Dokument ta' sessjoni
27.4.2015 B8‑0368/2015 /rev
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx
( 2015/2589(RSP) )
Victor Boștinaru, Jörg Leichtfried, David Martin, Bernd Lange, Linda McAvan, Richard Howitt, Viorica Dăncilă, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Emmanuel Maurel, Marlene Mizzi, Victor Negrescu, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Martina Werner, Elena Valenciano, Afzal Khan, Alessia Maria Mosca, Maria Arena, Eric Andrieu, Pedro Silva Pereira, Norbert Neuser, Josef Weidenholzer, Liisa Jaakonsaari, Arne Lietz, Zigmantas Balčytis, Neena Gill, Momchil Nekov, Michela Giuffrida, Nicola Danti, Sorin Moisă, Enrique Guerrero Salom, Enrico Gasbarra, Andi Cristea
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx
( 2015/2589(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Jannar 2014[1], tal-21 ta' Novembru 2013[2] u tal-14 ta' Marzu 2013[3],
– wara li kkunsidra l-Linji gwida aġġornati tal-OECD tal-2011 għall-Intrapriżi Multinazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,
– wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,
– wara li kkunsidra l-Patt dwar is-Sostenibbiltà għal titjib kontinwu fid-drittijiet tax-xogħol u fis-sikurezza tal-fabbriki fl-industrija tal-ilbies u tax-xogħol tal-malja lesti fil-Bangladexx,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, u li ġew approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Frar dwar ‘ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli’[4], u ‘Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: Promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u rotta lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv’[5],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li għandha l-għan li tittrasponi fil-leġislazzjoni l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli,
– wara li kkunsidra l-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO fil-Bangladexx imniedi f’Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ liġi dwar id-diliġenza dovuta ta’ kumpaniji prinċipali u kumpaniji prinċipali ta’ kuntratturi (Nru 2578) adottat fl-ewwel qari mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża fit-30 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-24 ta' April 2013 iktar minn 1 100 ruħ inqatlu u eluf indarbu meta l-bini Rana Plaza f'Savar, il-Bangladexx, iġġarraf;
B. billi mill-inqas 112-il ruħ mietu fin-nirien fil-fabbrika ta’ Tazreen, fid-distrett ta’ Ashulia, f’Dhaka, il-Bangladexx, fl-24 ta' Novembru 2012 u 289 ruħ mietu f’nirien f’Karachi, il-Pakistan, f’Settembru 2012;
C. billi l-bini mġarraf tal-fabbrika tar-Rana Plaza kien mibni illegalment, u ma kienx jirrispetta l-istandards tas-sikurezza; billi, wara d-diżastru, 29 fabbrika ġew magħluqa b’mod permanenti fil-Bangladexx bħala riżultat ta’ tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza u 17-il fabbrika ġew magħluqa parzjalment; billi għad hemm numru sinifikanti ta’ fabbriki li għad iridu jgħollu l-istandards tagħhom għal livell suffiċjenti;
D. billi l-industrija tal-ilbies lest tal-Bangladexx kibret b’mod sinifikanti f’temp ta’ ftit għexieren ta’ snin biex saret it-tieni l-akbar fid-dinja u madankollu, minkejja ż-żieda qawwija fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u l-impjieg kien hemm tnaqqis fil-pagi f’dan is-settur;
E. billi l-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx timpjega madwar 4 miljun ruħ – li minnhom madwar 80 % huma nisa – u b’mod indirett issostni l-għajxien ta’ madwar 40 miljun ruħ – madwar kwart tal-popolazzjoni tal-Bangladexx;
