelljoni thedded lis-sigurtà tal-Punent tal-Afrika kollu kemm hu;
J. billi l-militar Niġerjan qed jaffaċċja kompitu enormi b'riżorsi limitati, fit-tentattivi tiegħu li jipproteġi liċ-ċittadini minn qattiela bil-bombi u persuni armati li huma mifruxa fuq żona kbira;
K. billi miżuri kontra r-ribelljoni għad iridu jipprovdu protezzjoni adegwata lill-persuni ċivili mit-theddida tal-Boko Haram, bil-popolazzjoni fit-tliet Stati tal-Grigal ta' Adamawa, Borno u Yobe soġġetti għal attakki dejjem aktar intensi u ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;
L. billi inizjattiva mmexxija minn Franza talbet lin-Niġerja, in-Niġer, il-Kamerun u ċ-Ċad biex jikkontribwixxu 700 suldat kull wieħed għal forza multinazzjonali kontra l-Boko Haram, iżda l-ebda pajjiż ma implimenta l-pjan;
M. billi l-Boko Haram ħataf u żamm għadd ta' bliet fil-Grigal tan-Niġerja u għadu jkompli jirrekluta bil-forza persuni ċivili fl-iskjeramenti tiegħu, inklużi ħafna tfal;
N. billi f'April 2014 aktar minn 270 tifla nħatfu minn skola tal-gvern f'Chibok (fl-Istat ta' Borno); billi l-maġġoranza tagħhom għadhom neqsin; billi minn dak iż-żmien, mijiet aktar ta' persuni nħatfu mill-Boko Haram;
O. billi n-Nazzjonijiet Uniti tistma li l-vjolenza fl-Istati ta' Borno, Yobe u Adamawa laħqet 1.5 miljun persuna spostati, filwaqt li aktar minn tliet miljun persuna ġew affettwati mir-ribelljoni;
P. billi aktar minn 300 000 Niġerjan ħarbu lejn il-Majjistral tal-Kamerun u l-Lbiċ tan-Niġer biex jaħarbu mill-vjolenza;
Q. billi r-ribelljoni tal-Boko Haram ġiet diskussa fid-Djalogu Ministerjali UE-Niġerja reċenti u ġiet ukoll indirizzata fil-konferenza reġjonali dwar is-sigurtà li saret fi Niamey fl-20 ta' Jannar 2015;
R. billi fl-10 ta' Jannar 2015 attakkant suwiċida, li ġie rrappurtat li kien tifla ta' 10 snin, qatel mill-inqas 19-il persuna f'Maiduguri fil-Grigal tan-Niġerja, fl-aħħar attakk bħal dan fir-reġjun; billi fil-ġurnata ta' wara żewġ attakanti suwiċida nisa qatlu erba' persuni u ndarbu aktar minn 40 fil-belt ta' Potiskum;
S. billi fit-12 ta' Jannar 2015, l-Arċisqof Kattoliku ta' Jos, fin-Niġerja Ċentrali akkuża lill-Punent talli injoraw it-theddida tal-Boko Haram u qal li d-dinja kellha turi aktar determinazzjoni biex twaqqaf l-avvanz tal-grupp fin-Niġerja;
T. billi fid-9 ta' Jannar 2015 il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati rrapporta li l-għadd ta' rifuġjati Niġerjani li qed ifittxu s-sikurezza fiċ-Ċad kien kważi kkwadruplika fl- 10 jum wara li l-attakki mill-gruppi ribelli tal-Boko Haram fil-Grigal tan-Niġerja spustjaw eluf;
U. billi l-elezzjonijiet presidenzjali huma skedati li jsiru fin-Niġerja fl-14 ta' Frar 2015;
V. billi hemm il-biża' li r-ribelljoni tal-Boko Haram u l-vjolenza dejjem tiżdied jistgħu jipprevjenu sa miljun Niġerjan milli jivvutaw fl-elezzjonijiet ta' din is-sena, fatt li jitfa' dubji dwar il-leġittimità ta' dak li hu mistenni li jkun l-eqreb vot fl-istorja tal-pajjiż;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza dejjem għaddejja u dejjem tiżdied fin-Niġerja, inkluż l-użu ta' tfal bħala attakkanti suwiċida, li wassal għal eluf ta' mwiet u korrimenti u l-ispustjar ta' mijiet ta' eluf ta' persuni oħrajn;
2. Jiddeplora l-massakru ta' rġiel, nisa u tfal innoċenti u jinsab spalla ma' spalla mal-poplu Niġerjan fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled il-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżhom;
3. Jitlob għal sforzi internazzjonali konċertati biex jintemm it-tixrid tad-demm fin-Niġerja, iżda jemmen li dawn għandhom ikunu xprunati minn kooperazzjoni reġjonali akbar bejn stati u atturi relevanti oħrajn;
4. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta' appoġġ politiku, ta' żvilupp u umanitarju lin-Niġerja u l-poplu tagħha fil-ġlieda kontra t-theddida tal-Boko Haram u jiġi żgurat l-iżvilupp tal-pajjiż;
5. Jemmen li l-Gvern Niġerjan għandu d-dritt u r-responsabilità li jiddefendi l-poplu tiegħu mit-terroriżmu, iżda jinsisti li dawn l-azzjonijiet għandhom jitmexxew skont ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
6. Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jiżgura li l-militar Niġerjan hu mgħammar b'mod xieraq bir-riżorsi kollha disponibbli biex tiġi miġġielda t-theddida tal-Boko Haram;
7. Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex iwettaq investigazzjoni sħiħa u bir-reqqa dwar dawn ir-rapporti u biex jieħu azzjoni xierqa, skont l-istat tad-dritt, kontra dawk li nstabu li kienu involuti f'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jemmen li l-mexxejja politiċi tan-Niġerja għandhom jużaw l-elezzjonijiet li ġejjin bħala katalist biex jiġu solvuti l-problemi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż, li huma kawża tal-vjolenza dejjem tiżdied; jistieden ukoll lit-tmexxija politika tan-Niġerja biex tieħu miżuri għal dan l-iskop sabiex tittratta l-ineffiċjenzi tal-gvern, il-korruzzjoni, l-amministrazzjoni ħażina, u s-serq tal-ġid taż-żejt tal-pajjiż;
9. Jiddispjaċih li l-komunità internazzjonali sa issa naqset milli taġixxi biex tipprovdi appoġġ siewi lill-poplu tan-Niġerja kemm fir-rigward tal-ittrattar tal-vjolenza li qiegħda tiżdied u l-indirizzar ta' kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi;
10. Jemmen li r-riformi lis-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja huma meħtieġa b'mod urġenti biex tkun tista' tipprovdi ġustizzja kriminali effettiva għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;
11. Jappoġġja lill-Gvern Niġerjan fl-azzjonijiet tiegħu mmirati lejn il-ġlieda kontra t-theddida tal-Boko Haram, iżda jfakkru fir-responsabilità tiegħu biex jiżgura li tali azzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-liġi internazzjonali;
12. Jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil extraġudizzjarji, it-tortura, l-arresti arbitrarji u l-abbużi relatati mal-estorsjoni, u jemmen li tali azzjonijiet ma jistgħux jiġu ġustifikati bħala mezz għall-ġlieda kontra t-theddida mill-Boko Haram jew organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn;
13. Jappella għal aktar sforzi internazzjonali biex jiġi żgurat il-ħelsien tal-200 tifla u aktar maħtufa mill-Boko Haram minn skola tal-gvern f'Chibok fl-Istat ta' Borno f'April 2014;
14. Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex jaħdem mal-imsieħba reġjonali biex tinbena koalizzjoni b'saħħitha u soda biex tiġi miġġielda t-theddida tal-Boko Haram; iwissi, barra minn hekk, li mingħajr tali kooperazzjoni, il-vjolenza x'aktarx se tkompli, li twassal għall-imminar tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward is-sikurezza ta' dawk li qiegħdin ifittxu li jivvutaw fl-elezzjonijiet ta' Frar, b'mod partikolari f'żoni li diġà kienu soġġetti għal attakki vjolenti; jinsab ulterjorment imħasseb li t-theddida dejjem tikber lis-sigurtà tista' tipprevjeni lill-votanti milli jmorru jivvutaw, u b'hekk timmina l-leġittimità tar-riżultati tal-elezzjoni;
16. Ifakkar lill-Gvern tan-Niġerja li l-elezzjonijiet iridu jitqiesu bħala ħielsa u ġusti, u mwettqa f'konformità ma' standards aċċettati internazzjonalment; jinsisti, barra minn hekk, li osservaturi lokali u internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw l-elezzjonijiet mingħajr interferenza jew intimidazzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummisjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-ECOWAS, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan.