Dokument ta' sessjoni
13.4.2015 B8‑0344/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
( 2015/2590(RSP) )
Tamás Meszerics, Rebecca Harms, Heidi Hautala, Ulrike Lunacek, Michèle Rivasi, Peter Eriksson, Bart Staes, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Indrek Tarand, Tatjana Ždanoka, Davor Škrlec, Bodil Ceballos, Helga Trüpel
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
( 2015/2590(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2000 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja[3],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' Marzu 2015 dwar il-prevenzjoni tal-ġenoċidju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment tal-unifikazzjoni Ewropea u wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa r-rieda li ma nħallux li fl-Ewropa jerġgħu jseħħu gwerer u delitti kontra l-umanità;
B. billi l-UE kellha rwol fundamentali fl-istabbiliment tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u billi fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi tippromwovi l-iffirmar u r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma, bil-għan li tikkastiga u tipprevjeni delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, bi qbil mad-dritt intrnazzjonali;
C. billi l-2015 hija għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen li twettaq fl-Imperu Ottoman;
D. billi dan il-ġenoċidju ħalla effetti profondi u fit-tul fuq il-popolazzjonijiet ta' rifuġjati, b'mod speċjali fil-kontinent Ewropew;
E. billi ċ-ċaħda ta' ġenoċidju hija perċepita u rikonoxxuta bħala l-istadju finali ta' ġenoċidju, u b'hekk twitti t-triq għal ġenoċidji oħra fil-ġejjieni;
F. billi n-nuqqas ta' kundanna inekwivoka u f'waqtha tal-ġenoċidju Armen ikkontribwixxa b'mod sostanzjali għall-falliment tal-prevenzjoni ta' delitti sussegwenti kontra l-umanità;
G. billi huwa tal-akbar importanza li nipprevjenu jew naġixxu bil-ħeffa biex intemmu tali delitti, bil-għan li ma sseħħx eskalazzjoni ta' kunflitti u kriżijiet umanitarji;
1. Jipparteċipa fil-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-ġenoċidju Armen, fi spirtu ta' solidarjetà u ġustizzja Ewropea, u jweġġaħ il-memorja tal-vittmi innoċenti ta' kull ġenoċidju u delitt kontra l-umanità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissieħbu fil-kommemorazzjoni taċ-ċentenarju;
2. Jikkundanna l-okkorrenzi kollha ta' delitti kontra l-umanità u ġenoċidju u jiddeplora bil-qawwa kull tentattiv ta' ċaħda tagħhom;
3. Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-komunità internazzjonali, bħalma huma għall-Unjoni Ewropea;
4. Jappoġġja l-isforzi kollha intiżi biex jipprevjenu l-ġenoċidji, jirristawraw id-drittijiet tal-persuni soġġetti għall-ġenoċidju u jistabbilixxu l-ġustizzja internazzjonali;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ġenoċidju Armen minn għadd dejjem akbar ta' Stati Membri tal-UE, u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom m'għamlux dan u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jirrikonoxxuh u jippromwovu attivament ir-rikonoxximent tiegħu mill-komunità internazzjonali, u jappella għal sforzi konkreti biex iwaqqfu kwalunkwe att ta' ċaħda;
6. Huwa tal-fehma li l-kommemorazzjoni fl-2015 ta' għeluq il-mitt sena mill-ġenoċidju Armen tirrappreżenta opportunità importanti biex it-Turkija tirrikonoxxi l-imgħoddi tagħha; f'dan ir-rigward, jistieden lill-awtoritajiet Torok jiftħu l-arkivji kollha li jagħtu lill-istudjużi tal-istorja, lill-akkademiċi u lir-riċerkaturi l-opportunità li jixħtu dawl fuq dawk l-avvenimenti traġiċi u jagħtu bidu għal dibattitu pubbliku tassew trasparenti bil-għan li l-ġenoċidju jiġi rikonoxxut; jilqa' l-passi meħuda dan l-aħħar minn intelletwali u NGOs Torok, u jtenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tinnormalizza r-relazzjonijiet u tistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi mal-Armenja; bl-istess mod jappoġġja inizjattivi tas-soċjetà ċivili bejn it-Turkija u l-Armenja li jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet;
7. Jilqa' l-progress sinifikanti li għamlet il-komunità internazzjonali, b'mod partikolari fil-qafas tan-NU, biex tiżviluppa mekkaniżmi u prattiki rilevanti għall-prevenzjoni u l-ikkastigar tad-delitt tal-ġenoċidju; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dan il-proċess u jtenni t-talba tiegħu għal ratifika universali tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, u tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
8. Jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li l-Assemblea Ġenerali tħabbar id-9 ta' Diċembru bħala l-Jum Internazzjonali tal-Kommemorazzjoni u d-Dinjità tal-Vittmi tal-Ġenoċidju, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju u r-rwol tagħha fil-ġlieda kontra d-delitt ta' ġenoċidju u l-prevenzjoni tiegħu;
9. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President u lill-Parlament tal-Armenja u lill-President u lill-Parlament tat-Turkija.