Dokument ta' sessjoni
27.4.2015 B8‑0365/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress dwar il-Patt ta' Sostenibbiltà tal-Bangladexx
( 2015/2589(RSP) )
Jean Lambert, Ska Keller, Yannick Jadot, Ulrike Lunacek, Monika Vana, Karima Delli, Judith Sargentini, Davor Škrlec
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress dwar il-Patt ta' Sostenibbiltà tal-Bangladexx
( 2015/2589(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, partikolarment dawk tat-23 ta' Mejju 2013 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta’ bini reċenti fil-Bangladexx[1], tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f’fabbriki tat-tessuti, b’mod partikolari fil-Bangladexx[2], tas-6 ta’ Settembru 2007[3], u tal-10 ta’ Lulju 2008[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[5] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[6],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp[7],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-eks Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Karel De Gucht u l-ex Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor fl-okkażjoni tar-reviżjoni fl-ewwel sena tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx,
– wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (1981, C-155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx hu firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” ( COM(2011)0681 ) u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direzzjoni tal-politika dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħha wara l-2014,
– wara li kkunsidra r-rapporti tiegħu dwar “ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli”, u “Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: Promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u rotta lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv’,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li għandha l-għan li tittrasponu fil-leġislazzjoni l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE għandha relazzjonijiet tajbin u fit-tul mal-Bangladexx, anke permezz tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp, is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati u l-arranġament Kollox ħlief armi;
B. billi fl-24 ta’ April 2013 il-bini Rana Plaza f’Savar, 'il barra minn Daka, fejn kien hemm diversi fabbriki tal-ilbies, waqa’ u kkawża l-mewt ta’ iktar minn 1 100 persuna u ħalla madwar 2 500 feruti;
C. billi l-Bangladexx, qabel l-aċċident, kien sar it-tieni l-akbar esportatur tal-ilbies fid-dinja wara ċ-Ċina, bl-inqas pagi fis-settur tal-ilbies, is-settur tat-tessuti li jipprovdu għal kważi 85 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż; billi 60 % tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ tiegħu kienet tmur lejn l-UE, li huwa s-suq ewlieni għall-esportazzjoni tal-Bangladexx; billi kwart tal-popolazzjoni tal-pajjiż huwa indirettament dipendenti fuq il-qligħ li jirriżulta minn din l-industrija;
D. billi, wara t-tmiem tal-Ftehim dwar il-Multi-Fibra, u minħabba r-rata għolja ta’ intensità tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest, pajjiżi li qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina, il-Bangladexx, l-Indja u l-Vjetnam saru produtturi globali; billi r-riorganizzazzjoni tas-settur madwar il-mudell integrat tal-katina tal-valur fisser li l-ordnijiet jistgħu jkunu żgurati biss permezz ta’ titjib fil-produttività u b'aktar tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni, u dan jagħmel il-forzi tax-xogħol tal-Bangladexx u ta' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw partikolarment vulnerabbli;
E. billi l-Bangladexx, il-Kambodja u s-Sri Lanka, fejn l-ekonomija hi ferm dipendenti fuq fis-settur tal-ilbies lest, esperjenzaw tnaqqis fil-pagi minkejja żieda qawwija fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u l-impjiegi;
F. billi, skont informazzjoni mill-Forum Internazzjonali għad-Drittijiet tax-Xogħol, aktar minn 600 ħaddiem fil-qasam tal-ilbies mietu f’nirien f’fabbriki fil-Bangladexx mill-2005, waqt li, skont rapporti minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, ħadd mis-sidien jew maniġers tal-fabbriki ma ġie pproċessat;
