Dokument ta' sessjoni

 

9.2.2015                                                                                                                  B8‑0139/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

( 2015/2559(RSP) )

Alyn Smith, Barbara Lochbihler, Karima Delli, Igor Šoltes

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8‑0139/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

( 2015/2559(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjoni S-22/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU, intitolat "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria", tal-14 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, António Guterres, dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani u Iraqin,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-dritt umanitarju internazzjonali, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014, u l-ewwel sessjoni plenarja sussegwenti f'livell ministerjali għall-Koalizzjoni Globali għall-Ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Levante (ISIL), li minnha jagħmlu parti 60 pajjiż, li saret fi Brussell fit-3 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar is-Sitwazzjoni tar-Rifuġjati Sirjani – Supporting Stability in the Region, li saret f'Berlin fit-28 ta' Ottubru 2014, kif ukoll il-konferenza tad-donaturi f'livell ministerjali mlaqqa' mill-UNHCR tad-9 ta' Diċembru 2014 dwar ir-risistemazzjoni u forom oħra ta' ammissjoni tar-rifuġjati Sirjani,

–          wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar dik is-sħubija[1],

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' Frar 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea, intitolata "Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Da'esh threat",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kunflitt fis-Sirja, li dieħel fil-ħames sena tiegħu, wassal għal katastrofi umanitarja bla preċedent mit-Tieni Gwerra Dinjija; billi skont ċifri tan-NU, il-kunflitt wassal għall-mewt ta' aktar minn 200 000 ruħ, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu ċivili, u għall-ispostament intern ta' aktar minn 7,6 miljun ruħ, u ħalla lil aktar minn 12,2 miljun Sirjan fi ħtieġa urġenti ta' għajnuna fis-Sirja; billi 212 000 ruħ għadhom qed jiġu assedjati – 185 000 ruħ mill-forzi tal-Gvern u 26 500 ruħ mill-forzi tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 3,5 miljun Sirjan ħarbu minn pajjiżhom – l-aktar lejn il-Libanu, it-Turkija, il-Ġordan, l-Iraq u l-Eġittu – u llum jirrappreżentaw l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja fi ħdan il-mandat tal-UNHCR;

B.     billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq qed tkompli sejra għall-agħar u l-ħtiġijiet qed jiżdiedu; billi aktar minn 5,2 miljun ruħ jeħtieġu għajnuna umanitarja urġenti u aktar minn 2,1 miljun Iraqi huma spostati internament; billi hemm 3,6 miljun ruħ li qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-IS, li 2,2 miljun minnhom huma fi ħtieġa urġenti ta' għajnuna, u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli; billi aktar minn 500 000 Iraqi ħarbu mil-Lvant tal-Iraq mis-sajf tal-2014; billi l-Iraq qed jospita wkoll aktar minn 233 000 rifuġjat Sirjan;

C.     billi l-IS wettaq firxa wiesgħa ta' abbużi, ksur u delitti kontra l-popolazzjonijiet fit-Tramuntana tal-Iraq u fis-Sirja; billi dawn l-atti gravi jinkludu eżekuzzjonijiet tal-massa u tindif etniku, li jikkostitwixxu atti ta' ġenoċidju kontra gruppi reliġjużi speċifiċi u b'mod partikolari x-Xiiti, konverżjonijiet furzati, spostamenti sfurzati, tħaġġir u amputazzjonijiet, għajbien furzat u tortura; billi l-IS attakka b'mod partikolari lill-minoranzi etniċi u reliġjużi bħall-komunitajiet Xiiti, Jażidi, Insara, Xabaki, Kaka'e u Sabej; billi n-NU rrapportat ukoll vjolenza sesswali sistematika u tjassir tan-nisa u t-tfal, reklutaġġ tat-tfal għal attakki suwiċidi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura;

 