F. billi bħala riżultat ta’ dawn l-avvenimenti traġiċi f’Rana Plaza u wara sejħiet għall-azzjoni mill-Parlament Ewropew, l-UE f’kollaborazzjoni mal-Gvern tal-Bangladexx, l-Istati Uniti u l-ILO iffurmat ‘Patt dwar is-Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u fis-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u tax-Xogħol tal-Malja Lesti fil-Bangladexx’ (il-Patt tas-Sostenibbiltà) f’Lulju 2013, li jiddeskrivi impenji konkreti biex ikabbar ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari l-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv, tittejjeb l-integrità strutturali tal-bini u jippromwovi kondotta responsabbli tan-negozju;
G. billi l-ewwel rieżami tal-Patt sar f’Ottubru 2014 u kkonkluda li, waqt li sar progress, passi aktar importanti kellhom jittieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx, notevolment rigward it-titjib u l-implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, it-titjib tad-drittijiet tax-xogħol f’Żoni ta’ Pproċessar għall-Esportazzjoni u l-impjieg ta’ aktar spetturi tax-xogħol; billi t-tieni rieżami tal-Patt se jsir fil-Ħarifa tal-2015;
H. billi l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini ġie iffirmat minn 187 korporazzjoni tal-ilbies, trade unions globali u lokali, NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-ħaddiema fit-13 ta’ Mejju 2013, u l-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiema tal-Bangladexx ġiet stabbilita fid-9 ta’ Lulju 2013 u laqqgħet flimkien 26 ditta prinċipalment tal-Amerika ta’ Fuq;
I. billi aktar minn 5 000 dipendent tal-mejtin u s-superstiti tad-diżastru tar-Rana Plaza għadhom irċevew biss 70 % tal-kumpens dovut lilhom, b’madwar USD 21 miljun f’donazzjonijiet minn ditti dinjija, mill-Fond tal-Prim Ministru tal-Bangladexx, it-trade unions u s-soċjetà ċivili magħmula disponibbli fl-aħħar sena;
J. billi, filwaqt li hemm fis-seħħ arranġamenti biex jitħallsu 30 % ulterjuri tat-talba totali lir-rikorrenti, il-pagament finali huwa ostakolat minħabba n-nuqqas ta’ USD 8.5 miljun fil-finanzjament meħtieġ, li jfisser li ħafna rikorrenti vulnerabbli se jinżammu jistennew;
K. billi wara d-diżastru kien hemm domanda liema bħala mill-konsumaturi Ewropej għal aktar informazzjoni dwar minn fejn joriġinaw il-prodotti u l-kundizzjonijiet li fihom ikunu prodotti – kif muri minn petizzjoni riċenti b’miljun firmatarju, li b’suċċess, talbu lill-Benetton tħallas aktar u ttejjeb il-kundizzjonijiet;
L. billi l-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx rivedut fl-2013, filwaqt li jinkludi xi riformi pożittivi, xorta għadu ‘l bogħod milli jilħaq l-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, kif enfasizzat mill-kummenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO dwar il-Konvenzjonijiet 87 u 98, inklużi limitazzjonijiet fuq id-dritt li jeleġġu rappreżentanti f’libertà sħiħa, għadd ta’ limitazzjonijiet fuq id-dritt tal-istrajk u setgħat amministrattivi ġenerali għall-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ trade union, u billi l-gvern iddikjara ripetutament li ma għandu l-ebda intenzjoni li jikkunsidra emendi addizzjonali;M. billi l-Gvern tal-Bangladexx għad irid joħroġ regoli ta’ implimentazzjoni u regolamenti għall-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx 2013 minkejja wegħdiet ripetuti li jagħmel dan, u dan qed jipperikola t-transizzjoni għal industrija tal-ilbies sostenibbli;
N. billi t-trade unions qed jirrapportaw li l-Gvern tal-Bangladexx qiegħed b’mod proattiv jostakola lill-ħaddiema u lil dawk li jħaddmu li jixtiequ jistabbilixxu kumitati tagħhom stess għas-sikurezza, kif mitlub mill-Qbil tal-Bangladexx, milli jagħmlu dan, billi jsostni li hemm nuqqas ta’ regolamenti;
O. billi d-diskriminazzjoni kontra l-unions għadha tikkostitwixxi problema serja ħafna u li qed tikber rapidament, billi min iħaddem, issa għandu s-setgħa jkeċċi attivisti fit-trade unions waqt li b’qerq jagħmel ta’ bir-ruħu li ma jkollux għarfien li l-ħaddiema jkunu ppreżentaw applikazzjoni biex jiffurmaw trade union;