G. billi sid il-fabbrika Rana Plaza, Sohel Rana, ġie arrestat ftit jiem wara d-diżastru u attwalment qed jiffaċċja akkużi ta' qtil flimkien ma’ 40 persuna oħra li huma sidien ta' diversi fabbriki li jinsabu fil-kumpless tal-bini;
H. billi l-bini mġarraf tal-kumpless tar-Rana Plaza kien mibni illegalment, u ma kienx jirrispetta l-istandards tas-sikurezza; billi, wara d-diżastru, 32 fabbrika ġew magħluqa b’mod permanenti fil-Bangladexx bħala riżultat ta’ tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza u 26 fabbrika ġew magħluqa parzjalment; billi għad hemm numru sinifikanti ta’ fabbriki li għad iridu jgħollu l-istandards tagħhom għal livell suffiċjenti;
I. billi fl-24 ta’ April 2013, l-Arranġament ta' Rana Plaza (Fond ta’ Kumpens) biex jiġu kkumpensati l-vittmi tad-diżastru u l-familji tagħhom ġie ffirmat mir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Bangladexx, manifatturi lokali tal-ilbies u ditti tal-ilbies Ewropej, trade unions lokali u internazzjonali kif ukoll NGOs internazzjonali; billi l-ammont determinat biex ikopri l-ispejjeż tat-talbiet kollha huwa ta’ USD 30 miljun; billi, mill-24 ta’ April 2015, l-ammont totali miġbur minn kontribuzzjonijiet korporattivi volontarji kien ta’ madwar 27 miljun dollaru Amerikan, li jħalli 3 miljuni pendenti; billi mhux se jkun possibbli li jitħallsu l-ispejjeż mediċi ta’ dawk il-vittmi li jeħtieġu kura medika fit-tul jekk il-fond jibqa’ mhux iffinanzjat biżżejjed;
J. billi d-diżastru ta' Rana Plaza wassal lill-UE biex isawwar, flimkien mal-Gvern tal-Bangladexx u l-ILO, il-‘Patt għal Titjib Kontinwu dwar id-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza fil-Fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u x-Xogħol tal-Suf Malja fil-Bangladexx” (il-Patt dwar is-Sostenibbiltà) f’Lulju 2013, fejn il-Bangladexx impenja lilu nnifsu li jieħu azzjoni biex ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest tal-pajjiż;
K. billi l-ewwel rieżami tal-Patt sar f’Ottubru 2014 u kkonkluda li, waqt li sar progress, passi aktar importanti kellhom jittieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx, notevolment rigward it-titjib u l-implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, it-titjib tad-drittijiet tax-xogħol f’Żoni ta’ Proċessar għall-Esportazzjoni u l-kiri ta’ aktar spetturi tax-xogħol; billi t-tieni rieżami tal-Patt se jsir fil-Ħarifa tal-2015;
L. billi l-Liġi tax-Xogħol kienet emendata f'Lulju 2013; billi l-liġi għadha lura milli tissodisfa l-istandards internazzjonali u jibqa’ diffiċli ħafna għal ħaddiema tal-lum fil-Bangladexx biex jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tax-xogħol mingħajr ritaljazzjoni; billi llum hemm biss għadd żgħir ta’ unions li jirnexxilhom jiddiskutu b'suċċess ftehimiet kollettivi;
M. billi, sena u nofs wara, il-Gvern tal-Bangladexx għad irid joħroġ regoli u regolamenti ta’ implimentazzjoni għal-liġi tax-xogħol; billi l-implimentazzjoni tal-Liġi hija kundizzjoni neċessarja għal eliġibbiltà għall-Programm ta' Ħidma Aħjar tal-ILO u għall-funzjonament tal-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladexx (il-Qbil);
N. billi, fil-Bangladexx, 10 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest hu impjegat f'żoni ta' proċessar għall-esportazzjoni; billi f’Lulju 2014 il-Kabinett għadda Att ġdid dwar ix-Xogħol f'Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni iżda, fost affarijiet oħra, jiċħad id-dritt li jiffurmaw trade unions f'Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni u jagħti s-setgħat u l-funzjonijiet lill-Qrati tax-xgoħol f'Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni u lit-Tribunal tal-Appell li huma ferm ristretti meta mqabbla ma’ Qrati tax-Xogħol Ġenerali u Tribunal tal-Appell tax-Xogħol; billi l-Assoċjazzjonijiet tal-Benesseri tal-Ħaddiema m’għandhomx l-istess drittijiet u privileġġi bħala trade unions;
