Dokument ta' sessjoni

 

9.2.2015                                                                                                                  B8‑0137/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

( 2015/2559(RSP) )

Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Ilhan Kyuchyuk, Ivo Vajgl, Beatriz Becerra Basterrechea, Louis Michel, Pavel Telička, Petr Ježek, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez, Javier Nart, Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Marielle de Sarnez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Dita Charanzová, Izaskun Bilbao Barandica

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0137/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

( 2015/2559(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjoni S-22/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU, intitolat "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria", tal-14 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-4 ta' Frar 2015 dwar ir-rapporti perjodiċi kombinati (mit-tieni sar-raba' rapport) tal-Iraq,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li ġew adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi dwar is-sigurtà fl-Iraq tal-15 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar tali sħubija[1],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kriżi vjolenti li għadha għaddejja fis-Sirja bħala konsegwenza tal-vjolenza governattiva u terroristika kkawżat katastrofi umanitarja ta' kobor mingħajr preċedent fl-istorja, b'aktar minn 200 000 ruħ maqtula, il-biċċa l-kbira minnhom ċivili, aktar minn 7,6 miljun ruħ spustati internament, u 'l fuq minn 12,2 miljun Sirjan fi bżonn iddisprat ta' assistenza fis-Sirja; billi aktar minn 3,8 miljun Sirjan ħarbu minn pajjiżhom, prinċipalment lejn il-Libanu (1 160 468 rifuġjat), it-Turkija (1 623 839), il-Ġordan (621 773), l-Iraq (235 563) u l-Eġittu/l-Afrika ta' Fuq (160 772);

B.     billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq ikkawżata mill-kunflitt li għaddej u l-vjolenza u r-repressjoni min-naħa tal-organizzazzjoni terroristika tal-Istat Iżlamiku (IS) għadha tiddeterjora, u billi aktar minn 5,2 miljun ruħ għandhom bżonn ta' assistenza umanitarja urġenti u aktar minn 2,1 miljun Iraqi huma spustati internament; billi 3,6 miljun ruħ qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-IS, li 2,2 miljun minnhom jinsabu fi ħtieġa urġenti ta' għajnuna, u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli;

C.     billi bosta rifuġjati u persuni spustati internament mhumiex irreġistrati, b'hekk il-popolazzjonijiet mhux reġistrati huma mċaħħdin mill-għajnuna umanitarja u mill-miżuri ta' protezzjoni bażiċi tant bżonjużi;

D.     billi, bl-użu tal-vjolenza brutali u indiskriminata, l-organizzazzjoni terroristika tal-IS ħakmet partijiet tal-Iraq tal-Majjistral, inkluża Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-pajjiż, u billi mbagħad wettqet eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini tal-Iraq, imponiet interpretazzjoni riġida tax-Sharia, qerdet postijiet ta' qima u s-santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti, Jażidi, Kurdi u Kristjani u kkommettiet atroċitajiet barbari kontra l-popolazzjoni ċivili, b'impatt partikolari fuq in-nisa u t-tfal;

E.     billi ex membri tal-persunal militari tal-armata tal-Iraq ingħaqdu mal-IS, u billi l-armata stess hija infestata mill-korruzzjoni, fatt li jostakola r-risposta effikaċi min-naħa ta' din tal-aħħar għall-IS;

F.     billi snin ta' repressjoni u politika identitarja kebbsu t-tensjonijiet etniċi u l-vjolenza li issa żbroffaw u b'hekk wasslu għal ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa tal-partijiet fil-kunflitt bil-konsegwenza li l-Iraqin ta' kull etnija u twemmin reliġjuż qegħdin ibatu l-konsegwenzi;

G.     billi l-organizzazzjoni terroristika tal-IS hija illeġittima u waqqfet l-hekk imsejħa "qrati tax-Sharia" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tagħha, li qegħdin japplikaw pieni krudili u inumani fil-konfront ta' rġiel, nisa u tfal; billi l-IS ippubblika kodiċi penali li jelenka r-reati punibbli b'forom ta' vjolenza barbara u medjevali bħall-amputazzjoni, it-tħaġġir u l-kruċifissjoni;

H.     billi l-IS nieda kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fil-parti tat-Tramuntana tal-Iraq u fis-Sirja, u kkommetta delitti tal-gwerra, fosthom qtil sommarju tal-massa u serq ta' persuni tal-massa, kontra minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjoni furzata, il-serq ta' persuni, l-istupru, it-traffikar u s-sekwestru ta' nisa, l-iskjavitù ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' tfal għal attentati suwiċidi u abbużi sesswali u fiżiċi u tortura; billi l-komunitajiet ta' Kristjani, Kurdi, Jażidi, Turkmeni, Xabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-IS;