P. billi bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Bangladexx jibbenefika minn aċċess bla dazju u bla kwota għas-suq tal-UE għall-prodotti kollha tiegħu skont l-inizjattiva ‘Kollox Ħlief Armi’ (‘Everything but Arms’ (EBA)), li tkopri 55 % tal-esportazzjoni tal-Bangladexx, li ħafna minnha hija lbies/tessuti, u li għaldaqstant huwa marbut li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ numru ta’ konvenzjonijiet ewlenin tal-NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema;
Q. billi xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali se jkun punt ewlieni fl-aġenda tal-Konferenza tal-ILO tal-2016;
R. billi bħala parti mis-Sena Ewropea għall-Iżvilupp 2015, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi l-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, bħala riżultat dirett tat-tħassib taċ-ċittadini dwar l-avvenimenti traġiċi;
1. Ifakkar lill-vittmi tat-traġedja ta’ Rana Plaza fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju; ifakkar li n-nar ta’ Rana Plaza kien wieħed mill-aktar diżastri industrijali qerrieda li qatt seħħew, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk li ndarbu kif ukoll lill-familji ta’ dawk li mietu;
2. Jinsab allarmat min-nuqqas ta’ impenn lejn bidla reali muri mill-Gvern tal-Bangladexx, inkluż in-nuqqas li tagħmel it-tibdil meħtieġ fl-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx fl-2013, li żamm għadd ta’ ostakli għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv, il-projbizzjoni ta’ trade unions f’Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni u n-nuqqas ta’ spezzjonijiet effikaċi tax-xogħol għall-infurzar tal-istandards tax-xogħol;
3. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jimplimenta attivament l-impenji kollha fil-Patt bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità sabiex jindirizza l-ammont kbir ta’ problemi persistenti fis-settur tal-ilbies lest;
4. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex b’mod urġenti jressaq regoli ta’ implimentazzjoni u regolamenti għall-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx, f’konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Konsultattiv Tripartitiku, b’attenzjoni partikolari biex jiġu implimentati l-Konvenzjonijiet tal-ILO 87 u 98 dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ negozjar kollettiv u jiżgura li dawn japplikaw ukoll mingħajr eċċezzjoni f’Żoni ta’ Pproċessar għall-Esportazzjoni;
5. Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li trade unions li għadhom kif ġew iffurmati sofrew diskriminazzjoni, tkeċċija u rappreżalji; huwa xxukkjat mid-diskriminazzjoni mifruxa kontra t-trade unions li tipprevali fil-Bangladexx, enfasizzata minn atti ta’ ritaljazzjoni dokumentati kif imiss kontra ħaddiema fi trade unions kif ukoll permezz ta’ atti ta’ vjolenza fiżika wżati kontra mexxejja u attivisti tat-trade unions, inkluż il-qtil ta’ mexxej tat-trade unions Aminul Islam; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jarresta u jħarrek l-awturi ta’ attakki kriminali fuq attivisti fit-trade unions bħala prijorità, sabiex tintemm l-impunità għal dawn id-delitti u biex jibgħat sinjal li l-vjolenza kontra l-attivisti fit-trade unions mhux se tkun tollerata;
6. Jesprimi tħassib li l-gvern irrifjuta l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade unions fl-2015 għal raġunijiet li mhux previsti fil-liġi, u b’mod li jidher li jolqot unions indipendenti li sal-lum kellhom l-aktar suċċess fl-organizzazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jirreġistra trade unions indipendenti u jiżgura l-protezzjoni tagħhom minn diskriminazzjoni kontra t-trade unions;
7. Jiddeplora n-nuqqas ta’ USD 8.5 miljun fit-total meħtieġ għall-ħlas ta’ kumpens għad-diżastru ta’ Rana Plaza minn kumpaniji li l-profitti tagħhom jaqbżu biljuni ta’ dollari; jistieden lid-ditti internazzjonali responsabbli, lill-Gvern tal-Bangladexx u lir-rappreżentanti tal-industrija tal-Bangladexx jieħdu passi immedjati biex jindirizzaw dan in-nuqqas sabiex jikkumpensaw lill-vittmi u d-dipendenti tagħhom mingħajr dewmien ulterjuri;