O. billi madwar 300 trade union kienu rreġistraw fis-settur tal-ilbies sa mill-bidu tal-2013; billi fl-2014, 66 applikazzjoni, li jammontaw għal 26 % tal-applikazzjonijiet kollha ppreżentati, ġew miċħuda; billi l-gvern irrifjuta l-maġġoranza ta’ applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni fl-2015 għal raġunijiet mhux previsti fil-liġi, u b’mod li jidher li jolqot unions indipendenti li sa dak inhar kellhom suċċess fl-organizzazzjoni tal-unions;
P. billi mill-inqas 45 att serju ta’ anti-unionism minn firxa wiesgħa ta’ atturi, li wħud minnhom kienu vjolenti, ġew irrappurtati minn mindu ġie varat il-Patt;
Q. billi l-Bangladexx kellu biss 92 spettur biex jikkontrollaw madwar 5 000 fabbrika tal-ilbies lest u industriji oħra fil-pajjiż qabel l-aċċident; billi l-Gvern tal-Bangladexx kien impenjat li jirrekluta 200 spettur addizzjonali sa tmiem l-2013; billi l-gvern naqas milli jilħaq l-għan tiegħu u ċ-ċifra attwali hija ta’ 173 rekluta addizzjonali; billi l-ispezzjoni tax-xogħol baqgħu rari u ineffettivi, b’mod partikolari rigward l-istandards tal-infurzar tax-xogħol;
R. billi fil-preżent 175 moda u ditti tal-moda bl-imnut iffirmaw il-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini, ftehim legalment vinkolanti bejn id-ditti u t-trade unions li jkopru kważi nofs il-fabbriki tal-Bangladexx għas-suq tal-esportazzjoni u żewġ miljun ħaddiem; billi 26 kumpaniji Amerikana tat-Tramuntana oħra, bħal Walmart u Gap, iffirmaw l-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiem fil-Bangladexx, ftehim unilaterali bl-għan li jtejjeb is-sikurezza fil-fabbriki, li, madankollu, ma jinkludi l-ebda rwol għat-trade unions, jew xi rekwiżit li jitlob li d-ditti jappoġġjaw rimedju;
S. billi l-Bangladexx għamel passi kbar biex jitnaqqas id-distakk bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, wara li kiseb b’suċċess it-tielet Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi 3.2 miljun mill-4 miljun ħaddiem impjegati f’setturi tal-ilbies lest huma nisa; billi l-impjieg tagħhom, f’ħafna każijiet, għamel differenza pożittiva lis-sitwazzjoni tagħhom fil-komunitajiet u l-familji tagħhom;
T. billi t-tessuti u l-ħwejjeġ jirrappreżentaw it-tieni l-ikbar prodott immanifatturat u kkummerċjat fid-dinja illum u billi l-industrija tat-tessuti hija meqjusa bħala wieħed mill-aktar setturi industrijali niġġiesa; billi t-tidwir, l-insiġ u l-produzzjoni ta’ fibri industrijali jnaqqsu l-kwalità tal-arja, u billi ż-żebgħa u l-istampar jikkunsmaw ammonti vasti ta’ ilma u kimika, u jilliberaw għadd kbir ta' aġenti volatili fl-atmosfera li huma ta’ ħsara partikolari għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent;
U. billi, skont il-Konsorzju tad-Drittijiet tal-Ħaddiema, dan ikun ifisser żieda ta’ inqas minn 10 ċenteżmi fil-prezz tal-fabbrika ta’ kull waħda mis-7 biljun unità ta’ lbies li l-Bangladexx ibigħ lil ditti fil-Punent kull sena jekk il-5 000 fabbrika tal-ilbies kellhom jibdew jimxu skont l-istandards ta’ sikurezza tal-Punent fi żmien 5 snin; billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet ta’ lbies u oġġetti tat-tessuti żdiedu matul l-aħħar sentejn;
V. billi s-settur tal-ilbies lest hu dominat sew minn bejjiegħa bl-imnut, produtturi u kummerċjanti tad-ditta kbar li jikkontrollaw il-produzzjoni globali tan-netwerks u direttament jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-provvista; billi l-manifatturi tal-ħwejjeġ u tat-tessuti, fil-kuntest ta’ industrija globalizzata, spiss ma jkollhom l-ebda għażla oħra ħlief li jaċċettaw prezzijiet aktar baxxi, jżidu l-istandards tal-kwalità, iqassru l-ħin tal-kunsinna, inaqqsu l-kwantitajiet minimi u jieħdu l-akbar riskju possibbli;
W. billi l-pressjonijiet kompetittivi qawwija, l-assimetriji tal-enerġija u l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jattiraw l-investiment barrani li jikkaratterizza s-settur tal-ilbies lesti jistgħu jwasslu biex il-kompitu tal-gvernijiet biex jindirizzaw id-drittijiet tax-xogħol u kwistjonijiet ta’ sikurezza isir aktar diffiċli;
X. billi ċ-ċittadini Ewropej ressqu għadd kbir ta’ petizzjonijiet u kampanji organizzati li jesiġu responsabbiltà akbar minn ditti tal-ilbies biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati b’manjiera etika;