I.      billi l-apostati u l-minoranzi LGBT kienu fil-mira u sottoposti għal vjolenza inumana;

J.      billi l-attakki ta' ritorsjoni mill-milizzji Xiiti kienu diretti lejn lill-popolazzjonijiet Għarab Sunniti, u dawn il-milizzji kkommettew sekwestri, eżekuzzjonijiet sommarji, tortura, spustamenti tal-massa ta' eluf ta' familji b'impunità, kif dokumentat mill-Human Rights Watch;

K.     billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-rifuġjati ġew imġiegħla jsofru kundizzjonijiet ta' għajxien inadegwati; billi skont in-NU, tlieta minn kull erba' Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija aktar minn 50 %; billi żewġ terzi tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 55 % tar-rifuġjati fil-Libanu jgħixu f'xelters kemm jiddobbaw; billi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra r-rifuġjati żdiedu fil-pajjiżi ospitanti;

L.     billi l-Lvant Nofsani nħakem minn xitwa qalila u l-UNHCR intensifika l-livell tal-assistenza tiegħu għax-xitwa billi nieda pjan tax-xitwa ta' USD 206 miljun biex jgħin lil miljuni ta' nies vulnerabbli fir-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru, ħafna rifuġjati huma mġiegħla jgħixu f'bini mhux lest u f'xelters inadegwati li jesponuhom għal temperaturi taħt iz-zero, ħafna borra u riħ qawwi; billi madwar 740 000 Iraqi spustat internament qed jistkennu f'akkomodazzjoni inadegwata, u l-UNHRC qed jieħu provvedimenti biex jagħti lil 600 000 mill-persuni spostati għajnuna għax-xitwa fl-Iraq;

M.    billi l-UNICEF qiegħed iforni assistenza għax-xitwa fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija lil 916 000 mill-1,3 miljun tifel u tifla kkonċernati; billi l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) f'Jannar 2015 nedew kampanja ta' għoti ta' assistenza fi flus għax-xitwa bil-għan li jagħtu JOD 14 lill-41 000 tifel u tifla rifuġjati vulnerabbli tal-kampijiet ta' Za'atari u Azraq biex ikunu jistgħu jixtru ħwejjeġ tax-xitwa;

N.     billi r-rapport tal-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tan-NU ppubblikat fl-4 ta' Frar 2015 jafferma li t-tfal qegħdin jintużaw bħala tarki umani u attentaturi suwiċidi u sottoposti għal tortura u mibjugħa bħala skjavi; billi ġew ukoll irrapportati bosta każijiet ta' eżekuzzjoni tal-massa ta' subien, dekapitazzjonijiet, kruċifissjonijiet u difniet ta' persuni ħajjin;

O.     billi meta t-temperaturi jitilgħu, jogħla r-riskju ta' epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji terribbli u aċċess limitat għal ilma tax-xorb sikur, partikolarment f'insedjamenti komuni u informali;

P.     billi fl-1 ta' Diċembru 2014 id-WFP kien imġiegħel jissospendi skema ta' għajnuna alimentari ta' importanza kruċjali għal aktar minn 1,7 miljun rifuġjat Sirjan kaġun ta' kriżi internazzjonali tal-finanzjamenti; billi d-WFP ġabar USD 88 miljun wara appell ta' urġenza u seta' jagħti assistenza alimentari lir-rifuġjati tal-Libanu, tal-Ġordan, tal-Eġittu u tat-Turkija; billi d-WFP jistima li 2,8 miljun ruħ fl-Iraq attwalment jeħtieġu assistenza alimentari; billi d-WFP waħdu kellu bżonn urġenti ta' USD 214,5 miljun għall-operazzjonijiet tiegħu fis-Sirja u fir-reġjun, li minnhom USD 112,6 miljun kienu meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta' assistenza alimentari għall-erba' xhur li jmiss;

Q.     billi, skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), il-produzzjoni ta' qamħ fit-territorju taħt il-kontroll tal-IS niżlet notevolment bħala konsegwenza tal-kunflitt, tal-ftit xita u tal-iskarsezzi ta' fjuwil;

R.     billi l-partijiet fil-kunflitt strumentalizzaw it-tbatija umanitarja bħala arma tal-gwerra u serqu prodotti li ġejjin mill-għajnuna u bigħuhom illegalment, u b'hekk kisru l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