8. Jiddispjaċih ħafna li wara xhur ta’ waqfien, id-ditta Benetton għadha kif ħabbret li se tikkontribwixxi USD 1.1 miljun għall-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi Rana Plaza, minkejja l-fatt li l-kontribut meħtieġ huwa stmat li huwa ħafna ogħla abbażi tal-kapaċità tagħha li tħallas u l-firxa tal-involviment tagħha f’Rana Plaza; jiddispjaċih bl-istess mod li kull ditta marbuta ma’ Rana Plaza għamlet donazzjonijiet insuffiċjenti, u b’hekk dawn id-ditti qed jonqsu milli jwettqu r-responsabilitajiet tagħhom lejn il-vittmi, inklużi Mango, Matalan, u Inditex, li jirrifjutaw li jiżvelaw id-donazzjoni tagħhom, flimkien ma’ oħrajn, bħal Walmart u The Children’s Place, li kkontribwew biss ammont minimu;
9. Jinnota li l-kumpens għan-nirien ta’ Tazreen issa qed jiġi nnegozjat fuq l-istess bażi tal-Arranġament ta’ Rana Plaza; jiddispjaċih ferm għad-dewmien kontinwu u jitlob li l-kumpens jingħata f'waqtu;
10. Jilqa’ l-passi li qed jittieħdu lejn l-istabbiliment ta’ skema ta’ assigurazzjoni permanenti tal-korrimenti fl-impjieg fil-Bangladexx, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja sforzi bħal dawn, iżda jinnota li, filwaqt li l-isforzi attwali għall-kumpens huma eċċellenti dan se jibqa’ ostaklu għall-progress f’dan il-qasam;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jgħolli l-paga minima fl-industrija tal-ilbies, f’konsultazzjoni sħiħa mat-trade unions, sabiex jiżgura li l-ħaddiema jitħallsu mill-anqas il-paga minima għall-għajxien, u jħeġġeġ lill-gvern biex jiżgura li fabbriki tal-ilbies attwalment iħallsu l-pagi dovuti;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-UE u oħrajn biex jikkunsidraw proposti għal titjib ta’ oqfsa regolatorji li se jiżguraw li l-aċċess għal rimedju u kumpens tkun ibbażata fuq il-bżonn u mhux biss fuq il-kapaċità ta’ gruppi tal-kampanji biex “isemmu u jiddenunzjaw” (“name and shame”);
13. Jilqa’ l-fatt li l-Ispezzjonijiet fi ħdan il-Qbil tal-Bangladexx dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini wettqu spezzjonijiet intensivi fil-fabbriki madwar il-Bangladexx u li qed isiru tiswijiet f’bosta postijiet; jappoġġja l-ħidma importanti tal-ILO sabiex dan jiġi żgurat;
14. Jilqa' l-impenji li ttieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx biex isaħħaħ id-Dipartiment tal-Ispezzjonijiet tal-Fabbriki u l-Istabbilimenti u t-titjib tas-servizz tal-ispezzjonijiet tiegħu f'Jannar 2014; jinnota, madankollu, li dan għadu mhux komplut u li 200 spettur addizzjonali xorta għadhom taħt il-livell meħtieġ għall-ispezzjoni ta’ forza tax-xogħol ta’ 4 miljun ħaddiem; jinnota wkoll li l-bażi ta’ data tal-ispezzjonijiet hija nieqsa minn informazzjoni sostantiva u minn kapaċitajiet ta’ kondiviżjoni ta’ dejta; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab internazzjonali biex jipprovdu assistenza teknika u kondiviżjoni tal-aħjar prattika biex jassistu l-aġġornament tad-Dipartiment tal-Ispezzjonijiet tal-Fabbriki u l-Istabbilimenti; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex jirrispetta l-impenji tiegħu ta’ spezzjoni tax-xogħol u biex jirrispetta l-Konvenzjoni 81 tal-ILO u biex jieħu nota tal-osservazzjonijiet tas-sistema ta’ superviżjoni tal-ILO f’dan ir-rigward, u jistieden lill-gvern biex jiżgura li jwettaq spezzjonijiet effettivi fil-prattika;
15. Jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni endemika f’ħafna nazzjonijiet tan-Nofsinhar tal-Asja bejn l-ispetturi tas-saħħa u s-sikerezza u s-sidien tal-fabbriki tal-ilbies u jitlob li jsir aktar biex tali prattiki jiġu miġġielda;
