Dokument ta' sessjoni
4.2.2015 B8-0129/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-atroċitajiet reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Javier Nart
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja
( 2015/2520(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b'mod partikolari l-aktar dibattitu reċenti tiegħu dwar din it-tema fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-Erbgħa, 14 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-8 u l-14 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-19 ta' Jannar 2015 dwar it-terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-communiqué konġunt maħruġ fis-27 ta' Novembru 2014 fil-Ħames djalogu UE-Niġerja f'Abuja, li kkundanna l-atroċitajiet tal-Boko Haram,
– wara li kkunsidra l-konferenza reġjonali dwar is-sigurtà fl-20 ta' Jannar 2015 fi Niamey,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tal-2000, l-emendi tiegħu tal-2005 u l-2010 (irratifikati min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010) u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 13 tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, dwar il-vjolenza kontinwa u d-deterjorament tas-sigurtà fil-Grigal tan-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b'delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, irratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll Addizzjonali tagħha, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-kundanna tal-attivitajiet tal-Boko Haram mill-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fl-istqarrija għall-istampa tagħha tat-12 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja adottata fid-29 ta' Mejju 1999, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għall-ħajja, id-dritt għal proċess ġust, id-dritt għad-dinjità tal-persuna umana, u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra l-attakki doppji intenzjonati tal-Boko Haram f'Maidugurui u f'Monguno fil-25 ta' Jannar u l-1 ta' Frar 2015;
B. billi l-attakki mwettqa mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 kienu mmirati lejn Baga u sittax-il belt u villaġġ tal-madwar, fejn skont l-immaġni mis-satellita nqerdu kważi 3 700 struttura u nqatlu bejn 10 u 2 000 persuna, jew saħansitra aktar, skont is-sors;
C. billi tifla ta' madwar 10 snin intużat biex tisplodi bomba f'suq f'Maiduguri fl-10 ta' Jannar 2015, fejn inqatlu 19-il persuna u ndarbu diversi oħrajn.
D. billi n-numru tal-attakki qed jiżdied u l-attakki qed jitwettqu matul territorji kbar, u anke f'pajjiżi ġirien, inkluż attakk fit-18 ta' Jannar 2015 fil-Kamerun fl-ibliet ta' Kolofata u Mokolo fejn 80 persuna, il-parti l-kbira nisa u tfal, ittieħdu bħala ostaġġi;
E. billi Baga hi s-sede tat-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) reġjonali armata, maħluqa min-Niġerja, iċ-Ċad u n-Niġer fl-1998 biex tissorvelja attivitajiet fil-fruntieri tagħhom; billi fl-2012 twessgħet għall-Kamerun u l-Benin biex tiġġieled it-terroriżmu, u b'mod partikolari l-azzjonijiet tal-Boko Haram,
F. billi f'Mejju 2013 ġie dikjarat stat ta' emerġenza mill-President Goodluck Jonathan fl-Istati ta' Borno, Yobe u Adamawa;
G. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin se jsiru fl-14 ta' Frar 2015;
H. billi l-armata taċ-Ċad intervjeniet biex tappoġġja lill-forzi tal-Kamerun u l-azzjonijiet tagħhom kontra l-Boko Haram f'Gamboru Ngala, Malam Fatori u Kangalam fin-Niġerja;
I. billi s-summit tal-Unjoni Afrikana, u b'mod speċifiku l-Kunsill għall-Paċi u s-Sikurezza tagħha, iddeċiedew dwar il-ħolqien ta' forza multinazzjonali inter-Afrikana ta' 7 500 suldat biex jiġġieldu s-setta Iżlamika Niġerjana; billi l-Unjoni Afrikana ddeċiedet li titlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimmobilizza l-komunità internazzjonali kontra l-Boko Haram;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki doppji intenzjonati tal-25 ta' Jannar u l-1 ta' Frar kontra l-bliet ta' Maiduguri (il-belt kapitali tal-Istat ta' Borno) u Monguno, li jikkostitwixxu eskalazzjoni serja fid-destabilizzazzjoni reġjonali;