S.     billi f'Novembru 2014 l-organizzazzjoni Human Rights Watch stimat li, mill-attakki tal-bidu ta' Awwissu 2014 'l hawn, aktar minn 3 133 Jażida, fosthom tfal, ġew issekwestrati u/jew maqtula mill-IS; billi aktar minn 50 000 Jażida ġew spustati u 300 minn dawk misruqa, il-biċċa l-kbira nisa u tfal, irnexxielhom jaħarbu l-jasar tal-IS; billi n-nisa Jażidi huma vittmi ta' vjolenza sesswali sistematika u tjassir; billi skont rapporti reċenti, in-nisa kkommettew suwiċidju wara li ġew stuprati jew mġiegħla jiżżewġu militanti tal-IS; billi l-irġiel ukoll kkommettew suwiċidju wara li kienu mġiegħla jaraw lil marthom u lil binthom jiġu stuprati;

T.     billi mhijiex disponibbli l-għajnuna psikoloġika tant meħtieġa għall-vittmi tal-kunflitt, fosthom il-vittmi ta' stupri;

U.     billi huwa ċar li s-servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva integrata / vjolenza sesswali u tal-ġeneru huma neqsin;

V.     billi l-biċċa l-kbira tat-tfal rifuġjati u spustati ma għandhiex aċċess għall-edukazzjoni;

W.    billi, skont il-Kummissjoni, madwar 276 000 rifuġjat ippruvaw jidħlu fl-UE illegalment, il-maġġoranza tagħhom qasmet il-Mediterran fi vjaġġi perikolużi; billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kważi 2 % tar-rifuġjati għerqu matul il-vjaġġ; billi l-organizzazzjonijiet kriminali qegħdin iġorru r-rifuġjati fuq "dgħajjes fantażma" li jbaħħru sparati bla kontroll lejn l-UE bil-pilota awtomatiku;

X.     billi fid-9 ta' Diċembru 2014 f'Ġinevra saret Konferenza dwar ir-Risistemazzjoni li matulha l-gvernijiet intrabtu li jieħdu 100 000 rifuġjat Sirjan; billi skont il-UNHCR il-kontributi għadhom mhumiex se jkunu suffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni fir-reġjun;

Y.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 3,3 biljun għall-assistenza għas-sokkors u l-irkupru favur is-Sirjani f'pajjiżhom u favur ir-rifuġjati u l-pajjiżi ospitanti; billi fl-2014 biss, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu t-tieni l-akbar donatur umanitarju lill-Iraq, b'għotja ta' EUR 163 miljun; billi l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili kien attivat fuq talba tal-Gvern tal-Iraq;

Z.     billi l-UE nefqet aktar minn dak li pprevediet biex taffronta l-esiġenzi umanitarji, u billi l-fondi mwiegħda minn bosta pajjiżi mhux tal-UE mhux dejjem ġew trasferiti fir-realtà;

AA.  billi, minkejja d-diversi appelli, il-komunità internazzjonali mhijiex qed jirnexxilha tissodisfa l-esiġenzi tas-Sirjani u tal-Iraqin u tal-pajjiżi li jagħtu kenn lir-rifuġjati; billi skont Kyung-wha Kang, Assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-operazzjonijiet tan-NU qegħdin ibatu minn nuqqas ta' finanzjamenti, inkwantu waslu biss 39 % taż-USD 2,3 biljun meħtieġa; billi l-UNHCR iddikjara li għadu diffiċli ferm li wieħed jopera fiż-żoni biex liċ-ċivili u lir-rifuġjati tingħatalhom l-għajnuna li għandhom bżonn;

 

AB.  billi l-aċċess għal, u l-għoti ta' għajnuna ta' emerġenza lil dawk li għadhom fiż-żoni tal-kunflitt u f'riskju f'bosta partijiet tal-Iraq għadhom jirrappreżentaw prijorità kruċjali;

AC.  billi l-komunità internazzjonali għandha tagħti risposta propozjonata għall-isforzi militari, bl-iskop li ttaffi t-tbatija taċ-ċivili maqbudin fil-kunflitt;

AD.  billi jinħtieġ impenn mal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt bil-għan li jiġi aġevolat l-aċċess umanitarju bla restrizzjonijiet u bbażat fuq prinċipji għaż-żoni milquta kollha u għall-persuni spostati internament, għar-rifuġjati u għall-komunitajiet milquta mill-kunflitt kollha f'żoni b'aċċess diffiċli;