16. Jilqa’ l-fatt li għadd kbir ta’ ditti tal-moda ewlenin u ditti bl-imnut li jakkwistaw l-ilbies lest mill-Bangladexx iffirmaw il-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jgħinu fit-titjib tas-sikurezza fil-fabbriki tal-Bangladexx li jfornuhom; f’dan il-kuntest, jinkoraġġixxi kumpaniji oħrajn, inklużi l-SMEs, biex jingħaqdu fil-Qbil fi ħdan il-kapaċitajiet rispettivi tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa għal involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati kollha għal implimentazzjoni effettiva tal-Qbil;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha b’mod attiv ma’ intrapriżi multinazzjonali, ditti tal-UE u bejjiegħa bl-imnut biex tapprofondixxi d-diskussjonijiet dwar Imġiba Kummerċjali Responsabbli f’konformità ma’ linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment; jistenna li kumpaniji tal-UE, inklużi d-ditti kummerċjali u l-bejjiegħa bl-imnut, jiżguraw ir-rispett sħiħ tal-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO, kif ukoll il-liġijiet nazzjonali, madwar il-ktajjen tal-valur tagħhom f’konformità mal-Prinċipji Gwida dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD għal Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, kif ukoll jinvolvu ruħhom fi djalogu xieraq ma’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema lokali u r-rappreżentanti tagħhom;
18. Jemmen li n-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni fis-settur tal-ilbies ħafna drabi huwa ostaklu ewlieni għat-trattament ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-provvista globali u li tinħtieġ sistema ta’ rapportar mandatorja li tipprovdi informazzjoni li tgħaqqad l-atturi kollha fil-katina tal-valur ta’ prodott wieħed, mis-sit tal-produzzjoni sal-bejjiegħa bl-imnut;
19. Iqis li leġiżlazzjoni ġdida tal-UE hija meħtieġa biex jinħoloq obbligu ġuridiku ta’ Diliġenza Dovuta Korporattiva rigward id-Drittijiet tal-Bniedem għall-kumpaniji tal-UE li jesternalizzaw il-produzzjoni lil pajjiżi terzi, inklużi miżuri vinkolanti biex jiżguraw it-traċċabilità u t-trasparenza permezz ta’ leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fis-suq Ewropew iwettqu diliġenza dovuta u jipprovdu informazzjoni dwar il-katina tal-provvista sħiħa tal-prodotti tagħhom, bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-obbligi tagħha li tissorvelja l-osservanza tal-Bangladexx tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u l-konvenzjonijiet ambjentali taħt is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati u, jekk il-gvern ma jkunx issodisfa t-termini tal-Patt ta’ Sostenibbiltà minn Lulju 2015, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni bl-għan li tivverifika jekk kienx hemm ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tax-xogħol protetti taħt is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati;
21. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżgura li l-uffiċjali tal-UE responsabbli għall-kummerċ, jekk ikunu bbażati f’delegazzjonijiet tal-UE, jirċievu taħriġ regolari dwar kwistjonijiet ta’ responsabilità soċjali korporattiva, b’mod partikolari rigward l-implimentazzjoni tal-Qafas tan-NU “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”, u li d-delegazzjonijiet tal-UE jiffunzjonaw bħala punti ta’ kuntatt tal-Unjoni għall-ilmenti dwar kumpaniji tal-UE u sussidjarji tagħhom;
22. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ Mogherini u lill-Kummissarju Malmström biex ikomplu jinkludu r-ratifika ta’ standards ċentrali tal-ILO, l-ispezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u l-libertà ta’ assoċjazzjoni f’diskussjonijiet mal-Bangladexx u ma’ pajjiżi oħra dwar il-kontinwazzjoni ta’ kummerċ preferenzjali;
23. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea dwar ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi nazzjonali eżistenti bħal dawk fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fid-Danimarka u fi Franza; jemmen li l-UE għandha l-kapaċità u d-dmir li tkun mudell globali ta’ responsabilità tal-katina tal-provvista b’reazzjoni għall-interess liema bħalu taċ-ċittadini tal-UE;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u l-Parlament tal-Bangladexx.