1. Ifakkar lill-vittmi fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju tat-traġedja ta’ Rana Plaza, wieħed mill-aktar diżastri industrijali qerrieda li qatt seħħew, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk midruba jew li spiċċaw b’diżabilità kif ukoll lill-familji tal-mejtin;
2. Iħeġġeġ lid-ditti li jixtru mingħand Rana Plaza, jew li għandhom rabtiet sinifikanti fil-Bangladexx, u lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jiżguraw li t-3 miljuni li għad jonqos għal USD 30 miljun Fond ta’ Kumpens ikunu allokati mill-aktar fis possibbli lill-familji tal-vittmi; jiddispjaċih li t-talba li jitħallas l-ammont ta’ kumpens miftiehem mat-tieni anniversarju tad-diżastru ma kenitx issodisfata;
3. Ifakkar li l-Arranġament ta' Rana Plaza, li pprovda l-bażi għat-twaqqif ta’ Fond ta’ Kumpens, kien maħsub li jikkostitwixxi l-bażi fuq terminu twil biex tkun provduta sistema ta’ kumpens permanenti u sostenibbli; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex iżomm mal-impenji tiegħu fil-qafas ta’ Pjan ta’ Azzjoni Tripartitiku Nazzjonali biex jitwaqqaf grupp permanenti nazzjonali għal skema tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li b’mod effettiv tbiddel il-kuntest għal kwistjonijiet futuri ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-Bangladexx;
4. Jinnota li l-Qbil u l-Alleanza ikkompletaw l-ispezzjonijiet tal-fabbriki kollha taħt ir-responsabilità tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jikkomplementa din l-azzjoni billi b’mod rapidu jwettaq l-ispezzjoni tal-fabbriki taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jadotta azzjonijiet ta’ rimedju adegwati; jilqa’ l-involviment ta’ dawk il-produtturi li jixtiequ jtejbu l-istandards; jinkoraġġixxi l-Qbil u l-Alleanza sabiex itejbu l-koperazzjoni tagħhom u jiskambjaw b’mod sistematiku rapporti ta’ spezzjonijiet fil-fabbrika biex ikun evitat xogħol doppju u standards doppji; jistieden l-Allenza ukoll biex tippubblika r-rapporti tagħha f’Bangla u biex tikkonferma b’ritratti b'mod li jkunu aċċessibbli għal kulħadd fil-pajjiż;
5. Jinnota li l-paga minima fl-industrija tal-ilbies tibqa’ baxxa minkejja ż-żieda tal-2013, u jistieden lill-Gvern, b’konsultazzjoni sħiħa mat-trade unions u min iħaddem, biex jistabbilixxi paga minima tal-għajxien; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Gvern biex jiżgura li kull fabbrika tal-ilbies attwalment tħallas il-pagi li huma dovuti;
6. Jinnota l-passi meħuda mill-Bangladexx fl-emendar tal-Liġi tax-Xogħol tiegħu; jiddispjaċih li ma ġewx indirizzati għadd ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-ħaddiema u li l-liġi għadha ma tikkonformax mal-Konvenzjonijiet tal-ILO 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u 98 dwar id-Dritt ta' Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx biex jadottaw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, regoli u regolamenti meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Liġi;
7. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni f'Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni u jenfasizza li l-ħaddiema għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal ħaddiema f’postijiet oħra fil-pajjiż; jiddispjaċih ħafna li l-proposta għal Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol tkompli tipprojbixxi ħaddiema milli jiffurmaw unions f'Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni u li hija tistabbilixxi livell ġeneralment aktar baxx tad-drittijiet tal-ħaddiema, u jirrimarka li Assoċjazzjonijiet tal-Benesseri tal-Ħaddiem bl-ebda mod ma għandhom drittijiet u privileġġi komparabbli ma’ dawk ta’ trade unions; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex immedjatament jestendi l-Liġi tax-Xogħol għal Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni mingħajr dewmien;