AE.   billi l-aġenziji tan-NU li joperaw il-programmi umanitarji għandhom jiggarantixxu risposta aktar integrata u aktar effiċjenti mil-lat tal-kostijiet għall-esiġenzi tal-popolazzjonijiet kollha kkonċernati;

AF.   billi l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ser ikunu meħtieġa bħala element ta' miżuri ta' wara l-kunflitt u bħala pass lejn il-bini ta' governanza inklużiva, rappreżentattiva u demokratika;

1.      Jikkundanna bis-saħħa l-ksur tal-waħx, sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kommessi mir-reġim ta' Assad u mit-terroristi tal-IS fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-qtil ta' ostaġġi, kull forma ta' vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-appartenenza reliġjuża jew etnika, u l-vjolenza kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; jiddeplora t-twaqqif tal-hekk imsejħa "qrati tax-Sharia" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tal-IS; itenni l-kundanna assoluta tiegħu tat-tortura; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-vittmi tal-atroċitajiet kommessi mill-IS u jappella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha; jikkundanna bis-saħħa l-abbużi kommessi mill-IS fuq it-tfal;

2.      Jisħaq fuq il-fatt li l-gwerra li għaddejja bħalissa fis-Sirja u t-theddida reċenti maħluqa mill-IS jikkostitwixxu periklu gravi għall-persuni fl-Iraq u fis-Sirja, u għal-Lvant Nofsani kollu kemm hu; jistieden lill-UE tippreżenta strateġija reġjonali komprensiva biex tirbaħ lill-IS u tikkontribwixxi fl-isforzi komuni intiżi li jtaffu l-kriżi umanitarja u jtemmu l-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq; ifakkar li tinħtieġ risposta koeża bil-għan li tikkoordina l-aspetti kollha tal-intervent u tappoġġa lill-pajjiżi ospitanti, fosthom b'assistenza militari, umanitarja, ta' żvilupp u makroekonomika;

3.      Isostni l-kampanja globali kontra l-IS, u jilqa' pożittivament l-impenn tas-sħab fil-koalizzjoni biex jikkollaboraw fl-ambitu ta' strateġija komuni, multidimensjonali, fit-tul biex tegħleb lill-IS; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza biex tippermetti lill-pajjiżi tar-reġjun jikkumbattu l-estremiżmu vjolenti, flimkiem mal-istrumenti biex jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu, għandha tkun parti minn din l-istrateġija;

4.      Iqis is-sitwazzjoni umanitarja tar-rifuġjati allarmanti u jistieden lill-komunità internazzjonali tagħti risposta umanitarja immedjata, ċara u effikaċi lill-kriżi u tirrikonoxxi ż-żieda qawwija fil-bżonnijiet umanitarji u d-diffikultà dejjem akbar tal-komunità internazzjonali biex tagħti fondi għall-għajnuna;

5.      Jenfasizza l-interkonnessjoni bejn il-kunflitt u t-tbatija umanitarja u r-radikalizzazzjoni;

6.      Jisħaq fuq iċ-ċentralità tal-protezzjoni taċ-ċivili fi ħdan strateġija reġjonali komprensiva, u l-bżonn li jinżammu separati l-isforzi umanitarji u dawk militari/antiterroriżmu;

7.      Jistieden lill-komunità internazzjonali tirdoppja l-isforzi tagħha fir-rigward tal-assistenza umanitarja; jitlob lill-UE tikkunsidra li tibda tlaqqa' konferenza tad-donaturi u teżerċita pressjoni fuq id-donaturi kollha bil-għan li żżomm wegħdietha u tirrispetta l-impenji tagħha malajr; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji li ħadu l-Istati Membri tal-UE, bħala l-akbar donatur ta' għajnuna finanzjarja u wegħdiet għall-futur; jitlob żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-UE lill-programmi umanitarji tan-NU u jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

8.      Jenfasizza, fid-dawl tal-kobor mingħajr preċedent tal-kriżi, li t-taffija tat-tbatija ta' miljuni ta' Sirjani u Iraqin li għandhom bżonn kenn, ikel u mediċini għandha tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

9.      Jikkundanna t-tfixkil kostanti tat-tentattivi biex titqassam l-għajnuna umanitarja u jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw id-drittijiet universali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u partikolarment lill-IS u lir-reġim ta' Assad jaġevolaw il-forniment tal-għajnuna u tal-assistenza umanitarja permezz tal-kanali kollha, anki min-naħa għall-oħra tal-fruntieri u tal-linji tal-kunflitt, u jiggarantixxu l-inkolumità tal-istrutturi ċivili u s-sikurezza tal-persunal mediku kollu u tal-operaturi umanitarji kollha, konformement mad-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunflitt tas-Sigurtà tan-NU dwar din it-tema;