D.     billi delitti tal-gwerra u ksur ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet l-oħra fil-kunflitt, b'mod partikolari r-reġim ta' Assad, għadhom qed jiġu rrapportati kuljum fuq skala enormi;

E.     billi l-kunflitt fl-Iraq, fl-2014 biss, wassal biex mietu mill-anqas 12 000 ruħ u biex indarbu 22 000 ruħ; billi l-kunflitt fis-Sirja wassal għall-mewt ta' aktar minn 200 000 ruħ mill-2011;

F.     billi l-attakk tal-Gvern Iraqi fuq dimostrazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom paċifiċi fil-provinċja tal-Punent ta' Anbar, bħall-qtil ta' 90 dimostrant f'April 2013 f'Hawija u ta' 17-il dimostrant f'Diċembru 2013 f'Ramadi, għen il-ħolqien ta' rewwixta kontrih; billi milizji Xiiti appoġġati mill-Gvern Iraqi mexxew il-forzi tas-sigurtà fil-ġlieda kontra l-IS u, fir-rwol imsaħħaħ tagħhom, wettqu sekwestri ta' persuni, eżekuzzjonijiet sommarji, tortura u spostamenti tal-massa ta' eluf ta' familji b'impunità; billi l-Gvern ma żamm lil ħadd responsabbli għall-abbużi minn dawn il-milizji jew mill-forzi tiegħu stess;

G.     billi l-pożizzjonijiet militari fil-post fis-Sirja u fl-Iraq ma nbidlux b'mod drammatiku mill-bidu tal-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni internazzjonali mmexxijja mill-Istati Uniti kontra l-IS f'Awwissu 2014; billi l-IS għadu qed jikkontrolla riżorsi naturali u territorju f'partijiet kbar tal-Iraq u s-Sirja; billi l-IS tilef il-kontroll fil-belt ta' Kobane/Ein el Arab, f'partijiet ta' Mosul u f'għadd ta' bliet fil-provinċja ta' Al Anbar;

H.     billi r-reġim Sirjan għadu mhuwiex qed jattakka pożizzjonijiet strateġiċi tal-IS;

I.      billi l-isforzi mwettqa bil-medjazzjoni tan-NU, immexxijja mill-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, biex tiġi negozjata soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan s'issa ma rnexxilhomx jagħmlu progress tanġibbli;

J.      billi l-UNHCR iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-rifuġjati qed jiġu mġiegħla jġarrbu kundizzjonijiet ta' għajxien drammatikament inadegwati, b'konsegwenzi fit-tul għall-edukazzoni ta' żewġ miljun tifel u tifla rifuġjati; billi, skont in-NU, tlieta minn kull erba' Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija ta' aktar minn 50 %; billi żewġ terzi tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 55 % tar-rifuġjati fil-Libanu jgħixu f'xelters inadegwanti; billi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra r-rifuġjati żdiedu fil-pajjiżi ospitanti;

K.     billi l-UNHCR appella lill-istati biex, sal-2016, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-anqas 130 000 post għar-risistemazzjoni tar-rifuġjati Sirjani; billi l-Istati Membri tal-UE wiegħdu madwar 36 000 post;

L.     billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati wissa li l-pajjiżi li qed jospitaw ir-rifuġjati Sirjani, partikolarment il-Libanu u l-Ġordan, "raw żieda drammatika fil-popolazzjoni, li ħasdet l-infrastruttura, l-iskejjel u l-isptarijiet nazzjonali; ġebbdet sal-limiti l-provvisti tal-ilma u l-enerġija; kellha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi u ħolqot tbatija ekonomika għal ħafna fost il-popolazzjoni ospitanti";

M.    billi l-ħtiġijiet umanitarji qed jiżdiedu b'mod esponenzjali, iżda minkejja dan l-aġenziji tal-UE u organizzazzjonijiet umanitarji oħra qed iħabbtu wiċċhom ma' skarsezzi kroniċi ta' fondi essenzjali; billi l-appell tal-UNHCR għal rispons reġjonali għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati huwa ffinanzjat biss fil-livell ta' 51 % minn Jannar 2015, u għalhekk il-fondi li jonqos jammontaw għal USD 1,8 biljun; billi l-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU kien sfurzat jissospendi temporanjament għajnuna għall-ikel essenjali lil 1,7 miljun rifuġjat Sirjan f'Diċembru 2014 minħabba nuqqas ta' fondi;

N.     billi mill-bidu tal-kunflitt l-UE mobilizzat aktar minn EUR 3,1 biljun għal għajnuna ta' sokkors u rkupru lis-Sirjani f'pajjiżhom u lir-rifuġjati fil-pajjiżi ospitanti; billi l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat ukoll biex jiffaċilita d-distribuzzjoni rapida ta' għajnuna u kompetenzi lir-reġjun;

O.     billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, iddikjara, fid-29 ta' Jannar 2015, li żewġ pajjiżi biss fl-Ewropa – l-Isvezja u l-Ġermanja – sal-lum irrispondew fil-livell li kien meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-poplu Sirjan; billi s-Sur Guterres talab lill-UE tikkunsidra li timponi sistema ta' kwoti sabiex tiżgura ġestjoni iktar ekwa tal-persuni li jfittxu l-ażil;

P.     billi l-UNHCR saħħaħ l-għajnuna tiegħu għax-xitwa, bit-tnedija ta' programm għax-xitwa b'valur ta' USD 206 miljun biex jgħin lil miljuni ta' persuni vulnerabbli fir-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru, ħafna rifuġjati huma mġiegħla jgħixu f'bini mhux lest u f'xelters inadegwati li jesponuhom għal temperaturi taħt iz-zero, ħafna borra u riħ qawwi; billi madwar 740 000 Iraqi spostat internament qed jistkennu f'akkomodazzjoni inadegwata u l-UNHRC qed jipprova jipprovdi għajnuna għax-xitwa lil 600 000 mill-persuni spostati fl-Iraq;

Q.     billi t-tfal jirrappreżentaw 52 % tal-popolazzjoni ta' rifuġjati fir-reġjun, jiġifieri kważi 2 miljun tifel u tifla; billi l-UNICEF qed jagħti għajnuna għax-xitwa fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija lil 916 000 mit-total ta' 1,3 miljun tifel u tifla kkonċernati; billi l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel nedew kampanja ta' għajnuna fi flus għax-xitwa f'Jannar 2015; billi skont Kyung-wha Kang, Assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-operazzjonijiet tan-NU qegħdin ibatu minn nuqqas ta' finanzjament, inkwantu waslu biss 39 % taż-USD 2,3 biljun meħtieġa; billi l-UNHCR iddikjara li għadu diffiċli ferm li wieħed jopera fl-inħawi biex liċ-ċivili u lir-rifuġjati tingħatalhom l-għajnuna li għandhom bżonn;

1.      Jesprimi preokkupazzjoni kbira ferm dwar it-traġedja umanitarja, li għadha qed tiżviluppa fl-Iraq u fis-Sirja f'livell bla preċedent fl-istorja reċenti;

2.      Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-abbużi kontinwi u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur ieħor imwettaq minn atturi statali u mhux statali fiż-żewġ pajjiżi;

3.      Jirrikonoxxi li l-vjolenza tal-IS hija waħda fost bosta fatturi li qed jikkontribwixxu għall-kriżi umanitarja fis-Sirja, fl-Iraq u fir-reġjun usa'; jistieden, f'dak ir-rigward, lill-komunità internazzjonali tappoġġa proċess politiku biex tittaffa t-tbatija ta' miljuni ta' persuni minn kull grupp reliġjuż u etniku;

4.      Jenfasizza li, minkejja t-theddida mill-gruppi armati u estremisti fuq in-naħat kollha, ir-rispons tal-UE għall-ħtiġijiet umanitarji fis-Sirja u fl-Iraq għandu jibqa' jkun ibbażat fuq prinċipji sodi u bi qbil mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja u d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-UE biex, fir-rispons tagħha, l-għajnuna ta' emerġenza ma tkunx subordinata għal aġenda politika msejsa fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

5.      Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali, jiżguraw li ċ-ċivili jiġu protetti, ikollhom aċċess bla xkiel għal faċilitajiet mediċi u għajnuna umanitarja, u jkunu jistgħu jitilqu miż-żoni milquta mill-vjolenza b'mod sikur u dinjituż;

6.      Għadu preokkupat ferm minħabba t-theddida tal-IS għall-popolazzjonijiet tal-Iraq u s-Sirja u lil hinn minnhom; jiddenunzja l-ideoloġija estremista u l-atroċitajiet imwettqa mill-IS f'żoni fil-kontroll tiegħu, inklużi l-eżekuzzjonijiet sommarji, il-vjolenza atroċi kontra minoranzi reliġjużi u etniċi, it-tjassir brutali tan-nisa u l-bniet u l-qtil tal-ostaġġi;

7.      Jenfasizza li l-emerġenza tal-IS bħala attur reġjonali ewlieni u bħala l-punt fokali ewlieni tal-attenzjoni internazzjonali mis-sajf tal-2014 m'għandhiex toskura r-responsabbiltà essenzjali u kontinwa ta' atturi oħra fil-katastrofi umanitarja attwali inkluż, l-ewwel u qabel kollox, ir-reġim ta' Assad, iżda anke l-Gvern Iraqi preċedenti, kif ukoll ir-responsabbiltà ta' milizji lokali u partijiet oħra li qed jiġġieldu;

8.      Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod sever, tad-delitti mwettqa mill-Gvern Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu; jikkundanna l-użu min-naħa tas-Sirja ta' armi kimiċi, partikolarment il-gass tal-kloru, kontra ċivili u gruppi tal-oppożizzjoni, fosthom f'April 2014 bi ksur tal-impenji internazzjonali preċedenti tagħha;

9.      Jistieden lill-Gvern Sirjan iwaqqaf minnufih l-użu ta' armi inċendjarji fis-Sirja kollha; jistieden lill-Istati firmatarji, inklużi r-Russja u ċ-Ċina, jistiednu lis-Sirja tirrispetta l-protokoll internazzjonali dwar il-projbizzjoni tal-armi inċendjarji;

10.    Jikkundanna l-użu estensiv mill-Gvern tas-Sirja tal-munizzjonijiet dispersivi fuq il-popolazzjoni tiegħu, bi ksur tar-riżoluzzjoni 68/182 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Diċembru 2013, li kienet appoġġata minn 140 Stat;

11.    Jikkundanna t-tfigħ persistenti mis-Sirja ta' numri kbar ta' bombi 'barrel' esplożivi ferm u mhux iggwidati fuq iċ-ċivili, bi sfida għar-riżoluzzjoni 2139 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) tat-22 ta' Frar 2013, bħall-attakki mill-ajru tal-Gvern Sirjan fuq Aleppo li qatlu tal-anqas 3 557 ċivili fl-2014 biss;

12.    Jikkundanna l-istrateġija ta' assedju tas-Sirja biex effettivament tħalli bil-ġuħ lill-popolazzjoni ċivili tagħha u ġġegħilha tissottometti ruħha sabiex terġa' tieħu kontroll tat-territorju, b'mod partikolari f'Homs, fil-kamp ta' Yarmouk fin-Nofsinhar ta' Damasku, f'Daraya, fil-Lvant ta' Ghouta u f'Moadameiya, strateġija li taffettwa lil 200 000 ċivili u li tikser ir-riżoluzzjoni 2139 (2013) tal-KSNU li titlob li l-partijiet kollha "jwaqqfu minnufih l-assedji fuq iż-żoni popolati";

13.    Jistieden lil IS, Jabhat al-Nusra, il-Gvern Iraqi, l-awtoritajiet Kurdi fis-Sirja u l-Gvern Sirjan biex jeħilsu lid-detenuti kollha f'detenzjoni arbitrarja; jistieden lill-Gvern Sirjan jeħles lil aktar minn 85 000 detenut li attwalment qed iżomm sa mill-bidu tar-rivoluzzjoni Sirjana tal-2011 f'kundizzjonijiet li jikkostitwixxu għajbien furzat;

14.    Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet u t-tortura mill-IS u daqstant ieħor jikkundanna l-qtil ta' diversi eluf ta' detenuti f'kustodja fl-2014 fl-isptarijiet militari tas-Sirja, kif evidenzjat mid-diżerturi militari Sirjani u l-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem;

15.    Jikkundanna l-użu tas-suldati tfal mill-IS kif ukoll mill-YPG, il-pulizija Kurda u l-forzi militari fis-Sirja, u mill-partijiet l-oħra kollha inkluż il-Gvern Sirjan;

16.    Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma minn ta' quddiem fir-rispons umanitarju internazzjonali; madankollu, għadu allarmat li l-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjonijiet għadhom qed jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla mir-rispons internazzjonali; jistieden lill-komunità internazzjonali tkompli żżid l-isforzi umanitarji tagħha, partikolarment fil-kuntest ta' xitwa qalila; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jwettqu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu l-għajnuna malajr; jappella għal żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-UE lill-programmi umanitarji tan-NU u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

17.    Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-UE "Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Da'esh threat", b'mod partikolari l-pakkett tagħha ta' EUR 1 biljun bħala "għajnuna biex jerġa' jkun hemm il-paċi u s-sigurtà li tkissru mit-terroriżmu u l-vjolenza għal wisq żmien", skont il-VP/RGħ; jissottolinja l-fatt li l-kunflitti fir-reġjun m'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu, iżda pjuttost bħala l-ġlieda għall-aspirazzjonijiet leġittimi tal-popli tar-reġjun, espressi fl-2011 bħala "ħobż, libertà, ġustizzja soċjali u dinjità tal-bniedem";

18.    Jappoġġa l-enfasi tal-UE fuq l-edukazzjoni u l-formazzjoni fl-istrateġija l-ġdida tagħha; jesprimi l-preokkupazzjoni li din qed titqies primarjament bħal miżura kontra t-terroriżmu, mentri l-edukazzjoni hija dritt u għodda importanti għall-protezzjoni tat-tfal, kemm bniet kif ukoll subien;

19.    Jitlob kjarifika dwar il-pjanijiet tal-UE għal kooperazzjoni msaħħa kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi fir-reġjun, kif propost fl-istrateġija reġjonali l-ġdida tagħha għas-Sirja u l-Iraq, u dwar id-definizzjoni u l-implikazzjonijiet tal-falliment tal-kapaċità tal-'pajjiżi sħab' li jissodisfaw il-parametri ta' riferiment dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili u politiċi;

20.    Jappoġġa l-isforzi tal-VP/RGħ li ssaħħaħ il-koordinament tal-għajnuna mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri; jitlob li jiġi rinforzat l-uffiċċju tal-UE f'Gaziantep, fit-Turkija, u li jinfetaħ uffiċċju tal-UE f'Erbil, fit-Tramuntana tal-Iraq, sabiex jittejbu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fil-post, inklużi koordinament aħjar tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp u l-appoġġ lil organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, partikolarment l-organizzazzjonijiet indipendenti tal-media;

21.    Jistieden lill-Istati Membri jilqgħu l-appell tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati għal impenn ferm iktar qawwi favur il-kondiviżjoni tal-piżijiet, biex ir-rifuġjati Sirjani jkunu jistgħu jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat dirett permezz ta' risistemazzjoni, skemi ta' ammissjoni umanitarja, riunifikazzjoni simplifikata tal-familji jew regolamenti aktar flessibbli dwar il-viżi; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil mill-għadd jiżdied ta' rifuġjati Sirjani li qed jaħarbu miż-żoni ta' kunflitt; jissottolinja l-ħtieġa partikolari li jiġu indirizzati dawk li qed jaffaċċjaw vulnerabbiltajiet speċifiċi, bħal ħtiġijiet mediċi serji, sesswalità, ġeneru u diżabilità; jitlob lill-UE tindirizza l-kwistjoni traġika tal-vjaġġi fatali fil-Mediterran; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tal-anqas 5 % tar-rifuġjati mis-Sirja jkollhom aċċess għal protezzjoni barra r-reġjun fl-2015, u li r-rifuġjati l-aktar vulnerabbli jingħataw prijorità u jiġu garantiti d-drittijiet sħaħ tagħhom, bi qbil mal-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati tal-1951;

22.    Jikkundanna l-ksur sistematiku mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra fir-rigward tar-rifuġjati Sirjani, b'mod partikolari permezz ta' pushbacks, li xi drabi jsiru b'mod vjolenti, ta' Sirjani li jfittxu l-ażil, fil-fruntieri fuq l-art u l-baħar mill-Bulgarija, Spanja, il-Greċja u Ċipru, mingħajr ma jħalluhom iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil;

23.    Jistieden lill-Gvern tal-Ġordan iwaqqaf id-deportazzjonijiet furzati u ma jibqax iċaħħad lir-rifuġjati Palestinjani li jkunu ġejjin mis-Sirja milli jidħlu fil-pajjiż;

24.    Jiddeplora l-fatt li l-erba' pajjiżi ġirien tas-Sirja kollha ċaħħdu lis-Sirjani minn status ġuridiku sikur;

25.    Jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja fis-Sirja u jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-forniment ta' għajnuna u assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, fosthom bejn il-fruntieri u l-linji ta' kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u l-ħaddiema umanitarji kollha bi qbil mad-diversi riżoluzzjonijiet tal-KSNU;

26.    Jiddeplora n-nonkonformità kontinwa tal-Gvern Sirjan mar-riżoluzzjoni tal-KSNU tat-2 ta' Frar 2014 li titlob aċċess umanitarju sikur u bla xkiel bejn il-fruntieri u l-linji ta' kunflitt tas-Sirja; jiddispjaċih ferm li r-riżoluzzjoni tal-KSNU tal-14 ta' Lulju 2014, li tawtorizza lill-aġenziji tan-NU u lis-sħab eżekuttivi biex jipprovdu l-għajnuna fil-fruntiera tas-Sirja mingħajr permess tal-gvern, għadha qed tinkiser mill-Gvern Sirjan;

27.    Huwa konvint li l-għajnuna u l-protezzjoni umanitarji immedjati jridu jiġu kkomplementati bi strateġiji fit-tul b'appoġġ għad-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien tal-persuni rimpatrijati u tal-persuni spostati internament, bl-għan li jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu soluzzjonijiet durabbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

28.    Jissottolinja l-ħtieġa li l-għoti ta' għajnuna jingħata prijorità u jitwessa', biex jinkludi s-servizzi mediċi speċjalizzati u l-appoġġ psikoloġiku lin-nisa u l-bniet;

29.    Jesprimi preokkupazzjoni partikolari rigward id-destin tal-kamp ta' Yarmouk tar-rifuġjati Palestinjani assedjat u mingħajr ikel fin-Nofsinhar ta' Damasku, fis-Sirja, fejn aktar minn 18 000 rifuġjat Palestinjan ġew imċaħħda minn aċċess umanitarju għall-biċċa l-kbira tal-perjodu mill-2012, u ilhom assedjati mill-milizji kkontrollati mill-Gvern Sirjan;

30.    Itenni l-kundanna tiegħu tal-vjolenza u l-qtil kontra persuni LGBT fir-reġjun, li kienu qed jitwettqu b'impunità sħiħa; jirrimarka li l-persuni LGBT fir-reġjun qegħdin f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, minħabba l-appoġġ limitat mill-familja u mill-komunità u l-protezzjoni limitata mill-gvern u l-fatt li s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' rifuġjati u f'ċerti soċjetajiet ospitanti; jistieden lill-Gvern Iraqi, lid-delegazzjoni tal-UE għall-Iraq u lill-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fir-reġjun biex jipprovdu protezzjoni lill-persuni LGBT u biex iħaffu r-risistemazzjoni diretta ta' dawk l-individwi LGBT li qegħdin jaħarbu minħabba preokkupazzjonijiet dwar is-sikurezza;

31.    Għadu preokkupat rigward l-użu u l-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata mill-IS u l-gruppi assoċjati miegħu li jużaw raffineriji mobbli taż-żejt, li jippermetti lill-IS jiġġenera introjtu akbar, u jħeġġeġ lill-istati kollha josservaw ir-riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-KSNU, li jikkundannaw kwalunkwe kummerċ, dirett jew indirett, mal-IS u l-gruppi assoċjati; jitlob lill-UE tħarrax is-sanzjonijiet sabiex ma tippermettix lill-IS ibigħ iż-żejt; jitlob lill-UE timponi sanzjonijiet fuq dawk kollha (gvernijiet u kumpaniji pubbliċi jew privati) involuti fit-trasport, it-trasformazzjoni, l-irfinar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' żejt estratt f'żoni kkontrollati mill-IS, flimkien ma' kontrolli stretti fuq il-flussi finanzjarji sabiex jiġu ostakolati l-attività ekonimika u l-isfruttament tar-rifuġji fiskali min-naħa tal-IS;

32.    Jitlob li jsir kontroll aktar strett ta' tagħmir mibgħut lill-Iraq via t-Turkija li jintuża biex jinbnew raffineriji mobbli taż-żejt, u li tittejjeb il-koordinament bejn l-awtoritajiet tat-Turkija, tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u tal-Iraq biex jiġi miġġieled il-kuntrabandu taż-żejt fir-reġjun; jilqa' l-passi mħabbra f'Awwissu 2014 mill-Kuwajt biex jitwaqqaf il-finanzjament tal-IS minn individwi f'moskej u biex l-għajnuna umanitarja tgħaddi minn organizzazzjonijiet tal-karità stabbiliti; itenni t-talba tiegħu għal infurzar sħiħ tas-sanzjonijiet tal-UE fuq id-dħul miż-żejt għall-Gvern Sirjan; jilqa' l-projbizzjoni tal-UE ta' esportazzjonijiet ta' karburant lill-Forza tal-Ajru tas-Sirja minn Diċembru 2014;

33.    Jenfasizza li l-IS jirrappreżenta, l-ewwel u qabel kollox, il-konsegwenza aktar milli l-kawża tat-taqlib attwali li qed jaħkem il-Lvant Nofsani u lil hinn minnu; ifakkar li l-IS nibet minn bażi ta' snin twal ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u impunità, kapitaliżmu klijentelari, korruzzjoni mifruxa, settariżmu, emarġinazzjoni u diskriminazzjoni kontra gruppi sħaħ, b'mod partikolari s-Sunniti Għarab soċjalment żvantaġġati, kif ukoll storja twila ta' manipulazzjoni esterna u ndħil minn atturi reġjonali u tal-Punent; għalhekk, jemmen li kwalunkwe rispons effikaċi mill-komunità internazzjonali għall-atti u n-natura krudili tal-IS jirrikjedi pjan ta' azzjoni kollettiv, inklużiv u strateġiku, imfassal fid-dawl tal-legalità internazzjonali;