8. Jilqa’ r-reġistrazzjoni ta’ 300 trade unions ġodda tal-ilbies mill-bidu tal-2013 iżda jiddispjaċih ferm li madwar 30 minn dawn it-trade unions reġistrati ġodda allegatament m'għadhomx attivi minħabba ritaljazzjoni qawwija, xi drabi vjolenti, kontra l-unions u li madwar 30 trade union oħra ġew xolti bħala riżultat ta’ għeluq ta' fabbriki; jinnota li t-trade unions reġistrati ġodda jirrappreżentaw 4 % tal-forza tax-xogħol tal-ilbies lest; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fit-theddid, fastidju u vjolenza fiżika kontra r-rappreżentanti tal-ħaddiema u għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jindirizza b’mod effettiv il-prattiki tax-xogħol inġusti billi jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxi, jinvestiga u jipproċedi kontra l-irregolaritajiet — inklużi d-diskriminazzjoni kontra t-trade unions u r-ritaljazzjoni — b’mod rapidu u trasparenti; jinsab konvint li taħriġ u tkattir tal-għarfien adegwati dwar id-drittijiet tax-xogħol huma mod effettiv sabiex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra t-trade unions;
9. Jifhem id-diffikultajiet biex isir progress fir-reklutaġġ ta’ spetturi minħabba l-ħtieġa li jitħarrġu n-nies b’mod xieraq qabel ma attwalment ikunu impjegati; jiddispjaċih, madankollu, li anke l-mira li jkunu reklutati 200 spettur addizzjonali sa tmiem l-2013 ma kenitx issodisfata f’April 2015, u jenfasizza li 200 spettur huma numru ferm taħt dak li hu meħtieġ biex tkun sorveljata industrija ta’ erba’ miljun ħaddiem; jenfasizza li l-ispetturi tax-xogħol għandhom jingħataw is-setgħa li jinfurzaw penali kontra min jikser il-liġi tax-xogħol u li l-multi għandhom ikunu dissważivi u għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv;
10. Jemmen li jista' jsir progress sostanzjali dwar il-kwistjonijiet kollha tax-xogħol u tas-sikurezza sat-tieni reviżjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà li għandu jsir fil-ħarifa tal-2015;
11. Jemmen li l-bejjiegħa bl-imnut, il-produtturi tal-marka u l-kummerċjanti għandhom ammont kbir ta’ responsabbiltà biex jimpedixxu pajjiżi li jimmanifatturaw milli jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi; jinsab konvint li struttura aktar ġusta tas-suq u l-kundizzjonijiet soċjali jistgħu jinħolqu jekk dawk il-kumpaniji jimplimentaw tul il-katini tal-provvista tagħhom l-istandards tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) rikonoxxuti internazzjonalment, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali aġġornati reċentement, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard ta' Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabilità Soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
12. Jistieden lill-OECD biex tistabbilixxi proċess li jinvolvi diversi partijiet interessati dwar ktajjen ta’ provvista responsabbli ta’ tessuti u lbies bil-ħsieb li tiġi żviluppata prattika dwar gwida ta' diliġenza dovuta, b’mod konsistenti mal-linji gwida tal-OECD Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, għal kumpaniji biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati esklużivament f’fabbriki li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards ta’ sikurezza u d-drittijiet tax-xogħol; iqis li tali gwida ta' diliġenza dovuta għandha tikkumplementa u ssaħħaħ l-isforzi nazzjonali u internazzjonali eżistenti u tista' tikkostitwixxi l-bażi għal leġiżlazzjoni futura u inizjattivi ta’ ttikkettar ta' ktajjen tal-provvista responsabbli f’tessuti u lbies;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fis-suq Ewropew taħt il-liġi Ewropea biex jipprovdu informazzjoni dwar il-katina ta’ provvista sħiħa tal-prodotti tagħhom, bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD MNE, li jinkludu, fost affarijiet oħra, it-trasparenza tal-katina tal-provvista sal-faċilità ta’ produzzjoni;
14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu klawżola obbligatorja u infurzabbli tas-CSR fil-ftehimiet bilaterali kollha dwar il-kummerċ u l-investiment iffirmati mill-UE, li tista’ torbot l-investituri Ewropej mal-prinċipji tas-CSR kif definiti fil-livell internazzjonali, inkluż l-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD u l-istandards definiti min-NU – b’mod partikolari l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem —, l-ILO u l-UE; jissuġġerixxi li din il-klawżola tarmonizza l-istandards u l-kunċetti eżistenti sabiex tiżgura l-komparabilità u sens ta’ ġustizzja u li jkun fiha miżuri ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-prinċipji fil-livell tal-UE;
15. Jirrikonoxxi li l-impieg fis-settur tal-ilbies għen miljuni ta’ nisa fqar rurali fil-Bangladexx u bnadi oħra biex jaħarbu mid-deprivazzjoni u d-dipendenza fuq is-sostenn tal-irġiel; jinnota li l-forza tax-xogħol li mhijiex f'union kienet essenzjalment komposta minn ħaddiema bla sengħa u minn nisa fis-settur tal-ilbies lest f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li sikwit ma jkollhom l-ebda għażla oħra ħlief li jaċċettaw pagi baxxi, kundizzjonijiet ta’ xogħol fqar u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex iżommu l-impjieg tagħhom; jirrikonoxxi li l-progress fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni hu essenzjali għall-emanċipazzjoni tan-nisa u jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fit-trade unions, inklużi dawk li għadhom kemm ġew ifformati fil-Bangladexx, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt dwar is-Sostenibbiltà li għaraf l-importanza ta’ iktar setgħa lin-nisa (gender empowerment) fit-titjib ta’ standards tax-xogħol;
16. Jemmen li biss żieda żgħira fil-prezz li jħallas il-konsumatur għall-prodotti aħħarin tista’ żżid b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-ħaddiema u li wasal iż-żmien li jiġi nnegozjat ftehim ta’ paga minima xierqa fl-industrija tas-settur tal-ilbies mad-dinja kollha;
17. Jitlob li fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma’ pajjiżi terzi, is-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol għandhom jieħdu post aktar prominenti bħala parti mill-aġenda għal xogħol diċenti u li l-UE tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sabiex dawn ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ;
18. Jitlob li jkun hemm sistema ta’ kooperazzjoni legali transnazzjonali li għandha tiġi stabbilita bejn l-UE u l-pajjiżi terzi firmatarji ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali sabiex jiġi żgurat li l-vittmi ta’ ksur ta’ liġijiet soċjali jew ambjentali, jew ta’ nuqqas li jiġu osservati impenji fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva jew prattiki ta’ skambju ġust minn kumpaniji multinazzjonali u sussidjarji immedjati tagħhom, ikollhom aċċess effikaċi għall-ġustizzja fil-pajjiż fejn ikun sar il-ksur, u b’appoġġ għall-istabbiliment ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali biex jiġi żgurat, fejn meħtieġ, li ksur tal-liġi minn kumpanniji jiġi kkastigat;
19. Jinnota li “Kollox Ħlief Armi” kellha rwol importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Bangladexx u dan għen biex jitjiebu l-kundizzjonijiet materjali għal miljuni ta’ nies, b’mod partikolari n-nisa; jinsab konvint, madankollu, li mingħajr kundizzjonalità soda fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, Kollox Ħlief Armi u Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi jirriskjaw li jwasslu għal standards baxxi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u li jdgħajfu x-xogħol deċenti;
20. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, taħt il-mekkaniżmu tagħha ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, tistabbilixxi u tiżgura l-aderenza tal-Bangladexx mad-drittijiet tal-bniedem, mal-konvenzjonijiet tax-xogħol u dawk ambjentali rikonoxxuti f'livell internazzjonali;
21. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ Mogherini u l-Kummissarju Malmström biex ikomplu jinkludu r-ratifika ta’ standards ewlenin tal-ILO, tal-ispezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u l-libertà ta’ assoċjazzjoni f’diskussjonijiet mal-Bangladexx u pajjiżi oħra dwar il-kontinwazzjoni ta’ kummerċ preferenzjali;
22. Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-Bangladexx biex ikunu involuti l-partijiet interessati u jitwettqu l-impenji biex titjieb is-sitwazzjoni fuq il-post; jistieden aktar kumpaniji Ewropej biex jingħaqdu mal-Qbil u jħeġġeġ ir-replikazzjoni tal-proġett f’pajjiżi oħrajn b’riskju għoli;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvern u l-parlament tal-Bangladexx u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.