10.    Huwa konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarji immedjati jeħtieġu jkunu parti integrali tal-istrateġiji fit-tul intiżi li jtemmu l-kunflitt u jsostnu d-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien tal-persuni rimpatrijati, tal-persuni spustati internament u tar-rifuġjati, fosthom in-nisa, bil-għan li jkunu żgurati tmexxija u parteċipazzjoni msaħħa, ħalli jingħataw is-setgħa li jagħżlu soluzzjonijiet dejjiema li jaqdu l-esiġenzi tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa u tfal li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

11.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jadottaw minnufih azzjonijiet speċifiċi biex jaffrontaw is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Iraq u fis-Sirja u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ furzat tal-bniet; jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żieda ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, li qegħdin jintbagħtu l-ħabs, jiġu stuprati, jiġu abbużati sesswalment u jinbiegħu mill-membri tal-IS;

12.    Jappella għall-ħolqien ta' linja baġitarja u programmi biex jiġu affrontati b'mod komprensiv l-esiġenzi mediċi/psikoloġiċi u soċjali tas-superstiti tal-vjolenza sesswali u sessista fil-kunflitt li għaddej;

13.    Iħeġġeġ attenzjoni mġedda fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, imfassla fuq il-bżonnijiet speċifiċi ġġenerati mill-kunflitt li għaddej;

14.    Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li joperaw fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-aġenziji tan-NU, iżidu l-forniment ta' servizzi mediċi u tal-konsulenza, inkluża l-kura u l-appoġġ psikoloġiċi, għall-persuni spustati li ħarbu mill-avvanzi tal-IS, b'attenzjoni partikolari tingħata lill-esiġenzi tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, jiġifieri s-superstiti tal-vjolenza sesswali u t-tfal;

15.    Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jottemperaw għall-obbligi internazzjonali tagħhom biex jaċċettaw u jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-asil minn numru dejjem ikbar ta' rifuġjati Sirjani li qegħdin jirriskjaw ħajjithom biex jilħqu l-Ewropa; jistieden lill-UE tipprevjeni l-vjaġġi fatali fil-Mediterran, partikolarment billi timmira lill-kuntrabandisti u lit-traffikanti tal-bnedmin; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kontroll tal-fruntieri esterni tagħha;

16.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-instabilità fis-Sirja, ikkawżata primarjament mill-gwerra brutali tar-reġim ta' Assad kontra niesu stess, ħalliet lill-IS jiffjorixxi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-involviment dejjem akbar tal-gruppi Iżlamisti estremisti u tal-ġellieda barranin fil-kunflitt fis-Sirja, iż-żieda fil-vjolenza fil-pajjiż u l-frammentazzjoni kontinwa u l-firdiet interni fi ħdan l-oppożizzjoni moderata; jafferma li soluzzjoni dejjiema teħtieġ, b'urġenza, tranżizzjoni politika permezz ta' proċess politiku inklużiv u mmexxi mis-Sirjani bl-approvazzjoni tal-komunità internazzjonali; jistieden lill-UE tieħu l-inizjattiva għal sforzi diplomatiċi għal dan il-għan;

17.   Jistieden lill-mexxejja Iraqin il-ġodda jsarrfu f'realtà l-impenn tagħhom għal gvern inklużiv – gvern li jirrappreżenta l-interessi leġittimi u jvinċi l-esiġenzi umanitarji traġiċi tal-Iraqin kollha;

18.    Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li kkommettew l-IS u l-gruppi terroristiċi assoċjati, u biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata reponsabbiltà sħiħa;

19.    Jappella għat-twaqqif ta' mekkaniżmi biex jiġu dokumentati x-xhieda tal-vittmi, bil-għan li l-awturi tad-delitti jiġu proċessati quddiem qrati internazzjonali jew tribunali lokali għad-delitti tal-gwerra;

20.    Jitlob miżuri ta' responsabbiltà ndaqs għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u aċċess għas-sostenn legali lill-vittmi kollha tal-ksur onnipreżenti; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza fundamentali li tiġi garantita l-protezzjoni taċ-ċivili li jinsabu maqbuda mill-vjolenza u ma jistgħux jilħqu postijiet sikuri jew ma jistgħux jaċċedu għall-assistenza umanitarja li ssalva l-ħajja;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0023