34.    Jenfasizza li l-istrateġija reġjonali tal-UE biex tiġġieled kontra l-IS għandha tidentifika sew, u tiffoka fuq, l-għeruq soċjoekonomiċi, kulturali u politiċi b'saħħithom tal-fenomenu tal-IS, u għandha wkoll tkun marbuta mal-promozzjoni ta' soluzzjoni politika fit-tul għall-kunflitt Sirjan, mal-appoġġ għal Iraq inklużiv, responsabbli u demokratiku, u għandha tqis l-interessi tal-popolazzjonijiet ikkonċernati kollha;

35.    Itenni t-talba tiegħu għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Sirjan permezz ta' proċess politiku inklużiv u mmexxi mis-Sirjani abbażi tal-komunikat ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012; jiddispjaċih li l-hekk imsejħa Konferenza "Ġinevra 2" ta' Jannar 2014 ma pproduċietx riżultati tanġibbli;

36.    Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja li jikseb waqfien mill-ġlied lokali, u l-implimentazzjoni ta' pawżi umanitarji mill-partijiet kollha biex tkun tista' tingħata għajnuna umanitarja;

37.    Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed responsabbiltà għad-delitti mwettqa mill-partijiet kollha matul il-kunflitt; jiddispjaċih ferm li r-Russja u ċ-Ċina użaw il-veto kontra riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li kienet tressaq is-sitwazzjoni fis-Sirja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali fit-22 ta' Mejju 2014 filwaqt li t-13-il membru l-oħra tal-KSNU appoġġaw din ir-riżoluzzjoni; itenni t-talba tiegħu biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jappoġġa l-inizjattivi kollha f'dan ir-rigward;

38.    Jemmen li s-suċċess u l-attrazzjoni tal-IS u ta' gruppi ġiħadisti oħra, anke għal diversi eluf ta' ġellieda ġiħadisti Ewropej, huma wkoll riżultat ta' politiki żbaljati mwettqa minn atturi reġjonali u tal-Punent, mill-appoġġ għal gruppi li jxerrdu interpretazzjonijiet estremisti u vjolenti tal-ideoloġija Salafista u l-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Iraq, għall-ksur gravi, mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq kontra l-Għarab Sunniti mir-reġim Sirjan li qed igawdi minn impunità de facto mill-bidu tar-rivoluzzjoni Sirjana tal-2011;

39.    Jitlob li titfassal politika Ewropea ġdida ta' rikonoxximent miftuħ tal-iżbalji tal-imgħoddi, inklużi l-programmi ta' tortura u rendizzjoni u l-kompliċità fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kuntest tal-hekk imsejħa "ġlieda kontra t-terroriżmu", u jitlob ukoll li titfassal politika attiva biex jiġu riveduti diversi forom ta' diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni Musulmana u biex tikkontrobatti l-mewġa reċenti ta' sentiment anti-Musulman fl-Ewropa;

40.    Jikkunsidra li l-instabbiltà drammatika fil-viċinat kollu tan-Nofsinhar tal-UE tirrikjedi passi politiċi bla preċedent mill-UE, u li r-reġjun Kurd u b'mod partikolari t-Tramuntana tal-Iraq jingħataw importanza partikolari bħala ankra possibbli ta' stabbiltà u tnaqqis tat-tensjoni, u li jissaħħu f'dan ir-rwol; jitlob bl-istess mod li ssir reviżjoni tal-politika dwar l-Arabja Sawdija sabiex il-gvern jitħeġġeġ jibda riformi fundamentali tad-duttrina tal-istat u tal-istituzzjonijiet tal-istat kif ukoll iwaqqaf l-appoġġ kollu lil gruppi Iżlamisti vjolenti minn individwi fl-Arabja Sawdija; jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi kollha tal-UE biex issolvi l-kunflitt nukleari li ilu għaddej mal-Iran u jemmen li l-Awtorità Palestinjana għandha tkun appoġġata f'kull sforz biex iżżid il-livell ta' rikonoxximent ta' sovranità f'livell internazzjonali;

41.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0023