Dokument ta’ sessjoni
4.3.2015 B8-0233/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) fl-2015
( 2015/2572(RSP) )
Charles Tannock
f’isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) fl-2015
( 2015/2572(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inklużi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat fil-25 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza fuq kwistjonijiet bħal dawn,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-... dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja tal-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[1]
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-28 sessjoni li ġejja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, li se ssir mit-2 ta’ Frar sas-27 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għal u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma parti mill-acquis tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika barranija Ewropea;
B. billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament minn-nazzjonalità, mir-razza, mis-sess, mill-oriġini etnika, mir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f’konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem sussegwenti;
C. billi d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti u l-privazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt avvers fuq l-oħrajn;
D. billi n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni demokratika leġittima huma fost il-kawżi prinċipali tal-instabbiiltà, tal-istati falluti, tal-kriżijiet umanitarji u tal-kunflitti armati;
E. billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi hija ggwidata skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jtenni l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;
F. billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjonijiet konkreti bil-ħsieb li jiffaċilitaw dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali; u biex jikkooperaw fil-livell internazzjonali bil-ħsieb li jiġu eliminati ostakli għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;
G. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta’ Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu tar-Reviżjoni Perjodika Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw kemm sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’, u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;
H. billi, sfortunatament, xi wħud mill-membri attwali tal-UNHRC huma rikonoxxuti bħala fost l-agħar trasgressuri tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords ħżiena f'termini ta' kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti tar-rappurtar vis-à-vis il-korpi tat-trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-NU;
Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jieħu nota tal-aġenda tat-28 sessjoni tal-UNHRC, li waslet fiż-żmien ta’ kunflitti numerużi, inklużi u notevolment fil-viċinat tal-UE; f’dan id-dawl, huwa diżappuntat għan-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-kunflitt fl-Ukraina sponsorjat mir-Russja;
2. Jilqa’ l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li ġejja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2015; iħeġġeġ lill-UE biex taffaċċja t-temi tal-aġenda b’mod imparzjali u biex tinkoraġġixxi l-istati membri kollha tan-NU biex jagħmlu l-istess;
3. Jilqa’ l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;
4. Jifraħ lil Zeid Ra’ ad Al Hussen għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-isforzi u għall-mandat tiegħu;
5. Jilqa’ r-rapport annwali tal-UNHCHR lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru tal-2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-Uffiċċju tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li jiddefendi din l-indipendenza, sabiex il-Kummissarju Għoli jkun jista’ jkompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod effettiv u imparzjali;
6. Ifakkar l-impenn tiegħu għall-appoġġ għal sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem b’saħħitha taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati tan-NU, kif ukoll il-Proċeduri Speċjali tan-NU;
7. Jikkunsidra li l-fastidju kontinwu u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-figuri tal-oppożizzjoni minn numru ta’ membri tal-HRC idgħajjef il-kredibbiltà tal-Kunsill; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-HRC għandhom jiġu eletti minn stati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu stediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha; jitlob għall-adozzjoni ta’ kriterji tal-prestazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għandhom japplikaw għal kwalunkwe stat elett bħala membru tal-HRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni tal-membri tal-UNHRC;
8. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u l-apprezzament tiegħu għax-xogħol siewi tal-EPU, u jistieden lill-pajjiżi membri biex jippreparaw l-UPR tagħhom b’mod attiv, inkluż billi jinvolvu s-soċjetà ċivili, biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu interattiv waqt is-sessjoni EPU, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jiddefendu t-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati sabiex isibu modi kif jappoġġjawhom fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
10. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom li jaqdu l-funzjoni tagħhom b’imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha biex jikkooperaw ma’ dawn il-proċeduri;
11. Huwa kkonċernat li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qiegħed ikompli jiċkien u li l-NGOs qed jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu fis-sessjonijiet tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU, mingħajr biża’ ta’ tpattija meta jmorru lura f’pajjiżhom;
12. Iwissi dwar il-konsegwenzi mhux maħsuba tat-tkabbir kontinwu tal-lista tad-drittijiet tal-bniedem u l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet ideoloġiċi jew politiċi kontroversjali, billi dan jista’ fl-aħħar mill-aħħar inaqqas l-appoġġ ġenerali għall-idea stess tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem;
Drittijiet ċivili u politiċi
13. Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta’ kull soċjetà ħielsa u demokratika, hija dritt fundamentali ta’ kwalunkwe individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f'Jannar tal-2015 ta’ 12-il persuna inklużi kartunisti, fil-gazzetta Charlie Hebdo, u ta’ 4 min-nies f’supermarket Lhudi, flimkien mal-qtil ta’ direttur tal-films u ta’ gwardja ta’ sinagoga f’Kopenħagen, minn terroristi li jimmiraw għal-libertà tal-espressjoni u r-reliġjon;
14. Jikkundanna l-użu ħażin tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, partikolarment fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libja, fil-Mjanmar, fin-Niġerja u fl-Afrika Ċentrali, li l-azzjonijiet tagħhom jinkludu attakki b’pistoli u bombi, bombi suwiċida, ħtif u atti oħrajn vjolenti; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu teħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi tagħha, inklużi l-esklużjoni soċjali, il-marġinalizzazzjoni politika u l-inugwaljanza estrema; jitlob għal sforzi akbar għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bnedmin li jappartjenu għal minoritajiet reliġjużi;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà tal-għaqda u l-assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet ta' soċjetà ċivili, l-użu aggressiv tal-liġijiet tad-defamazzjoni kriminali u liġijiet oħra restrittivi, ir-rekwiżiti tar-reġstrazzjoni u tar-rappurtar eċċessivi, u r-regolamenti restrittivi żżejjed fuq il-finanzjament barrani, u jtenni li l-libertà tal-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;
16. Jistieden lill-gvernijiet kollha biex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex jitħallew joperaw mingħajr biża’, ripressjoni jew intimidazzjoni u li jikooperaw mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-mekkaniżmu EPU, u biex jiżguraw li l-pajjiżi jinżammu responsabbli għal ritaljazzjonijiet kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari għal każijiet ta’ ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina f’Marzu tal-2014 minħabba li pprova jitla’ abbord titjira biex jattendi l-laqgħa tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġinevra f’Settembru tal-2013;
17. Itenni l-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta’ trattament ħażin, u tal-fatt li l-UE impenjat ruħha biex tagħti prijorità lil din il-kwistjoni, inkluż fir-rigward tat-tfal, u biex tiffaċilita x-xogħol tar-Rapporteur Speċjali tan-NU; iħeġġeġ lill-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex juru l-impenn tagħhom biex tinqered it-tortura u għall-appoġġ tal-vittmi;
18. Jappoġġja l-aħħar rapport u konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-forom kontemporanji tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur fil-politiki tagħhom li huma maħsuba biex jikkumbattu l-firxa tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika permezz tal-internet u permezz ta’ netwerks tal-medja soċjali, billi jieħdu miżuri xierqa fir-rispett sħiħ ta’ drittijiet oħra fundamentali;
19. Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi sinifikanti kif ukoll tħassib serju; jilqa’ f’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Kunsill f’Mejju tal-2014 tal-Linji Gwida dwar il-Liberta tal-Espressjoni Onlajn u Offlajn tal-UE, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk li għandhom fil-mira l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-ġurnalisti u tal-bloggers;
Drittijiet soċjali u ekonomiċi
20. Jinnota li l-aġenda postmillenjali tal-iżvilupp tan-NU għandha l-mira li ttemm il-faqar sal-2030 b’approċċ olistiku għall-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa’ r-rapport ta’ sintesi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-aġenda tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015; jappoġġja l-appelli tas-Segretarju Ġenerali għal approċċ iċċentrat fuq il-bżonnijiet u d-drittijiet tan-nies sabiex jintemm il-faqar;
21. Jikkunsidra li huwa importanti li tiġi indirizzata l-inugwaljanza estrema sabiex jiġġieldu l-faqar b'mod ġenerali u biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata b’mod partikolari; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-problema dejjem tikber tal-ħtif tal-art, li trid tiġi indirizzata;
22. Huwa tal-opinjoni li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta’ kontabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini minħabba li jiddevjaw il-fondi mill-investiment fis-servizzi pubbliċi tant meħtieġa, b’hekk jikkontribwixxu għall-perpetwazzjoni taċ-ċiklu tal-faqar; ifakkar li skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu r-riżorsi adegwati disponibbli; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li għandħa tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;
23. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw il-ħatra ta’ Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;
In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem
24. Jappoġġja t-tixrid u l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan u barra l-UE; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex ikollhom rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn u biex jappoġġjaw sforzi biex jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrapporta sa tmiem l-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;
25. Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jimpenjaw ruħhom man-negozji tal-UE sabiex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw li ‘negozji u drittijiet tal-bniedem’ ikunu inlużi fost it-temi li se jiffukaw fuqhom fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;
26. Jemmen li n-negozji u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jinfurzaw lil xulxin billi joħolqu potenzjal tan-negozju ġdid f’dawk ir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonn investiment sostenibbli u responsabbli u billi jikkontribwixxu għar-rispett ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
Id-Drittijiet tan-nisa
27. Josserva li minkejja l-progress li sar fil-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa s’issa, in-nisa għadhom vittmi ta’ vjolenza sesswali u tal-istupru tal-massa f’żoni ta’ kunflitti armati, u n-numru ta’ nisa li jmutu kuljum bħala riżultat tal-vjolenza domestika huwa verament terribbli; jistieden lill-gvernijiet kollha biex jieħdu passi konkreti kontra l-vjolenza fuq in-nisa f’kull forma, u jtenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;
28. Jenfasizza li l-MĠF hija forma ta’ tortura; jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għall-UE biex taħdem ma’ pajjiżi terzi sabiex teqred il-prattika tal-MĠF; ifakkar dawk l-Istati Membri b’leġiżlazzjoni nazzjonali li tikriminalizza l-MĠF li huma għandhom jużaw din il-leġiżlazzjoni meta ċ-ċittadini tagħhom jinstab li għaddew minnha;
29. Jilqa’ l-inklużjoni mill-QKI li r-reati kriminali tal-ġeneru jinkludu l-istupru, l-attakk sesswali u l-umiljazzjoni u r-rakkomandazzjoni tagħha li dawn ir-reati għandhom jitqiesu bħala reati tal-gwerra;
Drittijiet tat-tfal
30. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, partikolarment bniet, tfal minn familji foqra, tfal b’diżabbiltà u tfal f’żoni ta’ kunflitt, ma jattendux l-iskola, u bosta tfal għadhom isofru minn mard li jista’ jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;
31. Jistieden lill-istati kollha biex jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal kif definit bl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ILO Nru 182, li jinkludi l-iskjavitù tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u x-xogħol perikoluż li jaffettwa s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;
32. Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji ta’ kull stat huwa li jipprovdi edukazzjoni għat-tfal kollha billi joħloq istituzzjonijiet adegwati u jindirizza l-kawżi strutturali tal-impedimenti għall-edukazzjoni primarja universali;
33. Jitlob għal finanzjament tal-UE adegwat għall-programmi ta’ demobilizzazzjoni u tar-reintegrazzjoni għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal tfal ekssuldati; ifakkar l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja ‘Tfal, mhux Suldati’, kif espress waqt is-smigħ dwar l-istess suġġett li sar fis-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta’ Diċembru 2014; jilqa’ r-rapporti annwali sottomessi mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u għall-Kunflitt Armat u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;
Ġlieda kontra l-Impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)
34. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għal min iwettaq l-aktar delitti gravi li huma ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali, li tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta’ delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jibqa’ viġilanti rigward kwalunkwe attentat biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkooperaw mal-Qorti u biex jipprovduha b’appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b’saħħtu, inkluż fin-NU; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lir-Rappreżentanti Speċjali tagħha biex jippromwovu b’mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha, u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta’ Ruma;
Popli Indiġeni
35. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw ir-reviżjoni tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, f’konformità mad-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 69/2), bil-ħsieb tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-titjib tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jitolbu lid-detenturi tal-mandati kollha tal-Proċedura Speċjali biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jaffettwaw in-nisa u l-bniet indiġeni, u sistematikament jirrappurtaw kwistjonijiet bħal dawn lill-UNHRC; iħeġġeġ lill-SEAE u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b’mod attiv l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni sistematiku dwar il-popli indiġeni, kif meħtieġ mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta’ Settembru tal-2014, speċjalment fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;
Avvenimenti internazzjonali kulturali u sportivi u d-drittijiet tal-bniedem
36. Jiddenunzja l-prattika dejjem tiżdied minn stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti kbar sportivi jew kulturali biex iqawwu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jkomplu jillimitaw id-dissidenza domestika; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iqajmu din il-kwistjoni b’mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u biex jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet nazzjonali tal-isport, mal-atturi korporattivi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti bħal dawn, inkluż fir-rigward tal-ewwel edizzjoni tal-Logħob Ewropej, li se jsiru f’Baku fl-2015, u fit-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, li se ssir fir-Russja fl-2018;
Integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE
37. Jistieden lill-UE biex tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali tal-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni;
38. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, u lill-SEAE biex jinkorporaw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma tal-politika esterna tagħhom mal-pajjiżi terzi;
Prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-pajjiżi
Ukraina
39. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-reġjuni separatisti tax-xlokk; jikkundanna l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kunflitt u l-konsegwenzi fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-ġlied reċenti; jappoġġja bis-sħiħ il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni ta’ Monitoraġġ Speċjali OSKE lejn l-Ukraina; jibqa’ kkonċernat dwar id-disriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa kontra l-popolazzjoni lokali fil-Krimea, partikolarment fit-Tatar Krimeani; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU għall-ġlieda kontra l-impunità u biex iwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar il-ġrajjiet vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mad-dimostrazzjonijiet Maidan u l-annessjoni illegali tal-Krimea, kif ukoll il-kunflitt sponsorjat mir-Russja fir-reġjuni tax-xlokk;
Iraq u Sirja
40. Jibqa’ mħasseb serjament dwar il-kunflitti vjolenti li hemm fl-Iraq u fis-Sirja; jikkundanna b’mod inekwivoku r-reati kriminali tal-gwerra mwettqa minn Bashar Al Assad u mill-ISIS/Da’esh kif ukoll dawk imwettqa minn gruppi oħra involuti f’dan il-kunflitt; jikkundanna barra minn hekk l-attentati mill-ISIS/Da’esh biex jesportaw l-ideoloġija estremista u l-vjolenza lejn pajjiżi oħra fir-reġjun u lil hinn; iħeġġeġ lill-istati membri kollha tan-NU biex jitkellmu b’mod ċar kontra l-vjolenza u b’mod partikolari favur id-drittijiet tal-minoranzi; jemmen li sabiex iwaqqfu t-tbatija u l-eżodu tal-massa tal-Kristjani u ta’ popli indiġeni oħrajn tar-reġjun, hija meħtieġa dikjarazzjoni ċara u inekwivoka mill-mexxejja reġjonali politiċi u reliġjużi, b’appoġġ tal-preżenza kontinwa tagħhom u drittijiet sħaħ u ugwali bħala ċittadini tal-pajjiż tagħhom;
Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK)
41. Jilqa’ l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK); jilqa’ r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tinkoraġġixxi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jieħu azzjoni xierqa biex jiżgura l-kontabbiltà, inkluż billi jagħti kunsiderazzjoni għar-riferiment tas-sitwazzjoni fid-DPRK lill-QKI;
Iran
42. Jilqa’ r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta’ Marzu tal-2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran biex jippermetti d-dħul tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fil-pajjiż bħala indikatur kruċjali tar-rieda li jieħu passi għall-ftuħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu għall-piena tal-mewt fl-Iran, inkluż għall-minuri, li ta’ spiss titwettaq wara proċess ġudizzjarju li ma jikkonformax mal-istandards minimi internazzjonali aċċettati dwar proċess ġust u proċess dovut; jibqa’ mħasseb rigward ir-rata għolja ta’ eżekuzzjonijiet; jappoġġja l-istqarrija konġunta ta’ Awwissu tal-2014 mid-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta’ arresti u s-sentenzi tal-atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-qrib, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan;
Il-Mjanmar/Burma
43. Jappoġġja r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tad-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li jirrikonoxxi l-progress li sar s’issa fl-identifikar tal-oqsma li għadhom ta’ tħassib kbir; jistieden lill-Gvern biex jintegra d-drittijiet tal-bniedem fil-qafas istituzzjonali u legali tal-pajjiż u fl-oqsma kollha politiċi, u biex jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u l-għaqda sabiex in-nies ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod liberu dwar il-politiċi tal-gvern mingħajr biża’, intimidazzjoni jew fastidju;
Il-Bjelorussja
44. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, inluż il-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni tal-ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha bbażati fuq l-internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva fuq l-NGOs; jitlob għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jistieden lill-Gvern tal-Bjelorussja biex jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali;
Mali
45. Jilqa’ x-xogħol tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, u jistieden lill-UNHRC biex jestendi l-mandat tiegħu; jilqa’ l-progress li sar mill-Gvern tal-Mali fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ġudikatura f’ċertu partijiet tal-pajjiż, u fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta’ 21 suldat elit fl-2012, flimkien mal-istabbiliment tal-Kummissjoni tal-Verità, tal-Ġustizzja u tar-Rikonċiljazzjoni; jibqa’ mħasseb dwar id-deterjorazzjoni mġedda tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal; jistieden lill-Gvern tal-Mali biex jinvestiga u jżomm responsabbli dawk mill-fazzjonijiet kollha ġellieda li kienu responsabbli għal vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa tul il-kunflitt armat tal-2012-2013, u biex jiżgura li kwalunkwe ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jitlob għall-kontabbiltà, it-tisħiħ tal-kummissjoni tal-verità u l-ivvettjar tal-persunal tal-forza tas-sigurtà;
Is-Sudan t’Isfel
46. Jistieden lill-Unjoni Afrikana biex tagħmel pubbliku ir-rapport tal-Kummissjoni tal-Inkjesta tagħha dwar il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha fis-Sudan t’Isfel, bħala pass għall-promozzjoni tal-ġustizzja vis-à-vis il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-bidu tal-kunflitt;
***
47. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.