2. Jikkundanna bil-qawwa, għal darb'oħra, il-massakri u l-atroċitajiet imwettqa mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 fil-belt ta' Baga u f'sittax-il raħal, vjolenza li ġiet ikkonfermata permezz ta' immaġni bis-satellita; jirrileva li n-numru tal-vittmi f'dawn iż-żoni jvarja minn 10 għal aktar minn 2 000, skont is-sors, li jikkostitwixxi delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' nisa u tfal biex iwettqu attakki suwiċida;
4. Jesprimi s-simpatija kollha tiegħu mas-superstiti tal-barbariżmu tal-Boko Haram u jwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji kollha li tilfu l-maħbubin tagħhom fl-attakki frenetiċi tal-Boko Haram;
5. Jiddeplora l-ħtif strateġiku tal-bażi militari ta' Baga, il-kwartieri ġenerali tat-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) tan-Niġerja, iċ-Ċad, in-Niġer u l-Kamerun, fejn l-appoġġ mill-pajjiżi ġirien ġie rtirat sforz l-insigurtà; jinnota li din is-sede ġiet ittrasferita għal N'Djamena, iċ-Ċad, wara s-summit reġjonali tal-20 ta' Jannar 2015 fi Niamey dwar il-Boko Haram;
6. Jesiġi l-waqfien immedjat tal-azzjonijiet kriminali mill-Boko Haram, tal-inkursjonijiet tiegħu fit-territorju Kamerunjan u tat-theddid kontra l-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien;
7. Jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni speċifika mill-awtoritajiet tal-gvern; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani, għaldaqstant, biex jieħdu aktar responsabilità fit-trattament tal-problemi li qed jaffettwaw lil pajjiżhom stess u biex japplikaw valuri etiċi meta jieħdu azzjonijiet konkreti kontra t-terroriżmu, il-korruzzjoni u l-faqar u l-inugwaljanza li qed jifnu lill-pajjiż;
8. Jesprimi tħassib rigward it-twettiq xieraq tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-14 ta' Frar 2015, b'mod speċjali f'żoni problematiċi;
9. Jirrikonoxxi li mingħajr koalizzjoni u kollaborazzjoni bejn il-forzi armati tal-pajjiżi tar-reġjun (in-Niġerja, in-Niġer, iċ-Ċad u l-Kamerun) mhux se jkun possibbli li jkun hemm rispons effikaċi għall-isfida tal-grupp terroristiku Boko Haram;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex jilqgħu u jikkooperaw mal-Unjoni Ewropea jew ma' forza internazzjonali huma u jindirizzaw it-theddida mill-Boko Haram, fuq it-talba tal-pajjiżi tar-reġjun u/jew tal-awtoritajiet tal-Unjoni Afrikana;
11. Iħeġġeġ lill-Gvern tan-Niġerja biex jerfa' r-responsabilità sħiħa għad-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni fit-tliet stati tal-Grigal tal-pajjiż (Adamawa, Borno u Yobe) sabiex jiżgura li l-kundizzjonijiet ta' sigurtà neċessarji jkunu stabbiliti b'tali mod li l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin ikunu jistgħu jsiru bla tfixkil bħal fil-bqija tal-pajjiż;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex jieħdu azzjoni aktar soda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ineffiċjenzi fi ħdan l-armata, li wassluwha biex ma tkunx kapaċi titratta l-pjaga tal-Boko Haram fit-Tramuntana tal-pajjiż;
13. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex jadottaw miżuri li jaqtgħu s-sorsi tad-dħul illegali tal-Boko Haram, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;
14. Jitlob li jitfassal pjan direzzjonali dwar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-istati tat-Tramuntana biex jindirizza l-kwistjonijiet ta' faqar u inugwaljanza fil-kuntest ta' deċentralizzazzjoni, u jinnota li l-mezzi neċessarji għal dan il-għan għandhom jiġu trasferiti lill-awtoritajiet lokali;
15. Jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipanti, b'mod partikolari l-impenn militari taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun u n-Niġerja, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram;
16. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u jitlob lill-Unjoni Afrikana biex timpenja ruħha, b'mod urġenti, f'azzjoni konkreta, flimkien mal-pajjiżi kollha involuti, biex tikkoordina l-ġlieda kontra gruppi terroristiċi fir-reġjun tas-Sahel;
17. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tgħin lir-refuġjati Niġerjani fil-pajjiżi ġirien;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE.