Dokument ta' sessjoni

 

9.2.2015                                                                                                                  B8‑0140/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

( 2015/2559(RSP) )

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Laura Agea, Tiziana Beghin, Piernicola Pedicini, Valentinas Mazuronis

f'isem il-Grupp EFDD

 

B8‑0140/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS

( 2015/2559(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014 u tal-20 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-kummenti tat-22 ta' Diċembru 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, f'Baghdad,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-25 ta' Jannar u l-1 ta' Frar 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli dwar l-eżekuzzjoni tal-ostaġġ Haruna Yukawa u l-qtil ta' Kenji Goto fis-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2139, 2165 u 2191,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom tal-1977,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u l-protokoll addizzjonali tagħha tal-2000,

–       wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–       wara li kkunsidra n-nota informattiva tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-Sirja min-naħa tas-Sotto-Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza,

–       wara li kkunsidra r-rapporti perjodiċi kombinati, mit-tieni għar-raba', ippreżentati mill-Iraq, skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, lill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi rapport imfassal mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward il-kundizzjoni tat-tfal fl-Iraq jissottolinja bosta każijiet ta' eżekuzzjonijiet tal-massa ta' subien u jirrapporta li t-tfal ġew dekapitati, imsallba u midfuna ħajja, speċjalment, iżda mhux biss, tfal li jappartjenu għall-minoranzi;

B.     billi s-subien taħt it-18-il sena qed jintużaw dejjem aktar mill-IS bħala produtturi tal-bombi, informaturi jew tarek umani; billi, b'mod partikolari, tfal bi problemi mentali ntużaw bħala qattiela suwiċida bil-bombi; billi l-IS wettaq vjolenza sesswali sistematika, fosthom permezz ta' serq ta' persuni, skjavitù sesswali u bejgħ ta' tfal fis-suq;

C.     billi l-IS iħarreġ lil tfal ta' tmien snin jew saħansitra iżgħar biex isiru suldati tfal;

D.     billi l-vjolenza qed tkompli tikkawża spostament kontinwu f'żoni Ċentrali, tal-Punent u tat-Tramuntana tal-Iraq; billi persuni li ma jistgħux jilħqu r-reġjuni tat-Tramuntana kkontrollati mill-Kurdi, jew persuni li ma jistgħux jgħixu hemmhekk minħabba l-affollament, qed jaħarbu lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż;

E.     billi madwar 50 000 familja spostati, jew 2 500 000 ruħ, fl-inħawi tan-Nofsinhar ta' Basrah, Thi Qar, Qadissiya, Missan, Wassit, Muthanna, Najaf, Kerbala u Babel bħalissa qed jirċievu għajnuna permezz tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) tan-NU; billi, madankollu, fl-istess ħin għadu mhux ċar kemm-il ruħ mhi tirċievi xejn; billi dawk li jirċievu l-għajnuna huma għalkollox dipendenti fuqha u qed isiru vulnerabbli; billi jeżisti tħassib kbir li dan il-livell ta' għajnuna mhuwiex se jkun sostenibbli minħabba l-fatt li l-fondi se jiġu eżawriti f'Marzu 2015;

F.     billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja u l-Iraq marret għall-agħar b'mod drammatiku; billi, b'kollox, aktar minn tliet miljun Iraqi ġew spostati internament, u minnhom 2.1 miljun ġew spostati f'din l-aħħar sena biss, b'madwar 330 000 ruħ jgħixu f'xelters ta' standard baxx; billi, skont l-istimi tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU (OCHA), sa nofs l-2014 10.8 miljun Sirjani kienu milquta mill-kunflitt u kellhom bżonn għajnuna umanitarja, fosthom 7.6 miljun persuni spostati internament; billi, fl-assenza ta' sitwazzjoni politika komprensiva, fl-2015 dawn iċ-ċifri mistennija jikbru b'rata kostanti;

G.     billi 3.8 miljun ruħ ħarbu mis-Sirja u spiċċaw rifuġjati f'pajjiżi ġirien; billi l-pajjiżi l-aktar milquta huma t-Turkija, il-Ġordan, il-Libanu u l-Eġittu;

H.     billi l-Insara Iraqini, it-Turkmeni, il-Jeżidi u minoranzi oħra ħabbtu wiċċhom ma' persekuzzjoni min-naħa tal-IS mindu dan il-grupp ta bidu għal mewġa ta' tixrid ta' demm fit-Tramuntana tal-Iraq fl-2014, u madwar 800 000 membru tal-minoranzi reliġjużi tal-Iraq ġew spostati;

I.      billi, sal-lum, infetħu 25 kamp mogħnija bit-tined f'diversi nħawi tal-Iraq sabiex ilaħħqu mal-ispostamenti massivi tal-popolazzjoni; billi 11 oħra qed jinbnew;

J.      billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), in-nuqqas ta' finanzjament affettwa b'mod dirett il-kobor u t-tip ta' programmi li torganizza l-aġenzija (inklużi dawk b'rabta max-xelters) sabiex tgħin lis-superstiti tal-vjolenza u ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi mill-USD 337 miljun li rrikjediet l-aġenzija għar-rispons fl-Iraq fl-2014 wasal biss 53 %, u billi l-aġenzija rċeviet l-awtorizzazzjoni biex, b'rabta mal-finanzjament previst, tipproċedi bil-31 % biss mill-USD 556 miljun li tirrikjedi għall-2015;

K.     billi l-UNHCR stabbiliet li l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha għall-2015 huma ta' USD 362 miljun; billi kwalunkwe flejjes inqas se jolqtu firxa wiesgħa ta' attivitajiet, u fl-aħħar mill-aħħar jikkastigaw lin-nies li jinsabu fil-bżonn; billi huwa stmat li rispons ġenerali għall-poplu tas-Sirja jeħtieġ USD 2.9 biljun fl-2015;

L.     billi l-organizzazzjoniiet umanitarji qed ikomplu jagħmlu l-isforzi tagħhom biex jgħinu lin-nies li jinsabu disperatament fil-bżonn, iżda s-sitwazzjoni fil-post hi estremament diffiċli, b'tali mod li mhux sikur li wieħed jopera fil-pajjiż; billi ħafna NGOs lokali f'Raqqa waqqfu l-attivitajiet umanitarji tagħhom, waqt li wħud kellhom jagħlqu minħabba nuqqas ta' ftehim mal-gruppi armati fil-post u minħabba d-diffikultajiet ta' aċċess għaż-żoni ta' Raqqa u Deir ez-Zor li huma kkontrollati mill-Istat Iżlamiku;

M.    billi l-għadd ta' konsenji transfruntiera mwassla fis-Sirja mit-Turkija u l-Ġordan qed ikompli jiżdied, u sas-26 ta' Jannar 2015 kienu saru 56 konsenja bil-baħar taħt id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet 2165 u 1291 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

N.     billi fl-2014 diversi talbiet għal konvojs umanitarji baqgħu bla tweġiba, jew ġew miċħuda jew kienu soġġetti għal kundizzjoniiet li ma setgħux jiġu akkomodati;

O.     billi l-kunflitt u t-tkissir tas-sistema tal-kura tas-saħħa tal-istat ħallew meded ta' territorju tas-Sirja u l-Iraq li huma okkupati mill-IS vulnerabbli għat-tfaqqigħ ta' mard infettiv, u dan ikompli jżid il-pressjoni fuq il-popolazzjoni ċivili;

P.     billi fuq il-midja soċjali kienu qed jiċċirkolaw immaġnijiet li juru kaxxi ta' għajnuna tal-WFP ittimbrati b'tikketti tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja;

Q.     billi uffiċjali Kurdi li qed jiġġieldu kontra l-IS qed jitolbu appoġġ akbar għall-ġlieda tagħhom; billi l-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi, enfasizza li minkejja l-fatt li għandu bżonn l-għajnuna, l-Iraq mhux se jaċċetta truppi barranin f'artu; billi, minn Ġunju 2014 'l hawn, kważi 1 000 Kurd inqatlu fil-ġlieda kontra l-IS, waqt li 5 000 oħra ndarbu, u 38 oħra huma maħsuba li spiċċaw f'idejn l-IS bħala ostaġġi;

R.     billi l-IS jiġġenera l-finanzjament permezz tal-kuntrabandu taż-żejt, jimponi t-taxxi fuq il-popolazzjoni lokali, jisraq teżori arkeoloġiċi u jitlob riskatt għall-ostaġġi; billi l-Gvern Iraqi għadu qed iħallas salarji u pensjonijiet lil għexieren ta' eluf ta' impjegati taċ-ċivil minkejja li dawn jgħixu u jaħdmu fi bliet ikkontrollati mill-IS; billi skont ċertu stimi, l-IS ikkonfiska sa 50 % tas-salarji ta' dawn l-impjegati;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' Haruna Yukawa, Kenji Goto u Moath al-Kasasbeh min-naħa tal-IS; jesprimi tħassib kbir fir-rigward tas-sigurtà ta' oħrajn li għadhom maqbuda mill-estremisti; jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawn il-vittmi u lill-familji tal-vittmi kollha tal-kunflitt;

2.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ksur u l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw mill-atti mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu, li jikkostitwixxu reati ta' gwerra u reati kontra l-umanità; jappella lill-Gvern Iraqi jirratifika l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex jippermetti lill-QKI tipproċedi fil-konfront ta' dawk responsabbli għar-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità mwettqa mill-IS;

3.      Jikkundanna bl-akbar qawwa l-bejgħ ta' tfal Iraqini fis-suq bħala skjavi tas-sess, il-qtil ta' żgħażagħ, fosthom billi jiġu msallba jew jinħarqu ħajja, u l-użu tat-tfal bħala tarek umani jew suldati; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-atti mhumiex biss projbiti mid-dritt internazzjonali iżda huma wkoll abominabbli u ta' ġjufija kbira;

4.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqini biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex isalvaw it-tfal li jinsabu fil-ħakma tal-IS, iressqu l-awturi ta' dawn ir-reati quddiem il-ġustizzja u jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tat-tfal u l-familji tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-atti msemmija hawn fuq jikkostitwixxu reati kontra l-umanità u, bħala tali, għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; jemmen fermament li l-komunità internazzjonali, fosthom l-UE u n-NU, għandhom jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa għall-protezzjoni taż-żgħażagħ, inkluż l-iżvilupp potenzjali ta' inizjattivi konġunti mwaqqfa fil-post stess, bħall-bini ta' ċentri għall-irkupru mit-trawmi għat-tfal;

5.      Jisħaq, għal darba oħra, li l-unika soluzzjoni għall-kriżi fis-Sirja u l-Iraq hija waħda politika; jappella għall-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied umanitarju sabiex tkun tista' tingħata l-għajnuna umanitarja lill-persuni fil-bżonn; jappoġġa bis-sħiħ il-proposta tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan De Mistura, sabiex jiġi 'ffriżat' il-kunflitt f'Aleppo; jistieden lill-Gvern Sirjan u l-oppożizzjoni jaġixxu b'mod kostruttiv u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li jistgħu jemarġinaw lill-IS; jappoġġa t-taħdidiet Ġinevra II, il-pjan ta' Moska u kwalunkwe inizjattiva oħra li tista' tiffaċilita t-taħdidiet bejn is-Sirja u diversi atturi oħra;

6.      Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkunsidra l-ħolqien ta' missjoni tan-NU bil-mandat li jitħarsu l-attivitajiet umanitarji u jinħolqu żoni sikuri, inklużi kurituri umanitarji, għall-protezzjoni tal-popolazzjoni li tinsab fil-periklu minħabba l-IS, Jabhat al-Nusra, il-moviment Hamza, Ahrar al‑Sham u gruppi affiljati oħra;

7.      Jemmen li waħda mill-kawżi ewlenin tal-kriżi huma l-politiki ta' esklużjoni li ħolqu ambjent li ppermetta lil organizzazzjonijiet radikali bħall-IS jżidu fis-setgħa; jemmen li l-aqwa strateġija għall-ġlieda kontra l-IS hija li l-gvernijiet ikkonċernati jagħmlu sforz ġenwin sabiex isawru soċjetajiet pluralistiċi permezz ta' politiki ta' inklużjoni li jippermettu li jkun hemm differenzi fil-fehmiet, l-etniċitajiet u t-twemmin, u fejn kull ċittadin jiġi trattat b'mod ugwali;

8.      Ifaħħar ir-rwol tal-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan fl-ilqigħ tar-rifuġjati; jistieden lill-komunità internazzjonali biex iżżid il-livell ta' appoġġ finanzjarju dirett mogħti lill-pajjiżi ospitanti sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tar-rifuġjati li issa huma partikolarment mhedda mix-xitwa kiesħa;

9.      Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li minkejja l-isforzi kollha tal-komunità internazzjonali, il-ħtieġa għadha qed tisboq l-għoti; jenfasizza l-fatt li aktar fondi huma meħtieġa b'mod urġenti sabiex jiżdiedu l-operazzjonijiet transfruntiera mmirati lejn il-partijiet rurali ta' Dar'a, Quuneitra, Idleb u l-Aleppo tal-Lvant; ifaħħar l-impenn min-naħa tal-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna finanzjarja, iżda jemmen li quddiem sitwazzjoni bla preċedenti, jeħtieġ li jsiru sforzi ulterjuri; jitlob lill-UE tuża l-mekkaniżmi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiġġieled kontra l-kriżi; jitlob li tiġi organizzata Konferenza Internazzjonali fuq Livell Għoli ta' Impenji għas-Sirja u l-Iraq, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel donazzjonijiet ġenerużi sabiex ittaffi t-tbatija umanitarja tal-persuni milquta mill-kriżi; jemmen li n-NU għandhom jgħinu fil-koordinazzjoni tal-għajnuna finanzjarja u umanitarja li ġejjin minn għejun differenti bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tagħha;

10.    Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2149 (2014) għadha qed tiġi injorata; iħeġġeġ, għal darba oħra, lill-atturi kollha li jinsabu fil-post, jonoraw din ir-riżoluzzjoni billi jtejbu l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, jwaqqfu l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili u jtemmu l-assedji fuq żoni popolati;

11.    Jitlob lill-Gvern Sirjan ineħħi r-restrizzjonijiet amministrattivi imposti fuq l-NGOs internazzjonali; jissottolinja l-fatt li dawn l-NGOs għandhom l-esperjenza u huma mgħammra sew, u dan jagħmilhom sħab kruċjali fl-isforzi li qed isiru fis-Sirja;

12.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-infrastruttra għal servizzi essenzjali għadha qed tiġi attakkata b'mod deliberat u mingħajr distinzjoni, u għaldaqstant mhux qed ikun possibbli tingħata għajnuna fiż-żoni fil-bżonn; jappella lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt iżommu lura milli jattakkaw il-persunal mediku u l-isptarijiet li jinsabu fil-post; ifakkar li dawn l-attakki jmorru mingħajr ebda dubju kontra l-Konvenzjonijiet I u IV ta' Ġinevra;

13.    Jikkundanna t-tneħħija min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-gvern ta' oġġetti kirurġiċi, kits għall-kura tad-dijarea, kits għall-attivitajiet tal-midwives u kits għas-saħħa riproduttiva mill-konvoj mibgħut minn netwerk ta' aġenziji li kien iddestinat għal Al Wa’er, u dan bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-forzi tal-gvern u atturi oħra biex iħallu aċċess mingħajr xkiel għall-konvojs mediċi f'żoni ta' gwerra, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

14.    Jafferma mill-ġdid il-fatt li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt tas-Sirja u l-Iraq għandhom jiżguraw s-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal mibgħut min-NU u s-sħab umanitarji tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-moviment u l-aċċess liberu tagħhom;

15.    Jikkundanna l-manipulazzjoni tal-ixkejjer t'għajnuna mibgħuta mill-WFP fis-Sirja; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw il-prinċipji umanitarji u jippermettu lill-ħaddiema umanitarji jwasslu l-ikel lill-persuni l-aktar vulnerabbli; jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni dwar kif dan il-materjal spiċċa f'idejn l-IS;

16.    Jemmen bis-sħiħ li waħda mill-prijoritajiet tal-komunità internazzjonali għandha tkun dik li tiċħad lill-IS minn kwalunkwe finanzjament; jitlob lill-kumpaniji internazzjonali u l-atturi kollha li jistgħu jkunu involuti jżommu lura milli jixtru żejt ta' kuntrabandu jew milli jagħmlu kwalunkwe ħaġa li tista' tiffaċilita dan il-kuntrabandu; jemmen li għandu jingħata bidu għal investigazzjoni internazzjonali eżawrjenti, taħt l-awspiċji tan-NU, sabiex jiġu identifikati x-xerrejja ta' żejt illegali ġej minn żoni kkontrollati mill-Istat Iżlamiku u d-donaturi għanja li jagħtu sostenn lill-IS, u jemmen ukoll li għandhom jittieħdu passi sabiex jiġu imposti sanzjonijiet fuqhom;

17.    Jemmen li l-Gvern Iraqi jista' jieħu għadd ta' miżuri sabiex inaqqas il-finanzjament li jirċievi l-IS permezz tal-konfiska tas-salarji tal-impjegati taċ-ċivil, fost l-oħrajn billi jpoġġi dawn is-salarji f'kont miżmum minn terzi, li jitħallsu meta l-impjegati jaħarbu b'mod permanenti mit-territorji kkontrollati mill-Istat Iżlamiku, u jobbliga lil kull individwu biex jiġbor l-introjtu tiegħu personalment mill-Gvern Iraqi jew jipperswadi lit-tribujiet Sunniti jeżiġu li l-IS inaqqas il-kwota tiegħu;

18.    Itenni mill-ġdid il-kundanna tiegħu tal-vjolenza u l-qtil kontra persuni LGBT fir-reġjun, li qegħdin jitwettqu b'impunità sħiħa; jirrimarka li s-sitwazzjoni ta' persuni LGBT fir-reġjun hija partikolarment vulnerabbli, minħabba l-limiti ta' appoġġ mill-familja u mill-komunità u protezzjoni mill-gvern, u li s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' rifuġjati jew f'ċerti soċjetajiet ospitanti; jappella lill-Gvern Iraqi, lid-delegazzjoni tal-UE għall-Iraq u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fir-reġjun biex jipprovdu protezzjoni lill-persuni LGBT u jħaffu r-risistemazzjoni diretta ta' dawk l-individwi LGBT li qegħdin jaħarbu minħabba tħassib dwar is-sikurezza;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt.