Dokument ta' sessjoni
9.3.2015 B8‑0252/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja
( 2015/2592(RSP) )
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Gabrielius Landsbergis, David McAllister, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Gunnar Hökmark, Jerzy Buzek, Michael Gahler, Andrej Plenković, Jaromír Štětina, Andrey Kovatchev, Luděk Niedermayer, Michaela Šojdrová, Ivan Štefanec, Michał Boni, Jiří Pospíšil, Pavel Svoboda, Davor Ivo Stier, József Nagy
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja
( 2015/2592(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, partikolarment dik tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial'[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tat-28 ta' Frar 2015 dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ tal-4 ta' Marzu 2015 dwar id-detenzjoni kontinwa ta' Nadiia Savchenko,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati sospiżi għal ftehim ġdid UE-Russja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Boris Nemtsov, il-Viċi Prim Ministru preċedenti tal-Federazzjoni Russa, il-Gvernatur ta' Nizhny Novgorod u wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni liberali u demokratika tar-Russja, inqatel jumejn qabel dimostrazzjoni li kienet skedata għall-1 ta' Marzu 2015 kontra l-effetti tal-kriżi ekonomika u l-kunflitt fl-Ukraina, u li kien qed jorganizza; billi fil-ġimgħat ta' qabel l-omiċidju Boris Nemtsov kien qed jinvestiga l-parteċipazzjoni tar-Russja fil-konflitt Donbas u kellu l-intenzjoni li jippubblika rapport dwar il-kwistjoni; billi ħamest irġiel ġew arrestati fuq il-qtil ta' Boris Nemtsov, imma mhuwiex ċar jekk kienx wieħed minn dawk miżmuma li spara t-tiri fatali; billi l-awtoritajiet Russi ma ppermettewx lil xi Membri tal-Parlament Ewropew u lil delegazzjonijiet nazzjonali li jidħlu fil-Federazzjoni Russa, u b'hekk impedewhom milli jattendu l-funeral ta' Boris Nemtsov;
B. billi l-VP/RGħ Federica Mogherini ddikjarat fit-28 ta' Frar 2015 li "Boris Nemtsov kien difensur qawwi ta' Federazzjoni Russa moderna, prospera u demokratika, miftuħa għad-dinja";
C. billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi, bħala riżultat ta' vjolazzjonijiet serji numerużi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni fis-snin reċenti ta' liġijiet restrittivi li jinkludu dispożizzjonijiet ambigwi li jintużaw biex ikomplu jirristrinġu lill-oppożizzjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili u jxekklu l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, ir-Russja qiegħda tonqos milli tkun konformi mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha;
D. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja ddeterjorat drammatikament fis-snin reċenti; billi r-rappreżentanti tal-UE huma selettivament ipprojbiti milli jidħlu fir-Russja għal raġunijiet apparentement arbitrarji; billi l-awtoritajiet Russi ma ppermettewx lil xi Membri tal-Parlament Ewropew u lil delegazzjonijiet nazzjonali li jidħlu fil-Federazzjoni Russa, u b'hekk impedewhom milli jattendu l-funeral ta' Boris Nemtsov;
E. billi dejjem qed jikber il-bżonn ta' politika unita, soda, koerenti u komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, appoġġata mill-Istati Membri kollha, b'appoġġ u għajnuna u sostnuta bi kritika soda u ġusta abbażi tal-valuri universali li kemm l-UE u R-Russja ftiehmu li jħaddnu;
F. billi fid-19 ta' Frar 2015 il-kap tal-oppożizzjoni Russa Aleksei Navalnyi ġie kkundannat 15-il jum ħabs talli qassam fuljetti biex jirreklama d-dimostrazzjoni li kienet se ssir; billi fit-30 ta' Diċembru 2014 qorti imponiet fuqu sentenza sospiża ta' tliet snin u nofs u sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs fuq ħuh, Oleg Navalnyi;
G. billi fl-4 ta' Marzu 2015 qorti ta' Moska ċaħdet appell ieħor minn Nadiia Savchenko kontra d-detenzjoni illegali tagħha mill-Federazzjoni Russa, li ressqet b'referenza għall-immunità tagħha bħala membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE); billi sal-4 ta' Marzu s-Sa Savchenko kienet fuq strajk tal-ġuħ għal 82 jum, u billi, wara perjodu ta' żmien bħal dan, qed tiffaċċja r-riskju ta' ħsara permanenti għal saħħitha, jew il-mewt;
H. billi għaddew sitt xhur mill-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver mis-servizzi ta' sigurtà Russi fit-territorju Estonjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi għaddew sitt xhur mill-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver mis-servizzi ta' sigurtà Russi fit-territorju Estonjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi mhuwiex qed jirċievi għajuna legali adegwata, ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu ta' proċess ġust u ġie ordnat jissottoponi ruħu għal eżami psikjatriku mhux ġustifikat, li d-dettalji tiegħu baqgħu mhux magħrufa;
I. billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija qed jimmira fuq il-kwistjoni tal-pluralità tal-midja bil-lingwa Russa, u billi, flimkien mas-sħab tagħha, qed tiġi mistiedna tiżviluppa inizjattivi ġodda tal-midja;
1. Huwa xxukkjat profondament dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov fl-assassinju politiku l-aktar sinifikanti fl-istorja reċenti Russa, meta ġie maqtul b'tiri ta' arma tan-nar qrib il-Kremlin, f'żona mgħammra b'video cameras u mimlija b'persunal tal-pulizija u s-servizzi ta' sigurtà;
2. Jagħti tribut lil Boris Nemtsov, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni, fundatur u mexxej tal-moviment politiku Solidarnost, kritiku ewlieni tal-President Vladimir Putin u tal-gwerra fl-Ukraina, bniedem ta' kuraġġ u konvinzjoni li baqa' onest u sinċier tul il-karriera politika kollha tiegħu u li impenja ħajtu għal Russja aktar demokratika, prospera u miftuħa u għal sħubiji qawwija bejn ir-Russja u l-ġara u s-sħab tagħha;
3. Jestendi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familja u l-ħbieb ta' Boris Nemtsov, lill-membri tal-oppożizzjoni u lill-poplu Russu; jikkundanna d-deċiżjoni tat-tmexxija Russa li żżomm diplomatiċi tal-UE u delegazzjonijiet nazzjonali milli jattendu għall-funeral tiegħu, biex b'hekk jimpedixxu t-tentattiv tal-UE li tagħti t-tribut liċ-ċittadini qalbenin Russi li jiddefendu valuri universali;
4. Jitlob investigazzjoni internazzjonali indipendenti tal-omiċidju; huwa tal-fehma li l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-qafas tal-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti jgħinu jiżguraw investigazzjoni imparzjali u ġusta;
5. Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex fl-ifformular tal-politika futura tagħhom fil-konfront tar-Russja, jikkunsidraw il-fatt li l-atmosfera politika li ħolqu l-awtoritajiet Russi ħejjiet l-art fertili għal omiċidji, vjolenza u pressjoni bħal dawn;
6. Jesprimi tħassib serju dwar ir-reġim politiku tar-Russja, li hu dejjem aktar ikkaratterizzat mill-użu ta' oppressjoni u terrur ġewwa l-fruntieri tagħha u t-tmexxija ta' gwerer u vjolenza barra minnhom;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex iwaqqfu l-gwerra tal-mistħija ta' propaganda u informazzjoni kontra l-ġirien tagħha, id-dinja Oċċidentali u l-poplu tagħha stess, li qed jirrendi r-Russja stat ikkaratterizzat mit-terrur u l-biża', fejn ewforija nazzjonalista hija mibnija fuq l-annessjoni tal-Krimea u gwerra li qed teskala fl-Ukraina, u fejn l-Kremlin qed jikkultiva u jipprovoka l-mibegħda u l-ġlied; jikkundanna l-gwerra ta' propaganda ġdida li qed issir kontra l-valuri demokratiċi u fundamentali, li huma ppreżentati lis-soċjetà Russa bħala aljeni; ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa impenjaw ruħhom, f'diversi dikjarazzjonijiet u trattati internazzjonali, biex jipproteġu valuri demokratiċi universali u d-drittijiet fundamentali;
8. Jesprimi tħassib serju dwar l-omiċidji u l-intimidazzjoni u l-fastidju sistematiku ta' membri tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u persuni li jikkritikaw l-awtoritajiet, inkluż Anna Politkovskaia, il-ġurnalista li kienet titkellem apertament u li nqatlet fl-2006 f'Moska, u Natalia Estemirova, l-attivista tad-drittijiet tal-bniedem maħtufa u maqtula b'arma tan-nar fiċ-Ċeċenja fl-2009, u dwar mewġa kontinwa ta' attakki kontra organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u gruppi tas-soċjetà ċivili fir-Russja; jiddeplora l-arrest ta' Oleksii Honcharenko, membru ta' Verkhovna Rada tal-Ukraina u ta' PACE, fl-1 ta' Marzu 2015;
9. Jinsab ferm imħasseb min-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja tal-obbligi legali internazzjonali tagħha bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt;huwa tal-fehma li l-Federazzjoni Russa għandha tissodisfa l-obbligi li għalihom iffirmat;jiddeplora l-fatt li l-iżviluppi reċenti juru li r-Russja mxiet f'direzzjoni kuntrarja għal dik ta' demokrazija li tiffunzjona, li jinkludi r-rispett tal-oppożizzjoni, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura tal-pajjiż;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu immedjatament il-priġunieri politiċi kollha, inkluż Oleg Navalnyi;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu urġentement lil Nadiia Savchenko, membru ta' Verkhovna Rada tal-Ukraina u ta' PACE, li nħatfet fit-territorju tal-Ukraina u tinsab miżmuma illegalment f'ħabs Russu; jissottolinja l-fatt li r-Russja terfa r-responsabilità għall-istat ta' saħħa fraġli tagħha;
12. Jitlob ir-rilaxx immedjat tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver u għar-ritorn sikur tiegħu lejn l-Estonja;
13. Jiddikjara li appoġġ veru favur ir-Russja jfisser li wieħed jappoġġja d-demokratiċi Russi li qed jiġġieldu għad-dinjità u Russja bbażata fuq il-valuri, li jixirqilhom is-solidarjetà sħiħa tagħna;
14. Jistieden lill-Parlament Ewropew ifassal lista ta' NGOs tad-drittijiet tal-bniedem li joperaw fil-Federazzjoni Russa u fil-Krimea, li hija okkupata mill-Federazzjoni Russa, u biex jappoġġja lil dawn l-organizzazzjonijiet;
15. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżviluppaw programm aktar b'saħħtu ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili Russa, u biex ifittxu u jiżviluppaw opportunitajiet ġodda biex jimpenjaw ruħhom magħha bil-għan li jippromwovu l-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.